Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687
Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Kollox taħt id-dell tal-Panama D an l-editorjal kellu jkun dedikat kollu kemm hu għall- pass mill-aktar pożittiv li ħa l-Gvern din il-ġimgħa meta ffirma 'memorandum of understanding' għal aktar inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà fuq il-post tax- xogħol. Kellna niddedikaw din il-parti tal-gazzetta, li temmen fl-inklussività u fl-ugwaljanza, għal dan il- ehim li anke jekk għadu fuq karta huwa definittivament pass kbir 'il quddiem għas- soċjetà li ngħixu fiha u pass għaqli min-naħa tal-Gvern. Fil-fatt, dan il-ftehim bejn l-ETC, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Malta Employers Association huwa tama ġdida, l-ewwel u qabel kollox għal dawk l-eluf ta' persuni li għandhom l-isfida tad-diżabbiltà u li jsibuha diffiċli li jsibu impjieg, bħall- atleta Għawdxija Maria Pia Saliba li tkellmet mal-ILLUM il-ġimgħa l-oħra. Fuq binarju strettament politiku, din id-deċiżjoni kienet bdiet tagħti tama mill-ġdid lil dawk il-ħafna li bħalissa qed iħossu li Gvern Laburista abbanduna r-ruħ soċjali tiegħu, darba għal dejjem. Imma ġara dak li ilu jiġri għal dawn l-aħħar 10 ġimgħat u minflok għandna pajjiż li qed jitkellem dwar is- suċċessi u l-passi 'l quddiem li qed nagħmlu f 'oqsma li jmissu ħajjet in-nies mill- qrib, qed nitkellmu dwar l-intransiġenza u l-każ Panama. Huwa inutli li l-Prim Ministru jgħid li qed jiddispjaċih li n-nies mhux qed jitkellmu dwar is-suċċessi tal-Gvern tiegħu, jekk f 'dan il-każ kien hu stess parti integrali mir-raġuni għalfejn, minflok il-kisbiet tal-Gvern, qed nitkellmu dwar il-frejjeġ li qed jagħmel. Imma ladarba l-attenzjoni hija kollha fuq ir-reshuffle, mela allura se nagħtu ħarsa ħafifa lejn l-aktar mossa pożittiva u l-aktar waħda negattiva f 'dan ir-reshuffle. Din il-gazzetta jidhrilha li l-promozzjoni ta' Chris Fearne kienet mistħoqqa għal bosta raġunijiet. L-ewwel u qabel kollox Fearne huwa bniedem enerġetiku, li jaf is-settur tiegħu sew u li qed jaħdem biex jibqa' jkun hemm titjib f 'dan is-settur. Ħafna mill-progress li sar f 'dan il-qasam f 'dan l-aħħar żmien, jibqa' marbut miegħu. Mit-tnaqqis drastiku fil-listi ta' stennija, għall-proġetti infrastrutturali fl-Isptar għat-tnaqqis qawwi ħafna fil- mediċini out of stock. Għad irid isir ħafna xogħol, imma huwa pjuttost evidenti li progress sar, u sar sew matul dawn it-tliet snin. Imma jekk il-ħatra ta' Fearne kienet pożittiva, mhux l-istess jista' jingħad għall- ħafna logħob bil-bżallu fejn jidħol Konrad Mizzi. Naħseb issa kulħadd xeba' jisma' l-istess argument, għal darba, darbtejn u mitt darba, imma għall-kirjanza ta' min ma fehemx jew ma jridx jifhem, se nerġgħu nirrepetu. Konrad Mizzi għandu ħafna preġji bħala Ministru, jekk xejn għandu l-preġju li beda jġib Enemalta falluta u mfarrka fuq saqajha, għalaq Power Station li ilha biex tinagħlaq snin twal, beda jaħdem fuq il-proġett ta' power station li taħdem bil-gass, qed jieħu l-ewwel passi biex jeħles lin-nies ta' Birżebbuġa minn ġerħa ta' tankijiet taż-żejt f 'nofshom u taħtu, bħala Ministru, rajna traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li ħaddieħor qalilna li huwa impossibbli li jsir. Imma, u hawn hija l-problema, Konrad Mizzi meta ffaċċjat bil-kontijiet u kumpaniji li kellu l-Panama beda jieħu żelqa wara oħra. Kien ekonomiku mal-verità meta kien mistenni li jitfa' l-karti kollha fuq il-mejda u baqa' ma fehemx, lanqas issa, li minkejja n-nuqqas ta' nar, fuq rasu llum hemm duħħan iswed u ikrah li qed jinfirex fuq il-Gvern kollu. Konrad Mizzi ma fehemx li fil- politika, il-perċezzjoni tilgħab parti importanti mis-suċċess jew falliment ta' politiku. Austin Gatt m'għandux ċertifikat jew midalja ta' korruzzjoni, ħadd ma sab ebda prova li kien jew hu korrott, imma kulħadd jaf li ma kellux xi tluq glorjuż mill-politika. Minn dan kollu, Mizzi ma fehem xejn. It-tneħħija ta' Mizzi minn Ministru tas-Saħħa u Enerġija u l-ħatra tiegħu ta' Ministru bla portafoll hija insult għall- intelliġenza tan-nies. Donnu l-Prim Ministru ried jikkalma l-ilmijiet billi noħolqu ċirklu fejn għat-taparsi sar xi ħaġa, meta fil-verità ma sar xejn. Xi kultant aħjar ma tagħmel xejn, milli tagħmel xi ħaġa li tkompli tniżżlek 'l-isfel. L-għażla li jinżamm Mizzi bħala Minstru li għat-taparsi ma jikkmanda xejn, kienet definittivament waħda li aħjar ma saret xejn għax iktar kebbset nar milli mewtitu. Sadanittant, il-preġji kbar ta' dan il-Gvern, is-suċċessi li qed jagħmel, ir-riformi li qed ikollu kuraġġ iwettaq u l-kisbiet fl-oqsma tad- drittijiet ċivili jibqgħu taħt id-dell tal-Panama. Kif se jibqgħu taħt id-dell tal-Panama dawk il-ħafna Ministri mimlijin enerġija u ideat. Mhux sew u mhux ġust dan. Editur: Albert Gauci Cunningham 19