Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687
Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 | illum 21 Pjazzetta Ippubblikati n-novelli kollha ta' Biancardi BIEX tiċċelebra Jum il- Ħaddiem 2016, is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) qed tippubblika ġabra esklussiva bin-novelli kollha li kiteb il-ġurnalist u kommedjografu Nikol Biancardi (1904-1969) fuq medda ta' erbgħin sena bit-titlu ġenerali Il-Ħalliel tal-Mejtin. Biancardi kien fost l-ewlenin xellugin li ppropona li f 'Malta jibda jkun iċċelebrat Jum il-Ħaddiem fl-1 ta' Mejju, kif kien isir fl-Ewropa emanċipata. Il-ħsieb ta' Biancardi kien sar realtà u fl-1926, Jum il- Ħaddiem f 'Malta kien imfakkar kif jixraq fl-Isla, li dejjem kienet fortizza Laburista. In-novelli ta' Biancardi, annotati kritikament fejn tidħol l-estetika tagħhom, inġabru minn Donna-Lynn Calleja, li għadha kif iggradwat b'Baċċellerat fil-Malti mill- Università ta' Malta. Biancardi kien konness ma' diversi ġurnali tal-epoka, fosthom Il-Ħmar/a, Dottor Xechech u akar tard, Il-Berka, fejn, flimkien mal-poeta Karmenu Vassallo, kien jieħu ħsieb il-kontribuzzjonijiet letterarji. Bħala bniedem assoċjat mat-teatru, Biancardi kien ħoloq il-Konkors Bajda u Ħamra (1945), bil-għan li jgħin biex il-palk Malti jevolvi u jibda jinqata' minn skemi sorpassati. Il-Ħalliel tal-Mejtin se jinbigħ €10 mill-Istand tal- SKS fil-Belt Valletta waqt l-attività tal-Partit Laburista u mill-ħwienet tal-kotba. 90 SENA MINN JUM IL-ĦADDIEM F'MALTA Il-film 'Inhebbek Hedi' se jiftaħ it-tieni edizzjoni tal-Valletta Film Festival IL-FILM Tuneżin 'Inhebbek Hedi', rebbieħ ta' diversi awards prestiġjużi, se jiftaħ it-tieni edizzjoni tal-Valletta Film Festival. Is-serata tal-ftuħ se ssir il-Ġimgħa 3 ta' Ġunju 2016 fi Pjazza Teatru Rjal. 'Hedi' rebaħ kemm il- premju għall-aqwa film debuttant u s-Silver Bear għall-aħjar Attur waqt il-Berlin Film Festival ta' din is-sena. Il- film huwa l-ewwel feature film għad- Direttur Mohamed Ben Attia u fih jieħdu sehem Majd Mastoura, Rym Ben Messaoud and Sabah Bouzouita. Il-film jiffoka fuq it-temi universali tal- għażliet personali u r-responsabbiltà. L-istorja hi dwar 'Hedi', ġuvni kwiet li jgħix bla aspettativi partikolari u li jħalli lil ħaddieħor jiddettalu ħajtu. Madankollu, ġimgħat 'il bogħod minn żwieġ irranġat, Hedi jiltaqa' ma' tfajla b'fehmiet iktar liberi li ġġiegħlu jieħu deċiżjoni għalih innifsu. 'Hedi' se jintwera wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal- Valletta Film Festival. Il-biljetti joħrġu għal bejgħ f ' Mejju. Film Grain Foundation Film Grain Foundation hija organizazzjoni privata non-profit imwaqqfa biex tippromwovi u tkattar l-apprezzament għall-arti ċinematografika f 'Malta. Fl-2015, il-fondazzjoni organizzat l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Film Festival li matulha ntwerew 36 feature film u 22 short film waqt ġimgħa t'attivitajiet madwar il- Kapitali Maltija. L-ewwel festival attendew għalih iktar minn 7,000 persuna. Din is-sena, il-Fondazzjoni qed torganizza t-tieni edizzjoni bejn it-3-11 ta' Ġunju u mistennija turi 42 feature film u 24 short film. Il-films se jintwerew f 'ħames postijiet differenti fil-Belt Valletta. BalletBoyz fil-qofol tal-Arts Festival IL-QOFOL tal-attivitajiet imħabbra din il-ġimgħa mill- Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-Malta International Arts Festival (MIAF) huwa avveniment fejn se jittella' xogħol tal-BalletBoyz. Dan, flimkien ma' żewġ attivitajiet oħra mħabbra dil-ġimgħa: kunċert mill-RNCM Big Band immexxijja minn Mike Hall bl-isem The Rite of Spring u kunċert tal-kitarra klassika u bandoneon minn Simon Shembri u Gilberto Pereyra – komplew iżidu mal-programm varjat ta' din is-sena. Il-kumpanija BalletBoyz twaqqfet fl-2001 minn Michael Nunn u Billy Trevitt. Huma żifnu madwar id-dinja kollha għal għaxar snin sħaħ, u rebħu diversi premjijiet u unuri filwaqt li ħadmu ma' żeffiena, koreografi u disinjaturi ewlenin. Fl-2010, huma rtiraw mill-palk u nedew l-ewwel edizzjoni tal-proġett 'The Talent'. Michael u Billy għażlu tmien żeffiena żgħażagħ irġiel minn kuntesti differenti u ħadmu magħhom mill-qrib u ħarrġuhom biex joħolqu kumpanija ta' artisti mill-aqwa. Fl-2013, BalletBoyz rebħu n-National Dance Award for Best Independent Company. BalletBoyz se jiżfnu fi Pjazza Teatru Rjal fil-15 u s-16 ta' Lulju fid-21:00. Fid-9 ta' Lulju fid-21:00, l-RNCM (Royal Northern College of Music) Big Band immexxija minn Mike Hall, se tipprovdi divertiment fil-Forti Sant Iermu. L-RNCM Big Band se jkunu qed idoqqu l-arranġament ta' Darryl Brenzel ta' The Rite of Spring ta' Stravinsky. Il-kunċert se jinkludi wkoll xogħlijiet oħra għall-Big Band, bħal Heated Think Tank ta' Colin Towns, Hunting Wabbits ta' Goodwin, The Monster and the Flower ta' Claudio Roditi, The Pretty Road ta' Maria Schnieder u Elvin's Mambo ta' Bob Mintzer. It-tielet avveniment li tnieda din il-ġimgħa se jsir fil-Forti Sant Iermu fil-11 ta' Lulju fid-21:00, meta Simon Schembri u Gilberto Pereyra se jdoqqu xogħlijiet għall-kitarra klassika u l-bandoneon. Simon Schembri studja ma' Alexandre Lagoya f 'Pariġi fejn rebaħ unanimament l-ewwel premju fil-Conservatoire Supérieur de Musique ta' Pariġi. Solista eċċezzjonali magħruf, Schembri spiss ikun mistieden biex idoqq ma' mużiċisti magħrufa f 'festivals kbar internazzjonali. Schembri se jkun qed idoqq biċċiet minn Spanish Suite ta' Isaac Albeniz. Għat-tieni parti tal-kunċert, se jingħaqad ma' Schembri Gilberto Pereyra, li se jkun qed idoqq il-bandoneon: l-istrument tat-tango Arġentin. Pereyra daqq fl-aqwa swali tat-tango fi Buenos Aires flimkien ma' mużiċisti Arġentini magħrufa. Hu kkollabora ma' solisti mir-Royal Opera House u jipparteċipa f 'diversi festivals flimkien ma' artisti oħra magħrufa. Iktar avvenimenti għall-MIAF, li se jittella' bejn it-8 u t-18 ta' Lujlu f 'postijiet differenti, se jkunu mħabbra l-ġimgħa d-dieħla. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku www.maltaartsfestival.org. Biljetti bi prezzijiet vantaġġużi għal min irid jaħseb kmieni se jkunu jistgħu jinxtraw mill-4 ta' Mejju sas-7 ta' Ġunju, filwaqt li biljetti bi prezzijiet normali se jkunu jistgħu jinxtraw wara s-7 ta' Ġunju.