Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687
IL-ĠIMGĦA li għaddiet, fost aħbarijiet oħra ġejna imfakkra fl-isfidi tat-traffiku u trasport li qegħdin naffaċċjaw. Kulħadd qiegħed jibża mill-kaos li se jinħoloq meta tibda tingħalaq parti minn Triq Reġjonali fil-Kappara. Aħbarijiet oħra juru kif l-idea ta' 'car pooling' donnha ma tridx taqbad, u jissemma t-tgergir mill- ġenituri li t-trasport tal-iskola huwa għoli wisq minkejja r-roħs fil-prezz tal-fuel. L-ottimiżmu li kellna ftit xhur ilu, wara ċertu miżuri tal-baġit li għadda qiegħed jiżvinta xi ftit, filwaqt li l-inċentiv biex iktar nies jibdew jużaw il-muturi donnu qabad iktar milli stennejna. Il-prezzijiet tat-trasport tal- iskola minn dejjem kienu xi ftit ta' pjaga għal dawk li jħallsu għalih, u meta wieħed jirċievi xi kont ta' tliet xhur, miżjud mal-ispejjeż l-oħra li jiġu mal- edukazzjoni, tibda tifhem lil dawk li jgergru. Ovvjament, fejn hemm abbuż fil-prezzijiet, dan qatt ma jista' jiġi ġġustifikat. Però ejja nippruvaw naraw x'qegħdin nieħdu bil-flus li qegħdin inħallsu biex forsi nifhmu jekk il-prezzijiet humiex iġġustifikati. L-ewwel ħaġa li wieħed irid jikkunsidra hi li meta qegħdin inħallsu għal 'minibus', li qegħdin nagħmlu huwa li nikru taxi bix-xufier biex jiġbor lit-tfal tagħna minn wara l-bieb, jew inkella viċin tal-bieb, u jwassluh sa wara l-bieb tal-iskola u lura wara nofsinhar kull ġurnata fis- sena li jattendu l-iskola. Ilment li ssemma ħafna f 'dawn l-aħħar ġranet huwa kif minkejja li l-prezz tad-diesel niżel f 'dawn l-aħħar xhur, il-prezz tat-trasport ma niżilx. Wieħed irid jiftakar li meta l-prezzijiet joħorġu f 'Settembru, ikun diffiċli li l-operaturi tat- trasport jbassru kif se jvarjaw il-prezzijiet tad-diesel, u bl-istess mod, meta l-prezzijiet jogħlew f 'nofs sena skolastika, il- prezzijiet ġeneralment jibqgħu stabbli sal-aħħar tas-sena. Apparti hekk, li kieku r-roħs fil-prezzijiet tad-diesel kellu jiġi rifless fit-tariffi, dan ikun ifisser roħs ta' ftit ċenteżmi kuljum għal kull ġenitur, li jkunu kważi negliġibbli. Meta x-xufiera jgħidu li l-ispejjes żdiedu f 'dawn l-aħħar snin, xi jridu jgħidu biha jekk fl-istess waqt, raħas id-diesel? Waħda mill- fatturi ewlenin li jsemmu hija l-pressjoni kontinwa li x-xufiera jimmodernizzaw il-vetturi tagħhom. Il-prezzijiet ta' minibus ġdid ivarjaw, però ċifri ta' 'l fuq minn €30,000 huma komuni. L-ispejjes ta' dawn il-vetturi moderni, inkluż il-konsum tad-diesel kiber ħafna iktar minn ta' dawk il-vetturi antiki iktar minn ħmistax-il sena, u m'għadux daqshekk faċli li s-sidien jinnavikaw fihom huma stess. Teknoloġija iktar moderna tfisser li spejjes li qabel kienu jiswew il-mijiet, illum saru jiswew l-eluf u l-probabbiltà li jinqalgħu l-problemi tekniċi, kiber. Dawk li baqgħu jaħdmu b'vetturi eqdem, saritilhom pressjoni mill-awtoritajiet u l-iskejjel biex dawn il-vetturi jkunu mgħammrin b'arja kkundizzjonata u ċintorini ta' sigurtà fuq kull seat minkejja l-fatt li huwa rari li tinħass il- ħtieġa għal arja kkundizjonata fiż-żminijiet tal-iskola, u l-ġenituri ftit jagħmlu pressjoni fuq uliedhom biex jintrabtu. Għal darb'oħra, dan kien ifisser infiq ta' eluf ta' ewro li riedu jiġu minn xi mkien. Ħafna drabi bħala konsumaturi nkunu pronti nilmentaw li rridu t-tfal tagħna jivjaġġaw fi flotot moderni, bil-kumditajiet kollha, jinġabru u jitniżżlu eżżattament minn wara l-bieb u f 'ħinijiet komdi, u ninsew li finalment huwa l-konsumatur li jrid iħallas għal dawn il-kumditajiet. Id-demografija tal-pajjiż ukoll affetwat is-sitwazzjoni, u huwa fatt li ħafna familji Maltin qegħdin ikollhom inqas tfal. Fil-passat, seta' jinħoloq vjaġġ għal madwar 14-il tifel u tifla li joqogħdu pjuttost viċin ta' xulxin. Illum biex jingħaqad l-istess numru ta' tfal li jmorru fi skola partikolari, ix-xufier irid idur ħafna iktar u ħafna drabi jgħaqqad tfal minn madwar tlieta jew erbat ibliet u rħula. Apparti minn hekk, illum ħafna ġenituri m'għadhomx jaċċettaw li t-tfal jinġabru mill- pjazzez tal-irħula u minflok, il-vann irid idur bieb bieb. Ġenituri li jaħdmu t-tnejn jew li huma separati jfisser li t-tfal ma jinġabrux mill-istess dar kuljum. Dawn il-fatturi jwasslu għal vjaġġi ħafna itwal, ħafna iktar tidwir, tgergir mill-ġenituri tat-tfal li jitilgħu l-ewwel għax idumu jduru u l-vann jiġi kmieni, u tgergir minn dawk li jinżlu l-aħħar għax jaslu d-dar tard. Apparti hekk, fejn qabel xufier kien jirnexxielu jdaħħal minn tnejn sa tliet vjaġġi filgħodu u l-istess wara nofsinhar, illum ikollu jagħmel inqas vjaġġi. It-traffiku jkompli jżid il-ħin ta' kull vjaġġ u l-konsum tad-diesel. L-għażla l-oħra hi li l-vann jgħabbi inqas tfal, però hi x'inhi l-għażla, dan se jkun ifisser żieda fil- prezzijiet. U jiena nistaqsi, x'inhi l-alternattiva? Sakemm ma jirnexxilniex niffurmaw xi tip ta' car pooling, l-unika alternattiva hi li nwasslu lil uliedna aħna stess bil-karozzi tagħna. Però jaqblilna ekonomikament? Jekk wieħed jagħmel il-kalkoli tal- konsum ta' karozza moderna komuni llum, jasal li jaqbel miegħi li fit-traffiku tal-ħinijiet tal-iskejjel, jekk karozza ttik madwar 30 mil kull gallun, tkun qiegħda tagħtik konsum eċċellenti. Bil-prezzijiet tal- fuel illum, dan ikun ifisser li kull kilometru jkun qiegħed jiswik minn tal-inqas madwar 12-il ċenteżmu jekk il- karozza taħdem bil-petrol, u 11-il ċenteżmu jekk taħdem bid- diesel. Jekk ġenitur se jieħu t-triq lejn l-iskola speċifikament biex iwassal lit-tfal tiegħu u mhux għax kien sejjer dik id-direzzjoni xorta, dan irid jirritorna lura minn fejn ġie. Dan ifisser li jridu jsiru erba' vjaġġi. Mid-dar lejn l-iskola u lura filgħodu u l-istess wara nofsinhar. Ovvjament, kull persuna għandha triq differenti u kulħadd jista' faċilment iqis id-distanza li jagħmel, però ejja nieħdu xi ftit eżempji biex ikollna idea. Sena skolastika fiha madwar 170 ġurnata. Jekk xi ħadd joqgħod xi mkien ċentrali f 'Malta bħal Birkirkara u jibgħat lit-tfal tiegħu fi skola l-Imġarr, li hija destinazzjoni popolari, dan għandu triq ta' madwar 11-il kilometru. Total ta' 44 kilometru kuljum, spiża ta' iktar minn €5 kuljum u €850 fis-sena. Jekk xi ħadd mill-Fgura jibgħat lit-tfal tiegħu fi skola s-Swatar jew il-Kappara, għandu madwar 32 kilometru u spiża ta' madwar €4 kuljum jew €680 fis-sena. Dawn il-kalkoli huma konservattivi ħafna u ma jikkunsidrawx il-fatt li ġieli tagħmel ħin twil wieqaf fit-traffiku, toroq magħluqin jew li tista' taħbat ma' xi karozza oħra u tidħol f 'ħafna iktar spejjeż. Għażilt ukoll lokalitajiet pjuttost ċentrali, u mhux każijiet fejn wieħed jaqsam il-ġżira minn fuq s'isfel bħalma jeżistu ħafna. Jekk tikkunsidra l-kilometri żejda li wieħed jagħmel fis- sena biex iwassal lil uliedu l-iskola kuljum, l-ewwel eżempju jwassal għal qrib 7,500 kilometru u t-tieni għal madwar 5,400 kilometru. Dan ifisser li wieħed irid iżid in-nefqa ta' 'service' u anke tnejn żejda kull sena jekk 'service' isir kull 5,000 kilometru kif irrakomandat. Ifisser ukoll li affarijiet bħal 'clutch', 'tyres', 'brake pads' u 'timing belts' se jaslu għal bdil ħafna qabel. Dawn l-affarijiet kollha jwasslu għal infiq żejjed ta' mijiet ta' ewro oħra fis-sena. Ifisser ukoll minn tal-inqas 250 siegħa mill-ħin tiegħek f 'sena tivjaġġa li stajt tqattagħhom tagħmel affarijiet ħafna iktar utli, ta' profitt jew rilassanti. Ifisser ukoll li qiegħed iżżid fit- tniġġis tal-arja u fil konġestjoni tat-traffiku. U x'jiġri meta tqum ma tiflaħx, ikollok xi appuntament jew ikollok il-karozza bil-ħsara? Min se jwassal lit-tfal? Nimmaġina li xi wħud jgħidu li ma jibagħtux lit- tfal tagħhom bil-minibus minħabba r-reputazzjoni li wħud għandhom li isuqu bl- addoċċ. Ovvjament, bħalma għidt qabel, fejn hemm l-abbuż, dejjem ħażin u tajjeb li jiġi rrapurtat. Però bit-traffiku li jkun hawn fil-ħinijiet tal-iskola, nixtieq inkun naf f 'liema triq dawn ix-xufiera allegatament itellgħu xi veloċità kbira. Jekk wieħed iħares ukoll lejn l-istatistiċi ta' dawn l-aħħar 30 sena, huma waħdiet it- tfal li qatt ġew midruba f 'xi inċident meta tqis il-miljuni ta' kilometri li l-minibuses jagħmlu bejniethom kull sena. Fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd jagħmel li jaqbillu. Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 | illum Ingranat 15 Vetturi 23 Andrew Pisani Il-Ġirja lejn l-iskola