Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/673687
illum | Il-Ħadd 01 ta' Mejju 2016 'Hemm bżonn li l-ġid li qed jinħoloq jasal għand kulħadd' Il-prekarjat, il-pensjonijiet u l-għaqda bejn il-ħaddiema fuq moħħ il-GWU u l-UĦM nhar Jum il-Ħaddiem minn Albert Gauci Cunningham ILLUM jiġi ċċelebrat Jum il-Ħaddiem madwar id- dinja kollha, ġurnata li fiha jitfakkru dawk in-nies kollha li, kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent, servew ta' kolonna li fuqha serrħu ekonomiji madwar id-dinja, jew li fuqha saħansitra kienet salvata ekonomija li kienet qed tegħreq. Lokalment, bħalissa Malta qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, ix-xogħol qed jiżdied, l-ekonomija qed tikber b'rata mgħaġġla, it-turiżmu qed jilħaq quċċati ġodda kull xahar, in-negozju, b'mod globali, sejjer tajjeb u l-Gvern uża l-ewwel tliet baġits tiegħu biex ħabbar diversi miżuri li minnhom gawdew faxxex differenti ta' nies u familji. Ikun faċli għalhekk li wieħed jgħid li s-sitwazzjoni tal-ħaddiem hija waħda kollha ward u żahar, fejn kollox tajjeb u kulħadd miexi 'l quddiem. Imma hija din ir- realtà tal-ħaddiem Malti llum? X'inhuma l-preokupazzjonijiet ta' min qiegħed fid-dinja tax-xogħol illum? X'inhuma l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema u l-pensjonanti? L-ILLUM għamlet dawn il-mistosijiet lis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU) Josef Bugeja u l-Kap Eżekuttiv tal-Union Ħaddiema Magħqudin- Voice of the Workers (UĦM) Josef Vella. Għalkemm il-prioritajiet huma xi ftit differenti, meta tagħsar issib li kemm il-GWU u l-UĦM qed jitkellmu dwar realtajiet li qed jaffaċċjaw mijiet jekk mhux eluf ta' nies f 'pajjiżna. Għall-GWU, il-prekarjat jibqa' fuq nett tal-aġenda kif kien għal snin twal, kemm qabel l-aħħar elezzjoni, kif ukoll wara. Bugeja jgħid mal- ILLUM li "tinħass il-ħtieġa b'mod ċar u deċiżiv biex ikun miġġieled il-prekarjat, kif ukoll li jinħolqu xogħlijiet ta' kwalità." Bugeja kompla jitkellem dwar dik li sejħilha "sfida" ta' ħaddiema barranin li qed ikunu sfruttati f 'pajjiżna "bl-iskuża li m'hawnx biżżejjed ħaddiema Maltin." Min-naħa tiegħu Vella mill-UĦM jiffoka aktar fuq il-bżonn li d-drittijiet li għandhom il-ħaddiema llum ma jibqgħux biss miktubin fuq il-karta imma jkunu attwati. "Aħna bħala union ma rridux titli ta' drittijiet li mhuma xejn ħlief eżerċizzju kożmetiku. Il-ġlieda tagħna bħala union tibqa' dik li nsarrfu d-dritt tal-ħaddiem għall-ġid u l-interessi tal- ħaddiem u l-familja tiegħu." Vella sostna li minkejja li l-pajjiż għandu liġijiet, ħafna minnhom huma ffriżati. Bżonn li l-ġid jitqassam ma' kulħadd Minkejja ekonomija b'saħħitha iż-żewġ unions jisħqu dwar il-bżonn li l-ġid li qed ikun ikkreat jitqassam u jinżel għand kulħadd. Il-UĦM tgħid li fid-dawl tal-persentaġġ ta' nies li għadhom qed jgħixu fil-faqar u l-fatt li għad hawn bosta li huma sinjuri, teżisti sitwazzjoni fejn "min qed jiffanga fil-laħam u min qed jiġbor il-frak." Anke l-GWU, permezz ta' Bugeja, tisħaq dwar l-importanza li l-ħaddiema jkunu paretiċipi fis-suċċess tal-pajjiż. "Meta wieħed iħares lejn l-andament ekonomiku, wieħed jista' jikkonferma li huwa pożittiv, fil-fatt il-GWU qed jirnexxielha tikseb titjib fil-kundizzjonijiet u l-pakkett finanzjarju fil- ftehimiet kollettivi li qed nikkonkludu, iżda tajjeb wieħed jgħid li xorta waħda jibqa' l-impenn tagħna li niġġieldu l-prekarjat." Bugeja jgħid li l-miżuri li ħa l-Gvern preżenti, għalkemm tajbin, ma kinux biżżejjed. "Mhux biżżejjed li l-ħlas ta' ħaddiema fil-Gvern u fil-privat ikunu l-istess. Il- kundizzjonijiet għandhom ikunu l-istess ukoll," sostna Bugeja li spjega kif dan, il- GWU tridu mhux biss għall- kuntratti tal-Gvern "imma anke għal dawk privati." Ma' din il-gazzetta Vella jistqarr li pajjiżna għadu lura f 'dak li jirrigwarda pagi, li ddeskriviehom bħala "baxxi, meta mqabblin ma' dawk f 'pajjiżi oħrajn," u qal ukoll li sfida oħra pjuttost kbira li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema llum hija "r-riġidità fuq il- postijiet tax-xogħol." Filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-GWU ifakkar kif kien grazzi għax-xogħol tal-ħaddiem li s-soċjetà setgħet tibqa' miexja 'l quddiem, Vella jfakkar dwar l-importanza tal-għaqda. "Is- solidarjetà hija sfida kbira fid-dawl tal-individwaliżmu sfrenat li qed jirrenja bħalissa. Individwaliżmu li huwa l-akbar għadu tal- ħaddiem." Il-UĦM, kif ilha tisħaq ukoll għal dawn l-aħħar xhur tfakkar fl-importanza tas-sostennibbiltà tal- pensjonijiet, li taf tkun problema kbira għall- ħaddiema tal-lum. Vella jistqarr li dak li sar s'issa "hu ftit wisq biex jindirizza l-ġenerazzjoni tagħna. Aħna li ngħidu li aħna poplu li lest jaqla' għajnejh għal uliedu, l-aħħar poplu fl-UE li lest jintroduċi l-pensjonijiet tat- tieni pilastru." X'sinifikat għad għandu l-1 ta' Mejju? Il-ġurnata tal-lum iżda għad għandha sinifikat? Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal li dan l-1 ta' Mejju partikolari għandu sinifikat qawwi għaliex, skont Vella din is-sena l-ħaddiem se jitħalla bla għodod għaliex "it-tribunal industrijali hu ineżistenti u kollox jidher li l-Gvern, minflok imur għal soluzzjoni dejjiema se jibqa' jraqqa l-pannu bil-qara' aħmar." Min-naħa tiegħu, Bugeja jgħid li lil hinn mit- tradizzjoni, illum aktar minn qatt qabel għandna nonoraw il-ħidma li qed issir ta' kuljum mill-ħaddiema kollha." Żewġ Unions. Żewġ irġiel. Għan wieħed: il-ħaddiem Josef Vella Josef Bugeja