Illum previous editions

ILLUM 8 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/676914

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

F ost l-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-gvernijiet fid-dinja, hija dik marbuta mal-iżvilupp sostenibbli. Din hija problema dinjija għax kull gvern, minkejja l-livell ta' żvilupp tiegħu, irid jara jibbilanċja l-iżvilupp ekonomiku tiegħu mal-bżonn li jipproteġi l-ambjent. Dan b'mod speċjali f 'Malta li hija tant ċkejkna fid-daqs. Fejn qabel, pajjiż li jkun qed jiżviluppa ekonomikament kien lest li jissagrifika r-riżorsi naturali tiegħu u l-kampanja tiegħu basta javvanza fil-Prodott Gross Domestiku tiegħu u fl-esportazzjoni, illum il-ġurnata, bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jaħsbu xort'oħra. Dan minħabba l-esperjenza qarsa li esperjenzaw pajjiżi li nistgħu insejħulhom avvanzati li ma ddejqu xejn biex iqaċċtu s-siġar tagħhom u jirvinaw l-ambjent, basta jaqdu l-interessi ekonomiċi u industrijali ta' pajjiżhom. Illum il-ġurnata, il- kuxjenza dwar it-tibdil fil- klima u l-apprezzament lejn in-natura kiber tant, li huwa valur imħaddan mill-pajjiżi kollha, anke jekk mhux kull pajjiż iħaddnu bl-istess mod. Però, jekk aħna f 'dan l-argument kollu nħarsu biss lejn l-iżvilupp ekonomiku, inkunu qed nagħmlu żball kardinali. Dan għax l-iżvilupp ekonomiku huwa rifless fl-iżvilupp soċjali, u l-iżvilupp soċjali jixpruna dak ekonomiku. Dawn huma żewġ kunċetti li ma jistgħux jinfatmu minn xulxin u aħna m'għandniex nippruvaw nifirduhom. Fil-fatt, dan huwa żball li sar f 'ċertu pajjiżi li ma tawx każ tal-fibra tal-komunitajiet tagħhom u ma ddejqu xejn itajru min-nofs, xi villaġġi li kellhom l-isfortuna li jeżistu fuq biċċa art li l-Gvern riedha biex jgħaddi highway, jiftaħ airport jew joħloq kumpless industrijali. F'dawn il-pajjiżi li żviluppaw b'mod eżaġeratament malajr u ma qagħdux jagħtu każ tal-komunitajiet tagħhom, illum il-ġurnata għandhom soċjetà li ma tiffunzjonax sew, għax tilfu l-valur tan-nukleu familjari u għalihom, l-ordni soċjali huwa bbażat biss fuq ix- xogħol u l-produzzjoni. Dan jista' jwassal sitwazzjoni fejn min jgħix b'dan il-mod, ma jkunx jista' jgħix ħajja sabiħa u f 'ċertu każijiet, taf tkun kaġun ta' dipressjoni. Barra minn hekk, il- bidla soċjali li jġib miegħu l-iżvilupp ekonomiku tirrevoluzzjona s-soċjetà b'mod totali. Wieħed jista' jara ftit id-differenza bejn il-ħajja li qed ngħixu llum u dik li konna ngħixu 30 sena ilu, fejn qabel kellna ċertu drawwiet li konna nistmerruhom għax ta' żmien in-nanniet, u llum qed nagħmlu minn kollox biex nerġgħu niksbuhom. Dan juri nuqqas kbir ta' ppjanar soċjali, li jiena nħoss li għandu jkun marbut intrinsikament mal-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli, għax il-bniedem mhux tan-natura biss għandu bżonn, iżda wkoll li jgħix f 'komunità sana f 'ambjent san. Naturalment, bħalma jiġri f 'bosta każijiet, wieħed jipprova jtejjeb is- sitwazzjoni wara li d-dannu jkun sar, jew kif ngħidu bil-Malti, "wara kulħadd għaref." Illum il-ġurnata, wara li għarafna l-vantaġġi tal-iżvilupp sostenibbli, kemm minn lat ambjentali, kif ukoll minn dak soċjali, qed naraw kif nistgħu inġibu bidla li tkun ta' ġid għall- komunitajiet tagħna. Fost l-oħrajn, dan jista' jsir permezz tal-intervent dirett mill-kunsilli lokali. Wara kollox, dawn huma l-aktar saff ta' gvern li huwa qrib tal-poplu, u bħala tali, għandhom aktar għarfien ta' x'jixtieq il-poplu u x'għandhom bżonn il- komunitajiet tagħna sabiex jiffjorixxu. Wieħed mill-modi ta' kif dan jista' jsir, huwa permezz tal-parteċipazzjoni fil-programm tal-Unjoni Ewropea URBACTIII. Dan il-programm huwa mmirat sabiex jgħin kunsilli ta' diversi lokalitajiet madwar l-Ewropa sabiex jikkollaboraw bil-għan li jsibu soluzzjonijiet għal problemi marbuta mal- iżvilupp urban. URBACTIII qed jitmexxa b'kollaborazzjoni bejn il- Malta EU Steering Action Committee (MEUSAC) u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali u jlaqqa' flimkien entitajiet lokali u reġjonali sabiex jiddiskutu firxa wiesgħa ta' temi b'rabta mal- iżvilupp urban sostenibbli u jsaħħaħ l-irwol tal-ibliet u rħula Ewropej bil-għan li titwettaq l-istrateġija msejħa EU2020, li hi l-istrateġija Ewropea dwar kif se tiżviluppa sas-sena 2020. Dan il-programm huwa msejjes fuq erba' pilastri li fihom tassew relevanza għal dan is-suġġett. Dawn huma l-ambjent, il-governanza, l-inklużjoni u l-ekonomija. Dawn huma suġġetti li fihom ħafna xi tgħid dwarhom, però fl-ispazju li għandi ser naqbad mal- inklużjoni. Ħafna drabi nabbinaw dan il-kunċett mal- aċċess fiżiku għall-ispażji tagħna, bħal ngħidu aħna naraw li jkollna rampi, aċċess bil-lift, u sinjali li jistgħu jifmuhom persuni b'diżabilità u anzjani. Dawn huma importantissimi, però mhux kollox. F'dan il-kuntest, inklużjoni tfisser ukoll li kulħadd iħossu li huwa parti integrali mill- komunità li jgħix fiha, mingħajr ma noqogħdu ngħidu li "t-tali twieled fir-raħal" u li "l-ieħor ġie joqgħod hawn ftit ilu." Dan naturalment japplika wkoll għall-barranin li jiġu jgħixu fil-komunitajiet tagħna. U hawnhekk nistgħu mmorru minn estrem għall-ieħor. Għandna ċertu nħawi f 'pajjiżna li joqogħdu fihom barranin għonja li xtraw xi villa jew appartament li jiswa ħafna flus. Dawn issibhom jgħixu f 'żona partikolari fil-belt jew raħal tagħna. Għandek imbagħad nies li ġew joqogħdu f 'pajjiżna biex ifittxu ħajja aħjar, allura jidħlu għal xogħolijiet mhux imħallsa sew, u jibagħtu dak li jaqilgħu lura lill- familji tagħhom fil-pajjiż fejn twieldu. Dawn ukoll insibuhom jgħixu f 'żoni speċifiċi. Dawn iż-żewġ eżempji juru kif f 'raħal wieħed jaf ikun hemm żewġ gruppi ta' nies barranin li ma jħossuhomx parti mill-komunità ewlenija tal-lokal. Din hija sitwazzjoni li ma nistgħux ninjorawha għax bħalma fil-passat injorajna problemi li llum qed naffaċjawhom, din hija kwistjoni li illum jew għada tista' tinbidel fi problema. Naturalment, dan huwa biss waħda mill-materji li tista' tiġi indirizzata b'mod effettiv permezz ta' kollaborazzjoni bejn wieħed jew aktar kunsilli lokali permezz tal-għajnuna finanzjarja offerta mill- programm URBACTIII. Għaldaqstant, nappella lill-kunsilli lokali sabiex jipparteċipaw bi ħġarhom f 'dan il-programm li jiena ċert jkun ta' għajnuna fil-ħidma tagħhom biex iġibu bidla pożittiva fil- komunitajiet tagħhom. Stefan Buontempo huwa s-segretarju permanenti għall-Gvern Lokali illum | Il-Ħadd 08 ta' Mejju 2016 Opinjoni 14 Naħdmu għal żvilupp aħjar għall-komunitajiet tagħna STEFAN BUONTEMPO "F'raħal wieħed, jaf ikun hemm gruppi ta' nies barranin li ma jħossuhomx parti mill-komunità, li hija sitwazzjoni li ma nistgħux ninjorawha għax illum jew għada tista' tinbidel fi problema"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 May 2016