Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/676914
illum | Il-Ħadd 08 ta' Mejju 2016 Opinjoni 16 Ħasla papali (u meritata) mill-aħħar soċjalista M eta l-Ewropa għaddejja minn kriżi ekonomika, politika u soċjali bla preċedent, il-kliem tal-Papa Franġisku nhar il-Ġimgħa fil-Vatikan hu tassew ta' min jagħti każu. Franġisku kien qed jitkellem fiċ-ċerimonja li fiha ngħata l-premju internazzjonali Charlemagne għall- ħidma tiegħu favur is-solidarjetà Ewropea. Il-kliem ta' Franġisku, li l-media Maltija prattikament injoraw, huma tassew ta' min jixtarrhom u mhux ta' b'xejn li hawn min isejjaħlu bħala l-aħħar soċjalist. U li Raoul Castro jgħid li jaqrahom kollha u jekk se jibqa' sejjer hekk, se jerġa' jħaddan il-fidi Nisranija. F'din iċ-ċerimonja li għaliha attendew il-kbarat Ewropej kollha fosthom Juncker, Tusk u Schulz kif ukoll Merkel u Renzi, il-papa Franġisku ma qgħadx lura milli jkun ferm kritiku dwar id-direzzjoni attwali tal-Ewropa. L-ebda mexxej Ewropew ma kellu l-kuraġġ ilissen id-diskors li għamel u jimmerita li jiġi riprodott estensivament. Diskors li għandu jixpruna l-kuxjenza pubblika Ewropea li tinsab maqbuda bejn l-aħħar snin ta' awsterità severa li verament għadna ma ħriġniex minnha, u l-assedju tas- soċjetà konsumeristika li tkebbes fina l-kilba kontinwa għall-flus u l-beni tal-konsum. Bir-riżultat li l-valuri tas-solidarjetà li huma l-essenzjal tal-viżjoni Ewropea dejjem jittapnu u jintesew aktar. Il-Papa beda billi qal li l-kreattività, il-ġenju u l-kapaċità ta' twelid mill- ġdid u tiġdid hija parti mir-ruħ tal-Ewropa. Fl-aħħar seklu, l-Ewropa wriet lill-umanità li bidu ġdid kien possibbli. Wara snin ta' kunflitt traġiku li ta lok għall-agħar gwerra li qatt seħħet, għall-grazzja t'Alla, tfaċċat xi ħaġa ġdida fl-istorja tal-bniedem. Il- fundaturi tal-proġett Ewropew bnew il-pedamenti ta' sur ta' paċi bi stati magħqudin mhux bil-forza, imma bl-impenn ħieles għall-ġid komuni u tmiem definittiv tal-konfront. Din il-'familja ta' popli' li intant kibret, dan l-aħħar qed issib ruħha anqas komda fi ħdan il-ħitan tad- dar komuni. Xi kultant, kompla l-Papa, dawn il-ħitan qed jinbnew differenti minn kif fassluhom il- bennejja oriġinali. Ix-xewqa ġdida u eċitanti ta' għaqda, tidher li qiegħda tmajna; aħna, l-werrieta ta' din il-ħolma, għanda t-tentazzjoni li nċedu għall-interessi eġoisti tagħna u nikkunsidraw li ngħalqu l-fetħiet 'l hemm u 'l hawn. Madankollu, il-Papa huwa konvint li s-sens ta' telqa u għejja mhumiex parti mir-ruħ tal-Ewropa u li anke, "l-problemi tagħna jistgħu jsiru forzi f 'saħħithom għall-għaqda." Meta indirizza l-Parlament Ewropew, ikompli l-Papa, kien xebbaħ l-Ewropa ma' nanna. Qed tikber l-impressjoni li l-Ewropa hija għajjiena, qiegħda tixjieħ, mhux aktar għammiela u vitali, li l-ideali l-kbar li spiraw l-Ewropa m'għadhomx jappellaw. L-impressjoni fl-Ewropa hi ta' deklin, li l-Ewropa m'għadhiex kapaċi tkun innovattiva u kreattiva, li hija aktar fi ħsiebha li tippreserva u tiddomina l-ispazji milli tiġġenera proċess ta' inklużjoni u tibdil. L-impressjoni hi li l-Ewropa qiegħda ssir aktar magħluqa minflok tiftaħ għall-proċessi soċjali ġodda sabiex jinstabu soluzzjonijiet ġodda u produttivi għall-problemi attwali. U hawn il-Papa jsaqsi, "Xi ġralek, l-Ewropa tal-umaniżimu, il-kampjun tad-drittijiet tal-bniedem, tad- demokrazija u tal-libertà? Xi ġralek Ewropa, id-dar ta' poeti, filosofi, artisti, mużiċisti u litterati? Xi ġralek, Ewropa, omm il-popli u nazzjonijiet, omm nies kbar li rrispettaw, u anke ssagrifikaw ħajjithom, għad-dinjità ta' ħuthom? Il-Papa jfakkar fil-kittieb Elie Wiesel, li għadda mill-kampijiet tal-mewt Nazisti, li stqarr li llum neħtieġu "trasfużjoni tal-memorja." Li niftakru jgħinna ma nirrepetux l-iżbalji tal-passat u nużaw l-esperjenzi li ppermettewlna nissuperaw il- kriżijiet tal-passat. Din it-trasfużjoni tal-memorja tgħinna ma naqgħux fit-tentazzjoni li nibnu bl-għaġġla fuq ir-ramel bir-riżultat ta' "gwadanji politiċi faċli u ta' malajr imma li ma jsedqux it-tkabbir tal-bniedem." (cf. Evangelii Gaudium, 224). Tajjeb qal il-Papa niftakru fil- Missirijiet Fundaturi tal-Ewropa. Kienu preparati li jsegwu toroq ġodda u alternattivi f 'dinja feruta bil-gwerra. Mhux biss urew kuraġġ fl-ideja tal-Ewropa li weldu, imma anke kellhom il-kuraġġ li jbiddlu radikalment il-mudelli li taw lok għall- vjolenza u l-qirda. Kellhom il-kuraġġ li jfittxu soluzzjonijiet multilaterali għall-problemi li huma dejjem aktar komuni. Robert Schuman qal li "L-Ewropa mhix ser issir f 'daqqa, jew skond pjan wieħed. Tinbena permezz ta' akkwisti konkreti li l-ewwel jikkrejaw solidarjetà de facto." Illum, fid-dinja tagħna immarkata b'daqshekk ġlied u tbatija, jeħtieġ nirritornaw għall- istess solidarjetà de facto u ġenerożità konkreta ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Missirijiet Fundaturi kienu messaġġiera ta' paċi u profeti tal-futur. Illum, aktar minn qatt qabel, il-viżjoni tagħhom tispirana nibnu pontijet u nwaqqgħu ħitan. Dik il-viżjoni ġġagħalna ma nkunux ferħanin b'tibdil kosmetiku jew kompromessi mqanżħa sabiex nikkorreġu xi trattat jew ieħor imma biex b'kuraġġ nibnu pedamenti ġodda u f 'saħħithom. Kif qal Alcide De Gasperi, "ispirati minn tħassib għall-ġid komuni ta' darna l-Ewropa," lkoll kemm aħna imsejħin sabiex nibdew bla biża' "binja li teħtieġ ħafna paċenzja u l-koperazzjoni kontinwa." Tali "trasfużjoni tal-memorja" nikkonfrontaw b'kuraġġ il-qafas multipolari u kumpless tal-lum u naffaċjaw b'determinazzjoni l-isfida li " naġġornaw" l-ideja tal-Ewropa. Ewropa kapaċi li twelled umaneżimu ġdid bbażat fuq tlett kapaċitajiet : tal-integrazzjoni, tad-djalogu u tal- ġenerazzjoni." Franġisku kompla jgħid li l-bliet tagħna huma daqshekk sbieħ għax ippreservaw matul iż-żmien traċċi ta' żminijiet differenti, nazzjonijiet, stili u viżjonijiet. L-esklużjoni twelled il-ħammalaġni, id-djuqija u l-krudeltà. L-għeruq tal-Ewropa ġew konsolidati matul is-sekli bil-ħtieġa kostanti ta' integrazzjoni tal-aktar kulturi varji u diskreti. L-attività politika ma tistax ma tarax l-urġenza ta' dan. Nafu li t-total huwa akbar mis-somma tal- partijiet u jeħtieġ li naħdmu sabiex "inwessgħu l-orizzonti u naraw il-ġid akbar li ser ingawdu minnu". Mitlubin nippromwovu integrazzjoni mibnija fuq is-solidarjetà li m'għandha qatt titħawwad ma' karità (ħaġa li aħna hawn Malta nagħmlu ta' sikwit) imma hi mod kif noħolqu opportunitajiet għal niesna biex igħixu b'dinjità. Iż- żmien qed jgħalliemna li m'hux biss jeħtieġ li n-nies isibu fejn joqogħdu : l-isfida hi ta' integrazzjoni kulturali profonda. Il-komunità tal-popli ewropej b'hekk tkun tista' tiskopri mill- ġdid l-kobor tar-ruħ ewropea, frott l-għaqda bejn ċiviltajiet u popli. Ir-ruħ tal-Ewropa hi fil-fatt ikbar mill-fruntieri tal-lum tal-Unjoni u trid issir mudell ta' sintesi ġodda u ta' djalogu. Il-wiċċ veru tal-Ewropa ma jidhierx fil-konfront imma fir- rikkezza tal-kulturi varji u l-impenn għall-ftuħ. Mingħajr din il-kapaċità ta' integrazzjoni, il-kliem ta' Konrad Adenauer ikun profetiku : "il-futur tal-Punent m'huwiex l-aktar mhedded b'tensjonijiet politiċi daqs kemm bil- periklu ta' konformiżmu, uniformità ta' ħsieb u sentimenti : f 'kelma waħda, ... b'ħarba mir-realtà u bli wieħed jinkwieta biss fih innifsu." Il-Papa kompla jgħid li għandna nippromwovu l-kultura ta' djalogu bil-mezzi kollha possibli sabiex nibnu mill-ġdid is-soċjetà. Il-Kultura ta' Djalogu tfisser dixxiplina li tippermettielna li naraw lill-oħrajn bħala sħab validi ta' djalogu, li wieħed jirrispetta l-barrani, l-immigrant u nies minn kulturi differenti. Il-paċi tkun dejjiema sakemm narmaw lil uliedna bl-arma tad-djalogu u l-kultura tad-djalogu għandha tkun parti integrali mill-edukazzjoni fl- iskejjel tagħna. Illum għandna ħtieġa urġenti li nibnu "koalizzjonijiet" li m'humiex biss militari u ekonomiċi imma anke kulturali, edukattivi, filosofiċi u reliġjużi. Koalizzjonijiet li juru ċar li wara ħafna konflitti, spiss ikun hemm fin-nofs il-poter ta' gruppi ekonomiċi. L-aħħar kapaċità li aċċenna għaliha l-Papa hija dik li wieħed jiġġenera. Il-Papa stqarr li ż-żgħażagħ m'humiex il-futur imma l-preżent. Ma nistgħux inħarsu lejn il-futur mingħajr ma noffrulhom il-possibilità li jkunu katalisti ta' bidla u protagonisti f 'din il- ħolma. Imma l-Papa jsaqsi kif nistgħu ninvolvu ż-żgħażagħ f 'dan il-proġett ta' bini jekk ma noffrulhomx impjieg dinjituż u meta l-livell tal-qagħad taż- żgħażagħ ewropej dejjem jikber ? Kif nistgħu nevitaw li nitilfu ż-żgħażagħ li jispiċċaw ikollhom ifittxu l-futur tagħhom f 'art barranija ? Il-Papa jwieġeb għal din id-domanda bli jgħid li l-qsim ġust tal-frott tal-art u tal- ħidma tal-bniedem m'hix sempliċiment filantropija. Huwa obbligu morali. Biex nirridiżinjaw is-soċjetà, irridu nikkrejaw xogħol dinjituż u li jħallas sew, speċjalment għaż-żgħażagħ. Biex isir dan irridu mudelli ekonimiċi aktar inklussivi u ġusti, bl-għan m'hux li jaqdu l-ftit, imma lin-nies ordinarji u lis-soċjetà in ġenerali. Dan ifisser li wieħed jimxi minn ekonomija likwida għal waħda soċjali, minn ekonomija mibnija fuq il-qliegħ mill-ispekulazzjoni u s-self bl-imgħax għall-ekonomija soċjali li tinvesti fin-nies bil-ħolqien ta' mpjiegi u l-għoti ta' taħriġ. Irridu nimxu minn ekonomija likwida li lesta li tuża l-korruzzjoni sabiex takkwista l-qliegħ għall-ekonomija soċjali li tiggarantixxi l-aċċess għall-art u għad-djar permezz tax-xogħol. Jekk irridu futur dinjituż, irridu naħdmu għall-inklużjoni ġenwina li tipprovdi xogħol utli, solidali u kreattiv. Il-passaġġ minn ekonomija likwida għal soċjali m'hux biss joffri prospetti ġodda u opportunitajiet konkreti imma jagħmilna mill-ġdid kapaċi nikkontemplaw l-umaneżimu li tiegħu l-Ewropa kienet il-benniena u l-għajn. Il-Papa tenna li l-Knisja trid tagħmel il-parti tagħha fit-twelid mill-ġdid tal-Ewropa għajjiena imma sinjura fl-enerġiji u l-possibilitajiet. Dan bli xxandar il- Vanġelu li llum aktar minn qatt qabel ifejjaq il-feriti tal-umanità bil-presenza ta' Ġesù. Il-Knisja tista' terġa ġġib l-ilma pur tal-Vanġelu għall- għeruq tal-Ewropa. U fl-aħħarnett, il-Papa tenna l-ħolma tiegħu f 'umaneżimu ewropew ġdid, f 'Ewropa li hija żagħżugħa, kapaċi li tkun omm u li tieħu ħsieb uliedha, li toffri l-għajnuna lill-fqar u lil min jasal fostna u għandu bżonn fejn joqgħod. Joħlom b'Ewropa li hija attenta għal min hu marid u xiħ u m'hux twarrbu għax bla użu, fejn li tkun immigrant m'hux reat imma sejħa għal impenn akbar lejn id-dinjità ta' kull bniedem. Joħlom fejn iż-żgħażagħ jgħixu fl- onestà, iħobbu s-sbuħija tal-kultura u l-ħajja sempliċi m'hux imniġġża bil-ħtiġijiet li qatt ma jiġu kkuntentati tal-konsumeriżmu, fejn li tiżżewweġ u jkollok it-tfal hija responsabilità u ferħ kbir, m'hux problema minħabba nuqqas ta' xogħol. Joħlom b'Ewropa b'politka effettiva dwar l-uċuħ, m'hux in-numri, dwar ir-rata ta' twelid m'hux tal-konsum. Fl-aħħarnett, il-Papa joħlom b'Ewropa li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet ta' kulħadd mingħajr ma tinsa d-dmirijiet lejn ħadd u Ewropa li fuqha ma jingħadx li t-tħaddin għad-drittijiet tal-bniedem kienet l-aħħar utopja. Tassew diskors kbir li kulħadd għandu jixtarr fil-fond u speċjalment il- mexxejja tagħna. Din hija tassew road- map kif l-Ewropa toħroġ mill-fondoq li ilha fih f 'dawn l-aħħar snin. JOE ELLIS