Illum previous editions

ILLUM 15 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

L -għajta li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin inkunu qrib il-familji Maltin u Għawdxin hija għajta li fil-fehma tiegħi, twieġeb għax-xewqat u l-aspirazzjonijiet ta' ħafna nies fi ħdan il-Partit Laburista li se jintalbu jagħżlu lil min jixtiequ jafdaw fil-kariga ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista. Li tkun qrib il-familji Maltin u Għawdxin mhijiex sempliċi slogan li jintuża meta tersaq xi kampanja elettorali, iżda hija għajta ġenwina ta' min irid li l-marka tal-ħidma tiegħu tkun il-kuntatt, l-użu tat-talent li hemm fl-għeruq, u l-ħidma qrib u viċin iċ-ċittadini. Matul din il-ġimgha ltqajt u tkellimt ma' mijiet ta' delegati minn bnadi differenti madwar Malta u Għawdex. Il-ħeġġa li rajt f 'għajnejn id-delegati biex inkomplu b'iktar saħħa l-proġett li wellidna tmien snin ilu bil-ħatra ta' Joseph Muscat bħala mexxej tal-Partit Laburista, hija impressjonanti. Ir-rieda li nwasslu l-messaġġ fit-triqat, pjazez u djar tal-familji u negozji Maltin u Għawdxin diffiċli tispjegaha bil- kitba. Ma' kull min iltqajt, sostnejt li l-kariga ta' Deputat Mexxej għall- Affarijiet tal-Partit għandha toffri stabbiltà u dinjità sabiex il-ħidma sija fuq livell ta' Gvern, u sija fuq livell ta' Partit, tissokta mija fil- mija u bla xkiel u l-poplu jkompli jibbenefika mill-ħafna xogħol tajjeb li qed jitwettaq. Għidt ukoll li jiena personalment naqbel ħafna mal- parir li kien ta l-Prim Ministru Joseph Muscat meta sostna li waqt li l-Gvern u l-Partit Laburista m'għandhom qatt isiru ħaġa waħda, għandha però tikber is-sinerġija bejniethom tant li wara dan il-parir, il-Konferenza Generali tal-Partit Laburista kienet biddlet l-istatut biex tippermetti li Ministru jkun jista' jservi fil-kariga ta' deputat Mexxej. Fl-aħħar nett, spjegajt li l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali huma prinċipji li se mmexxi, nħaddan u nikkonvinċi dwarhom jekk ningħata l-privileġġ li nservi bħala Deputat Mexxej. Il-ġimgħat li ġejjin qed inħares lejhom b'entużjażmu kbir biex inkompli nisma', nifhem, nitkellem u nikkonvinċi dwar fejn nixtiequ li jkun il-pass li jmiss tal-ġenerazzjoni rebbieħa. Trickle-down Kull Gvern għandu żewġ missjonijiet kruċjali quddiem għajnejh. L-ewwel waħda hi dik li joħloq il-ġid. It-tieni waħda hi li l-ġid iqassmu b'ġustizzja. Joseph Muscat huwa Prim Ministru li se jibqa' msemmi fl-istorja għall- ġid kbir li huwa wettaq. Fit-tliet snin li ilu Prim Ministru, kiser kull rekord ta' kemm inħoloq xogħol, kemm ġie attirat investiment u ta' kemm l-ekonomija qed tikber waqt li d-dejn qed jonqos. Tant kemm qed jagħmel suċċess, li magażins awtorevoli bħal The Economist qed jgħidu bla tlaqliq li Joseph Muscat huwa eżempju ħaj ta' kif għandhom ikunu mexxejja soċjal-demokratiċi oħra. Il-Prim Ministru mhux biss ħoloq il-ġid, imma qed iqassmu b'ġustizzja. Il-pensjonanti marru 'l quddiem. Il-persuni b'dizabbiltà marru 'l quddiem. In-nisa ngħataw inċentivi kruċjali. Il-lista ma tispiċċa qatt. L-isfida li jmiss hi li naċċertaw irwieħna li l-ġid kbir li qed noħolqu, jinżel isfel nett sabiex inkunu ċerti li kulħadd igawdi minn dan is-suċċess ekonomiku. U huwa fl-interess mhux biss ta' min hu isfel nett li jsir dan, imma tas-saffi kollha tas- soċjetà għaliex jekk iż-żgħir jitla' fuq saqajh u jikber, se jikber ukoll u iktar, min hu fuqu. Dan it-trickle down effect huwa kruċjali li jkompli jsir, ikompli jinħass u jkompli jħalli iktar effett pożittiv. Panamagate v.2.0 L-iktar kap dgħajjef li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista fl-istorja, Dr Simon Busuttil, waqa' fil- muta. Waqa' fil-muta meta din il-ġimgħa ħarġu l-ismijiet ta' min huwa b'xi mod – direttament jew indirettament, professjonalment jew mhux professjonalment – 'imċappas' mal-Panama u 'ġurisdizzjonijiet sigrieti' oħra. L-ismijiet li ħarġu huma impressjonanti tassew: Richard Cachia Caruana u Francis Zammit Dimech spikkaw fuq l-oħrajn kollha. Dr Busuttil għamel kampanja qalila ta' xhur sħaħ itambar f 'moħħ in-nies li l-Panama hija art ta' korruzzjoni u kull min mess magħha, huwa korrott ukoll. Issaqsi lil min issaqsi kulħadd fehem li Dr Busuttil kien qed jgħid li Panama = korruzzjoni. Xejn iktar u xejn inqas. Min jirkeb ajruplan biex isuqu lejn il-Panama u min jirkeb ajruplan biex jersaq lejn il-Panama, skont dak li dejjem qal Simon Busuttil, kien qed jimmira li jidħol f 'art mimlija ħama ta' korruzzjoni. Nerġa' ngħid, dan x'qal hu. Issa li tfaċċaw dawn iż-żewg ismijiet ta' Cachia Caruana u Zammit Dimech li saqu jew instaqu, li ggwidaw jew ġew iggwidati biex issir attività finanzjarja fil-Panama Dr Busuttil kellu ħafna xi jwieġeb. Mela issa l-Panama m'għadhiex l-art tal-korruzzjoni? Is-sabiħa hi li l-Avukat Noel Buttigieg Scicluna – li mar ukoll jipprotesta quddiem Kastilja flimkien ma' Simon Busuttil kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri – instab li huwa assoċjat professjonalment jew xort'oħra mal-Panama. Fuq it-televixin meta saqsewh dwar dan il-fatt, qal kliem fis-sens li ma jfissirx li għax ikollok assoċjazzjoni professjonali jew xort'oħra mal-Panama ifisser li sar il-ħażin, basta din tkun dikjarata. F'daqqa waħda inbidlet id-diska. Nerġa' ngħid, biex ħadd ma jifhimni ħażin. Ma naħsibx li hu mixtieq li Ministru jkollu kumpanija b'kont il-Panama u ta' dan, il-Ministru Konrad Mizzi talab apoloġija fil-Parlament. Biss, bl-istess mod, huwa irresponsabbli li jiġi xi ħadd bħal Simon Busuttil u jaqbad u jfajjar bl-addoċċ, jipperikola s-servizzi finanzjarji u jħammeġ lin-nies b'korruzzjoni sempliċiment għax huma avversarji politiċi. Naħseb wara dan kollu, wasal iż-żmien li jirrenja ftit il-buon sens u n-nies tas-servizzi finanzjarji jerġgħu jagħmlu bħalma kienu għamlu fil-każ tal-IIP, imorru jkellmu lil Simon Busuttil u jgħidulu biex jaqtagħha u jieqaf jagħmel ħsara lill-industrija bl-eżaġerazzjonijiet u l-paroli fil-vojt tiegħu. Jien da parti tieghi se nagħmel ħilti kollha biex il-qasam tas-servizzi finanzjarji jkompli jifjorixxi u jimxi 'l quddiem. Sadanittant, qed nara quddiem għajnejja, bħal film fuq it-televixin, l-iktar Kap dgħajjef fl-istorja tal- Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikompli jiddgħajjef dejjem iktar. L-ikbar casualty wara l-każ tal- Panama, kien hu. Il-PN jixraqlu aħjar. Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 | illum Opinjoni 17 Qrib tiegħek: Stabbiltà, Sinerġija, Ġustizzja Soċjali OWEN BONNICI

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 May 2016