Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866
illum | Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 Opinjoni 18 Rakkonti u barranin J ingħad li l-bnedmin għandhom fakultà naturali li jirrakkuntaw; anzi ma jistgħux ma jagħmlux hekk. Forsi ftit nagħtu kas, jekk biss nintebħu, li moħħna jokkupa ruħu jirrakkonta anki mingħajr l-intenzjoni tagħna. L-iċken stimulu, speċjalment viżiv, u bla ma nafu nsawru rakkont madwaru. Ritratt ta' karozza mfarrka (li sfortunatament dan l-aħħar qegħdin naraw ħafna minnhom) u mingħajr ma nafu x'wassal għal dak l-aċċident insawru storja marbuta miegħu aħna, u nagħmlu hekk mingħajr ma nippjanaw. Li ma kienx għal din il- fakultà ma kienx ikollna l-ħrejjef, in-novelli, ir- rumanzi, id-drammi, il-films. Għax, m'għandniex xi ngħidu, il-kapaċità għar-rakkont twelled, imbagħad, il-ħtieġa għaliha. Nirrakkuntaw għax neħtieġu nirrakkuntaw, mill- aktar affarijiet sempliċi, jekk mhux trivjali, sa inċidenti serji, mumenti deċiżivi f 'ħajjitna u x'naf jien. Il-biċċa hi li minkejja din il-ħtieġa għar-rakkont, mhux kulħadd għandu l-istess opportunità li jwassal dak li qiegħed jirrakkonta f 'moħħu. Hemm rakkonti u rakkonti, ideat li jinstemgħu ħafna u ta' spiss u oħrajn li ħadd ma jaf bihom; hemm rakkonti li jittieħdu b'serjetà kbira u oħrajn li saħansitra jiġu mtarrxa biex kemm jista' jkun ma jinstemgħux; hemm rakkonti li jqanqlu ħeġġa liema bħalha u oħrajn li jħallu bruda xxoqq. Jidhirli li daqskemm għandna l-ħtieġa li nirrakkuntaw, għandna wkoll it-tendenza li nħobbu nisimgħu. Mhux kulħadd lest jisma' l-istejjer tagħna, mhux kulħadd ikun interessat. F'dan is-sens, l-attitudni tagħna hija waħda selettiva: nagħżlu li nisimgħu dak li jinteressana u maż-żmien niżviluppaw is- sett ta' interessi li jiggwidana lejn x'lesti u x'm'aħniex lesti li nisimgħu. Meta wieħed jikkonsida l-preżenza ta' mijiet ta' immigranti li b'xi mod jew ieħor waslu f 'Malta, ikun jista' biss jobsor kemm rakkonti hemm x'jinstemgħu. Sempliċiment għax dawn huma bnedmin, għandhom huma wkoll il-fakultà li semmejna aktar 'il fuq. L-istorja tagħhom, bil-mumenti varji tagħha, hija rakkont ieħor mal-ħafna li jistgħu jinstemgħu. Meta nara wħud minnhom jistennew jew jitlajjaw il-Marsa u fi nħawi oħrajn, nittanta nimmaġina r-rakkonti tagħhom x'jistgħu jkunu: il-ħajja qabel it-tluq mill-art nattiva, il-movent tat- tluq u l-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni, il-vjaġġ, il-wasla, il-ħajja l-ġdida. Il-preżenza ta' dawn l-individwi, anki jekk tidher ħafna (u għal xi wħud tagħti ħafna fl-għajn), mhijiex tinstema'. Hija preżenza mingħajr rakkont, jew aħjar preżenza li r-rakkont tagħha ma jinstemax. Aħna selettivi ħafna fir-rigward ta' x'nisimgħu u l-mezzi tax-xandir huma ggwidati minn interessi li mhumiex jagħtu prijorità lir-rakkont ta' dawn l-individwi. Għax, iva, il-mezzi tax-xandir għandhom sehem kbir fuq il-kunsiderazzjoni ta' liema rakkonti jitwasslu u liema jibqgħu moħbijin u dawn il-kunsiderazzjonijiet mhux dejjem jitkejlu skont l-importanza tar-rakkonti nfushom. Ir-rakkont m'għandux jitqies biss 'interessanti', bħal xi ħaġa li tiġbed il-kurżità rħisa jew sensazzjonali, bħal ngħidu aħna jekk kantanta ħarġitx tqila jew le, jew min ħariġha tqila, jew jekk hux se jkollha tifel jew tifla. Ir-rakkont għandu jitqies, qabel xej, bħala importanti. U hawn m'iniex inqis biss ir-rakkont dwar il-vjaġġ jew il-'ħajja ta' qabel', imma anki dwar il-ħajja ta' issa. Huwa importanti li nisimgħu r-rakkonti ta' dawn l-individwi li fihom jgħidulna min aħna aħna, kif nidhru aħna fir-rakkont tagħhom, kif qegħdin naffettwawlhom ħajjithom. Huwa importanti anki għalina, li nsiru nafu min aħna għal ħaddieħor. L-għajn barranija għandha s-setgħa li tara ħwejjeġ li dik lokali ma tarax. Per eżempju huwa interessanti li wieħed jiftakar fin-numru kbir ta' rakkonti ta' vjaġġaturi barranin, l-aktar Ingliżi fil-perjodu bikri tal- kolonizzazzjoni ta' Malta, li rrakkuntaw il-vjaġġi tagħhom lejn dak li kienu jsejħulu l-Levant u li kienu jwassluhom Malta fi triqthom. Dawn ir- rakkonti tkellmu dwar Malta, dwar il-Maltin, anki jekk, kif inhu normali, ir-rakkonti ħarġu magħhom l-interessi u l-preġudizzji kulturali ta' dak li jkun. Persważ li tkun ħaġa intriganti u importanti li nisma' dwar min jien, li nara kif nidher fir-rakkont ta' min ġie mill-bogħod u li qiegħed jgħix fuq l-istess blata tiegħi. Irrid ngħid ukoll li hemm l-esperjenza ta' immigranti oħrajn, mhux biss dawk li ġew maħruba, li wkoll trid tiġi rrakkontata. Persważ li r-rakkont ta' dawn dwar Malta jaf jagħti ideat dwarna li, per eżempju, ma jogħġbuniex. Qiegħed nikteb dan il- kumment f 'mument ta' darba f 'sena meta nibdew inħossuna differenti mis- soltu: meta nħossuna nazzjon, inħossuna poplu, u nħossuna prominenti anki meta mqabbla ma' nazzjonijiet u popli oħrajn. Qiegħed nikteb dan il-kumment waqt ewforija sħiħa fil-jiem li jwasslu għal ċelebrazzjoni kulurita u għalja ħafna tal-'kultura' Ewropea: il-Eurovision. Sa meta joħroġ dan l-artiklu nkunu nafu jekk għandniex inħossuna l-iktar nazzjoni speċjali tal-kontinent jew inkunux qegħdin nibku x-xorti li aħna żgħar bħalma nagħmlu sena wara l-oħra. Imma r-riżultat mhux daqstant importanti daqs kemm huwa importanti l-mod kif qegħdin nirrakkuntaw lilna nfusna f 'dan il-mument. U huwa importanti wkoll naraw jekk ir-rakkont tagħna dwarna jaqbilx mar-rakkont tal- oħrajn dwarna. L-impressjoni tiegħi hija li llum sirna, bħal darba ilu ħafna, nittrattaw il- barrani – kemm jekk ġie hawn maħrub, jekk ġie hawn bi pjan – bħala barrani. Ftit li xejn jinteressana r-rakkont tiegħu, ftit li xejn tinteressana ħajtu. Il-barrani, għalina, huwa sempliċiment dak: barrani, kważi irrispettivament għandux xagħru kannella jew bjond, għandux wiċċu iswed jew abjad. IMMANUEL MIFSUD "Meta nara wħud minnhom jistennew il-Marsa, nittanta nimmaġina r-rakkonti tagħhom x'jistgħu jkunu: il-ħajja qabel it-tluq mill-art nattiva, il-movent tat-tluq u l-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni, il-vjaġġ, il- wasla, il-ħajja l-ġdida" L-għajn barranija għandha s-setgħa li tara ħwejjeġ li dik lokali ma tarax