Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866
illum | Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 Opinjoni 20 K ull deni ħudu b'ġid. It-tluq ta' Toni Abela minn deputat mexxej tal-PL u fi ftit jiem wara r-riżenja ta' Konrad Mizzi minn din il-kariga fetħu l-bibien għal elezzjoni oħra ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Diġà tħabbru n-nomini ta' żewg ministri u eksuffiċjal għoli tal-PL li beħsiebhom jikkontestaw għal din il- ħatra. Il-fatt li se ssir elezzjoni, diġà hija xi ħaġa sana, u li tixhed tiġdid u dinamiżmu fl-organizazzjoni nnifisha. Għalkemm din l-elezzjoni tidher li kienet iddettata minn ċirkostanzi partikolari, imma bla dubju ġiet fi żmien opportun. Il-Gvern Laburista qabeż nofs il-leġiżlatura; fil- fiduċja tal-poplu għadu fuq quddiem [skont is-sondaġġi], iżda naqqas mill-appoġġ, u d-dnubiet tiegħu telgħu fil-wiċċ sew, anke fejn kienu dnubiet tal-abbatini, għax jidher li l-Labour minn dejjem kellu dellu tqil! U fid- dagħdiegħa ta' kontroversja politika x'aktarx jitħawdu l-imħuħ u jweġġgħu l-qlub: kif qed iħossuhom partitarji jew simpatizzanti Laburisti li qed jistennew li jsir ħaqq magħhom! Il-preokkupazzjoni tagħhom ġejja mill-fatt li ż-żmien li fadal għal elezzjoni oħra huwa inqas minn kemm għadda mill-elezzjoni li għaddiet. Dan l-istat ta' fatt iservi biex tinħoloq apatija u tibda titbiel it- tama. U dan, ġeneralment ikun rifless fl-istrutturi tal-għeruq tal-Partit bħal fil- kumitati lokali, distrettwali u saħansitra fir-rarpreżentanza tal-Kunsilli Lokali. Ikun rifless fost il-partitarji li mhux neċessarjament huma attivisti. Sitwazzjoni bħal din, fejn tiddomina l-apatija, tista' ddakkar ukoll lil min mhux interessat fil-politika jew min hu meqjus bħala avversarju, u għalhekk l-impatt negattiv jista' jkun ikbar milli wieħed jaħseb. F'kuntest ta' moviment politiku, iktar milli ta' partit, il-konsegwenzi huma ikbar. Biex il-partit jew il-politiku jibqa' qrib in-nies u n-nies tibqa' fi ħdanu, bilfors trid tingħata attenzjoni partikolari lejn is-sors li jkun qed jikkawża apatija jew diżappunt. Fid-dinja tal-lum, l-attenzjoni individwali hija inevitabbli. Kollox sar personalizzat anke meta tiġi biex tgħaddi messaġġ. Tista' tgħid li l-votant sar 'egoist' imma xorta jibqa' jkejjel b'xibru. Min għadu bla xogħol mhux se jikkonsla ghax fit-tkabbir ekonomiku qegħdin fuq quddiem tal- Ewropa. U fid-dinja politika, kull vot jgħodd. Iktar u iktar fiż-żminijiet tal-lum fejn il-vot faċilment jinqaleb min-naħa għall-oħra. F'partit li waqqa' l-fortizza ta' madwaru u nfetah għal kulħadd, ir-responsabbiltà tkun ikbar għax min imexxih ma jistax iħares biss sal- konfini partiġġjani imma jrid jara lil hinn mix-xefaq! U jrid jassigura li min qiegħed fil-qalba jitgħallem jgħix ma' min qiegħed fil-periferija. Mhux biss, imma jrid jifhem li s-siġra ma tkabbarx il- friegħi u ma tagħtix frott jekk l-għeruq jimirdu. Dan huwa x-xenarju jew aħjar ir-responsabbiltà kbira li se jkollu jġorr id-deputat mexxej tal- PL il-ġdid. Mhux biss, imma għandu fuq spallejh ukoll l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni interna kif ukoll it-tħejjija tal- kampanja elettorali li jmiss. Altru li din mhix xi kariga ċerimonjali! Għalhekk, min se jidħol għal din il-kariga, irid jinsa l-prestiġju jew l-unuri, imma jrid ixammar il-kmiem biex jagħmel id- differenza minn ta' qablu u minn ħaddiehor. Fil-fehma umli tiegħi, il-karatteristiċi tad-deputat mexxej għandhom ikunu dawn: is-salvagwardja tal-onestà. Il-ħila fl-organizazzjoni, il- komunikattiva u l-lealtà. Id-deputat mexxej ma jistax iħares lejn l-interess personali jew settorjali, iżda jrid jassigura qabel kollox li l-partit jibqa' jkun relevanti għaż-żminijiet tal-lum u tal-ġejjieni. F'kuntest fejn bosta huma dawk li qed jitilfu l-fiduċja fil-politiċi u l-partiti, din hija uġigħ ta' ras. Irid jiddedika l-ħin u l-enerġija biex jipproġetta lill- partit bħala organizazzjoni li kapaċi twelled u trabbi ideat u proposti aġġornati u ġodda li jixprunaw lill-gvernijiet biex jamministraw lill-pajjiż fuq bażi soda ta' governanza tajba, tisħiħ fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u ħarsien tas- sistemi edukattivi, ambjentali u tas-saħħa. Għalkemm il-partit irid jagħraf kif jipproġetta ruħu u jfassal strateġiji biex il-messaġġ tiegħu jilħaq u jkun jidher li jappella għall-kotra iżda essenzjalment, il-manifest elettorali jrid ikun wieħed fattibbli u mhux imsejjes fuq retorika li tpaxxi l-widna ta' min irid jisma'. Dan jista' jsir biss jekk il-ħidma tkun mibnija fuq l-onestà. Żgur li d-deputat mexxej irid ikollu ħila maniġerjali fl-organizazzjoni. Irid ikun kapaċi jieħu deċiżjonijiet amministrattivi f 'waqthom. Ma jridx jibża' li jirfes kallijiet. L-effiċjenza u l-kontabiltà għandhom ikunu l-KPIs ewlenin fil- ħidma tiegħu. Irid jagħraf kif jorganizza lill-partit internament biex jibqa' forza b'saħħitha indipendenti mill-Gvern. Irid jassigura li l-partit ma jkunx fid-dell tal-ħidma tal-Gvern. Irid ikun katalist tal-bidla. Biex iżomm il-partit ħaj, irid ibiddel. Joseph Muscat hekk kien għamel biex wassal lill- Partit biex ikun kapaċi jirbaħ l-elezzjonijiet u jwettaq proposti innovattivi. Irid jaħdem għall-għaqda fi ħdan l-istess partit. Anke l-imsaren fiż-żaqq igorru ahseb u ara fl- organizzazzjoni politika. Irid iġib lill-akkanit u l-moderat, lill-antik u l-gdid, lis-suldat tal-azzar mal-eks avversarju madwar l-istess mejda. Il-komunikattiva hija għodda essenzjali. Ma jfissirx li trid tkun oratur mit-twelid, iżda żgur li jrid ikollok l-abbiltà li kapaċi twassal il-messaġġ b'mod ċar. L-importanti mhux biss kif jasal il-messaġġ għand il-pubbliku ġenerali imma wkoll kif jasal il-messaġġ mill-għatba 'l gewwa taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Mhux dehen li jkollok uffiċjali jew attivisti li jitħawdu jew jagħtu interpretazzjonijiet differenti ta' bidliet fil-poltiki jew ta' deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-eżekuttiv. Ir- responsabbiltà kollettiva trid tinħass f 'dan is-sens. Irid ikun hemm ukoll titjib fil-mezzi ta' komunikazzjoni tal-partit. Spiċċa ż-żmien ta' propaganda. Illum nitkellmu fuq komunikazzjoni effettiva u marketing professjonali. M'għadux iż-żmien li nserrħu moħħna fuq l-istqarrijiet għall-istampa, imma rridu nħarsu lejn il-kwalità tax- xandir inkluż dawk permezz tas-siti soċjali u l-mezzi teknoloġiċi tal-lum. Id-Deputat Mexxej tal-PL: siġġu jaħraq? MANUEL MICALLEF "Irid jassigura li l-Partit ma jkunx fid-dell tal-ħidma tal-Gvern. Irid ikun katalist tal- bidla. Biex iżomm il-Partit ħaj irid ibiddel" "Min għadu bla xogħol mhux se jikkonsla għax fit-tkabbir ekonomiku qegħdin fuq quddiem tal- Ewropa u fid- dinja politika, kull vot jgħodd"