Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866
K ien hemm min staqsa għalfejn, fid-dawl tar- rabja li kien hawn fil-pajjiż rigward il-każ Panama, kienu biss ftit tużżani ta' nies ta' rieda tajba li attendew il-protesta organizzata mis-soċjeta ċivili. Għax fil-verità, jekk taqta' l-ipokriti li meta kienu fil- Gvern ġew jitmellħu mit- trasparenza u dawk l-erba' li jqumu u jorqdu u jieklu, jisimgħu l-101 u jaraw in-Net, il-vera nies li ġenwinament jemmnu fit-trasparenza, kienu l-ftit. Kien hemm min qata' qalbu. Kien hemm min qal li l-poplu Malti ma jimpurtahx biżżejjed mill-moralità u t-trasparenza fil-ħajja pubblika. L-importanti l-but. Frankament, ma nafx għalfejn hawn min qed jistagħġeb. Sa din il-ġimgħa stess, tkellimt ma' xi nies li għandhom proprjetà Marsaskala li jikruha. Din il- familja dejjem ivvutat lill-Partit Nazzjonalista. F'nofs konverżazzjoni, ir-raġel in partikolari qalli, "ma nafx għalfejn dal-garr! Aħna kellna appartament li qabel konna nikruh €300 fix-xahar u issa se nibdew nikruh €500 jew €550 minħabba li ġejjin tal- Università Amerikana!" U mur merih, u mur għidlu li parti mill-Università se ssir fuq art ODZ u mur għidlu li l-partit li jivvota għalih għamel gwerra sħiħa kontra dan l-istess proġett. Għal din il-familja, l-importanti huwa li l-kirja setgħu jgħolluha b'madwar €250 fix-xahar. Għal din il- familja, l-importanti huwa li l-investiment li għamlu bl-għaraq ta' xbinhom issa se jibda jirrendilhom aktar qligħ, li jfisser aktar flus fil-but għalihom, li jfisser ħajja iktar komda. Iva, għal ħafna nies li ma jħobbux ipoġġu fuq xi pedestall medjatiku minn fejn iħarsu lejn in-nies b'mikroskopju - għax komdi, il-flus u l-but huma importanti. Għax il-flus ma jaqgħux mis- sema u bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. U ma noqogħdux nilgħabuha tal-pampaluni tal-etika u l-morali u nitilgħu fuq iż- żwiemel tal-prepotenza u s-superjorità. Il-flus jagħmlu b'kulħadd. Min ilbieraħ ħareġ jitkaża bil-bejgħ tal-passaport, illum qed jixxala fl-eluf li qed jagħmel mill-istess bejgħ tal- passaport. Imbagħad lill-poplu joqogħdu jħarsulu bl-ikrah għax jagħmel bħalhom u jirraġuna skont il-but. Lill- poplu jriduh jieħu dak li nsejħulu l-'moral high ground' u jivvota skont l-onestà. Jiġifieri din li kull meta ma jaqblilniex, noqogħdu ngħajru lill-poplu injorant għax hawn xi erba' psewdo-intelletwali li jaħsbu li skoprew lil Aristotli ġo fihom, trid tinqata'. Għax diġà qed inxommha ġejja jekk l-elezzjoni li jmiss jirbaħha l-Labour, kif kważi ċert li se jiġri. Se jkollna l-erba' tas-soltu jgħidulna kemm aħna poplu injorant, moħħ ta' tiġieġa li jaħseb biss fil-but u li għalih, il-moralità u l-etika mhux importanti. Jien ngħid li għall-Maltin, il-moralità hija importanti ħafna u l-Maltin ma jiħdux l-insolenza f 'wiċċhom tajjeb. Imma ladarba għandna ħafna politiċi li meta tiġihom id-daqqa, jieħduha u ma jaraw ebda inkongruwenza li jagħmlu kemxa flus minn xi ħaġa li skonthom hija ħażina, mela allura l-poplu jagħmel l-istess. U jekk il-kejl tal- politiċi huwa l-but, mela anke tal-poplu jsir hekk. Għalhekk m'għandniex nistagħġbu li l-Prim Ministru preżenti għadu popolari u li minkejja r-rabja dwar il-Panama, il-Gvern ma ħax id-daqqa li kellu jieħu. Għax bħalissa hawn ħafna nies li lira qed idawruha sew. Min qiegħed fil-proprjetà qed idawwarha sew, il-lukandiera u ħafna negozji relatati mal- ikel qed jagħmlu lira tajba, it-turiżmu sejjer tajjeb ħafna u mat-turisti qed igawdu l-ħafna u s-settur tal-kostruzzjoni ħa imbuttatura li kien ilu ma jieħu s-snin. Ma jfissirx li kulħadd sejjer tajjeb, u għad hawn nies fil-faqar, però hawn ħafna sejrin tajjeb ukoll. U jekk għal dak il-politiku li llum qed jilgħabha tal-onest, il- flus kienu l-kejl ta' kemm huwa importanti l-prinċipju, mela għal ħafna nies ir-raġunament huwa l-istess. Jekk il-politiċi u l-moralisti u l-banda ta' nies li jgħixu fuq żiemel iridu lill-poplu jivvota fuq l-etika, mela għandhom ikunu huma stess li meta jasal il-mument jiċċaħħdu mill-flus u mill-materjal u jżommu sod mal-prinċipju. Il-poplu mhux injorant għax ikejjel b'xibru u b'butu. Il-poplu tqażżeż jisma' u jipprova jagħti kredenza lil min sar sinjur mil- lejl għan-nhar u għal min ħaseb għalih u għal familtu. Mela la ħaddieħor hekk għamel, il- poplu hekk se jagħmel ukoll. Imma għalfejn in-nies qed jiddejjqu u ħafna waqfu jisimgħu dwar il-Panama? Jien ngħid li ddejqu, l-ewwel u qabel kollox għax wara l-Panama m'għadhomx jgħarfu liż-żewġ partiti fejn jidħlu flus. Illum fejn tidħol rgħiba u ħniżrija, iż-żewġ partiti huma l-istess f 'għajnejn in-nies. Min ilbieraħ kien jgħajjar lin-Nazzjonalisti, illum sar bħalhom u min kien jitħanżer ilbieraħ, illum qed jgħodd is-sekondi biex jerġa' jibda jiffanga. Jiġifieri dawn il-ħafna konferenzi u dawn il-ħafna stqarrijiet qed jaqgħu fuq widnejn torox jew f 'widnejn l-iffissati biss. Din il-ġimgħa ħarġu aktar ismijiet ta' nies jew kumpaniji li b'xi mod marbutin mal- Panama, ħafna minnhom fil-fatt kienu kumpaniji intermedjarji. U minn hemm reġgħet bdiet il-gwerra ta' kliem u konferenzi u titjir ta' vleġġeġ. Jien nixtieq inkun naf il-partiti lil min jaħsbu li se jimpressjonaw. Il-Partit Laburista, bir-rispett kollu, aħjar jagħlaq ħalqu dwar din il-kwistjoni tal-Panama, għax kull kelma li jgħid dwarha u kull konferenza li jorganizza tiswa biss biex tgħaddsu 'l isfel. Vera, hemm nies fi ħdan il-PN li kellhom xi rabtiet diretti jew permezz ta' kumpaniji u konsulenzi fl-istess kumpaniji, imma dan ma jneħħix mill-fatt li isem Konrad Mizzi u Keith Schembri hemm kienu. Dal-ħafna 'la int agħar minni, jien nista' niżbalja kemm irrid' qażżeż lil kulħadd issa. Għalhekk in-nies waqfu jisimgħu, għalhekk m'attendewx bi ħġarhom għall-protesta. Għax qatgħu qalbhom mit-tnejn fejn tidħol l-onestà u t-trasparenza u llum qed jirraġunaw li jekk għandna klassi politika li tkejjel b'butha, mela 'too hell with transparency', ejja ħa nagħmlu l-flus. Nixtieq ma naqbilx, għax nixtieq li ngħix f 'soċjetà mibnija fuq il-moralità u l-etika u fejn il-politika hija servizz għal dak li hu sew, imma ladarba kulħadd għal ġildu sar jaħseb illum, mela allura sewwa jagħmlu n-nies iqabblu fejn jaqblilhom! U sewwa jagħmlu jkejlu b'xibirhom u b'buthom! Sewwa qalulhom tal- Graffiti. Same sh*t different Government. Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 | illum 21 Opinjoni ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-poplu dardartuh...għalhekk qed ikejjel b'xibru! "Il-flus jagħmlu b'kulħadd. Min ilbieraħ ħareġ jitkaża bil-bejgħ tal-passaport, illum qed jixxala fl-eluf li qed jagħmel mill- istess bejgħ tal- passaport"