Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866
Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 | illum Vetturi 23 IL-LINGWA Maltija ħafna drabi tillimitana milli nispjegaw eżatt xi rridu ngħidu meta nitkellmu fuq is-suġġett tal-karozzi u xi drabi kaġun ta' dan, ninftiehmu ħażin. Eżempju ċar huwa nuqqas ta' kliem li jagħmel differenza bejn dawk li jimmodifikaw il-karozza bi skop li jtejbu l-imġiba fit-triq u l-kwalità tas-sewqan, u dawk li jimmodifikaw karozza għal skop ta' apparenza. Għas-saħħa tal-argument ejja noħolqu żewġ kelmiet li jiddistingwu bejn dawn iż-żewġ gruppi. Hemm dawk li jarmaw karozza, u dawk li jżejnu karozza. Dawk li jarmaw ma tantx jieħdu pjaċir meta jiġu mitfugħin fl-istess keffa ma' dawk li jżejnu, u nifhimhom kompletament. Armar ta' karozza jinvolvi ħafna ħsieb, xjenza, inġinerija, esperjenza, provi u fallimenti. Kull tip ta' modifika, ikollha warajha sigħat twal ta' ħsieb u raġunar u kull modifika jkolla spjegazzjoni li twassal għal katina ta' modifiki oħra. Jekk wieħed iħares lejn karozza sportiva, kull aspett li jagħmilha sportiva qiegħed hemm għal skop xjentifiku. Jekk wieħed iżid il-qawwa tal-magna, ikollu jżid il- kapaċità tal-brejkijiet li jkun ifisser tkabbir tad-'discs' u 'calipers'. Dan it-tkabbir ifisser li jkun hemm bżonn iktar spazju u ventilazzjoni. Dan iwassal għal bdil tar-roti, fejn ir-roti l-ġodda jkunu ikbar u b'ventilazzjoni aħjar. Roti ikbar ikun ifisser 'tyres' bi profil iktar baxx biex jikkumpensaw għal dan it-tkabbir u estenzjonijiet tal-'wheel arches' jew ġnub usa' biex jgħattu dik il-parti tar-rota li issa giet mikxufa. Meta l-qawwa tal-magna tiżdied, ikun ifisser ukoll li meta ddur b'ċertu veloċità, hemm possibbiltà ikbar li l-karozza tipprova tinqaleb. Għalhekk huwa importanti li l-karozza tkun iktar viċin tal-art u tkun iktar iebsa. Minħabba f 'hekk, is-'suspension' trid tkun iebsa u baxxa iktar minn ta' karozza komuni, ikollha apparat li jwaqqaf il-karozza milli tixxaqleb fuq naħa waħda fid-dawriet u 'spoilers' li bir-riħ jagħfsu l-karozza iktar mal-art. Il-bumper ta' quddiem ikollu bżonn aċċess aħjar għall-arja li l-magna għandha bżonn biex tieħu n-nifs u li tintuża wkoll biex tkessaħ il-magna u tkessaħ l-arja li l-magna għandha bżonn tiġbed. Biex jifhmuni aħjar dawk li mhumhiex tekniċi, għal bniedem li sejjer jiġri, ikun aħjar li ma jkollux imnieħru imblukkat, li jiġbed arja friska u li jilbes flokk li jżommu frisk. Dawn il- modifiki fid-disinn, wieħed jista' jinnutahom meta jqabbel karozza komuni u karozza tal-istess mudell iżda f 'verżjoni iktar sportiva. Però kultant anke dawn il-modifiki li tagħmel il-fabbrika ma jkunux biżżejjed u s-sidien ta' dawn il-karozzi jżidu ma' dawn il-modifiki bi proċess studjat pass pass. Meta bniedem iżejjen karozza, dawn il-liġijiet tax-xjenza ma jiswew xejn u l-importanza hija l-apparenza. Dawk li jżejnu, ħafna drabi jkunu jemmnu li iktar mal-modifika tkun evidenti għal kull min jara l-karozza, iktar din il-modifika tkun ta' suċċess. Ftakru din il- filosofija f 'kull tip ta' modifika li se nsemmi minn hawn 'il quddiem. Roti kbar jidhru isbaħ, u allura jarmaw xi set roti daqs ta' karrettun filwaqt li l-brejkijiet jibqgħu d-daqs ta' plattina. Biex jimlew dan il-vojt kbir fir-roti li issa sar iktar evidenti, ġieli jitwaħħlu 'calipers' tal- brejkijiet finta u diski kbar finta, ħafna drabi blu fuq wara, li ironikament ikunu ħafna ikbar minn dawk ta' quddiem. It-tkabbir tar-roti jkun ifisser li l-magna bażika trid tbati ħafna iżjed biex iddawarhom u tħalli l-karozza b'saħħa ta' 'wheelchair' elettriku...bil- batterija baxxa. Ovvjament, il- karozza trid tkun baxxa kemm jista' jkun u għalhekk dawk li jżejnu jużaw metodi interessanti. Ġieli jiddeċiedu li jaqtgħu parti mill-molla jew inkella jsaħħnu l-molla biex tiddgħajjef u b'effett ta' dan, il-karozza titbaxxa. Jekk il-karozza tkun kważi tħokk mal-art, hija loġika għal dak li jżejjen li tidher iktar 'cool' anke jekk b'riżultat ta' dawn il-modifiki eżaġerati, parti żgħira biss min-naħa ta' ġewwa tat-'tyre' qiegħda tmiss mal-art u tkun tixbah ħmar li żelaq u qiegħed jipprova jqum. Li tnaqqas is-sigurtà fis-sewqan u li ssuq kemm kemm tiċċaqlaq għax il-karozza tħokk mal-art, huwa prezz żgħir għal dawn in-nies meta mqabbel mal- apparenza. Modifiki oħrajn ikunu jinkludu ammonti kbar ta' 'spoilers' u 'side skirts'. Dawn ħafna drabi jkunu jinvolvu ftit kreattività mhux ħażin. Kem-il darba pruvajt nifhem għaliex karozza li għandha l-magna quddiem, għandha ventilaturi kbar fil-ġnub ta' wara li jkunu ispirati minn fuq karozzi bħal Ferrari Testarossa, Toyota MR2 jew MGF li kollha għandhom il-magna fin-nofs tal-karozza. Xi kultant, jitwaħħlu wkoll ventilaturi finta fuq il-bonnet u anke fuq is-saqaf. L-effetti ta' 'spoilers' kbar fuq wara jkun ifisser li r-riħ ikompli jżomm lura lill-karozza u jnaqqsilha mill-ftit saħħa li fadlilha l-magna. Il-'bumper' ta' quddiem xi kulltant ikun jixbah ħalq il-kelb il-baħar tal-film 'Jaws' fil- mument li jiekol xi tużżana nies f 'daqqa. Meta tipprova tifhem x'hemm wara din it-toqba massiva fil-bumper li lanqas ħalliet spazju għan-'number plate', tinduna li ma jkun hemm xejn ħlief il-parti t'isfel tar-'radiator' ċkejken u skoss dubbien mejjet. Ironikament, ix-xibka oriġinali tal-karozza li ħafna drabi tkun essenzjali u parti integrata fil-'bonnet' tkun magħluqa u l-unika evidenza li jkun baqa' li xi darba kien hemm xibka, huma xi ftit xquq fiż-żebgħa li bdew jiffurmaw fejn beda jaqsam il-'hard metal'. Kultant, din il-passjoni tkompli fuq il-bibien ta' wara billi jitgħattew il-pumi biex tingħata l-impressjoni li l-karozza hija verżjoni sportiva u ħarġet b'bieba waħda fuq kull ġemb u mhux bi tnejn. Għal xi raġuni, in-'number plate' ta' wara ma jkunx jidher sabiħ fil-post fejn intenzjonatu l-fabbrika, u dik il-ħofra titgħatta waqt li n-'number plate' jitwaħħal bl-addoċċ xi mkien fuq in-naħa t'isfel tal- bumper u li jixbah lil persuna b'qalziet imniżżel. Fuq ġewwa ovvjament, iktar ma jkollok 'speakers', dwal ta' kull kulur u arloġġi d-daqs ta' żveljarin, ikun aħjar. Il-pożizzjoni tas-'seats' ġieli tkun simili ta' xi 'sun bed' fuq ir-ramel u li kieku x-xufier kellu jserraħ daru fuqu, kull ma jara huwa t-tapizzerija tas-saqaf waqt li jdejh ikollhom bżonn imqar żewġ piedi tul oħra biex forsi jilħqu l-isteering. Forsi qiegħed neqred daqshekk għax issa kbirt u nammetti li meta kelli 18-il sena, jien ukoll kont nipprova nimpressjona. Però, li kieku kelli nagħti parir lil dawn li jżejnu karozza, ikun dan li ġej: jekk qiegħed iżżejjen biex timpressjona ftakar li fit-triq hemm żewġ tipi ta' persuni. Dawk li ma jinteressahomx mill-karozzi, u l-unika mod li se jagħtu kas il-karozza tiegħek hija jekk tkun ħadet in-nar. Mill-banda l-oħra, dawk li jinteressahom, żgur mhux se tbellahielhom li l-karozza tiegħek għandha xi brejkijiet speċjali, għandha xi magna b'saħħita jew hija verżjoni b'żewġ jew tliet bibien meta fil-verità tkun ħarġet b'erba' jew ħames bibien bl-istess mod li wieħed li jsellef xagħru jew jaħbi xi par kalzetti fil-qalziet ta' taħt mhu qed jidħaq b'ħadd ħlief bih innifsu. Ibda tgħallem fuq kif taħdem il-karozza tiegħek, insa l-apparenza u uża l-loġika u s-sens komun. Il-modifiki għamilhom b'mod li tgawdi minnhom int, kemm jekk hu f 'sens ta' kumdità, qawwa fil-magna jew imġiba fit-triq. Ir-rispett u l-ammirazzjoni u s-sbuħija jiġu waħedhom imbagħad. Armar jew tiżjin Karozza baxxuta b'mod eżaġerat Brejkijiet finta Andrew Pisani