Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866
illum | Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 Elezzjoni Deputat Mexxej PL Cardona l-favorit għal Deputat Mexxej mal-qarrejja tal-illum.com.mt Stħarriġ online: Cardona: 42%, Bonnici: 35%. Zrinzo: 23% minn Albert Gauci Cunningham FL-EWWEL ftit jiem minn mindu tefgħu n-nomini għall- kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona, Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi, jidher li l-Ministru Cardona huwa l-aktar wieħed li qed jakkwista appoġġ. Fil-fatt, l-istħarriġ tal-illum.com. mt ta' din il-ġimgħa juri li fl- ewwel ftit jiem tal-'kampanja' għall-elezzjoni interna tal- istess partit, Cardona jinsab fuq quddiem b'42% ta' dawk li pparteċipaw f 'dan l-istħarriġ sas-13:00pm ilbieraħ. Sal-istess ħin ilbieraħ, kienu vvutaw b'kollox 3,880 persuna fuq illum.com.mt. Il-qarrejja tagħna kienu mistoqsija min jaħsbu li huwa l-aħjar kandidat biex jimla l-post ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Mit-total, 1,633 persuna jew 42% ta' dawk kollha li pparteċipaw, ivvutaw favur Chris Cardona. Għalkemm dan kien ir-riżultat sal-bieraħ, ix-xejra favur Cardona bdiet min-nhar it-Tnejn, jew il-ġurnata li fiha beda dan l-istħarriġ. Fil-fatt huwa kien dejjem fl-ewwel post bl-akbar numru ta' voti. Wara Cardona, jiġi Owen Bonnici li sal-bieraħ kien kiseb 1,360 vot mingħand il-qarrejja tal-illum.com.mt, jew 35% ta' dawk kollha li pparteċipaw sal-bieraħ wara nofsinhar. Biex imbagħad fit-tielet post hemm Stefan Zrinzo Azzopardi li s'issa kiseb total ta' 887 vot. Fil-każ ta' Zrinzo Azzopardi u Bonnici, l-ammonti ta' voti fl-istħarriġ inbidlu matul il-ġimgħa tant li f 'punt minnhom Zrinzo Azzopardi, li huwa magħruf li għandu warajh ħafna mis-sostenituri u partitarji tal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, kien qabeż sew lil Owen Bonnici fl-appoġġ. Jidher iżda li fl-aħħar jumejn, kien hemm żieda qawwija fl-appoġġ lejn Bonnici hekk kif madwar 500 qarrej tas-sit għażluh bħala l-aktar persuna idonea għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Fl-ewwel ftit jiem kienu bosta l-istqarrijiet ta' dawn it-tliet kandidati, bl-aktar tnejn li jidher li għandhom kampanja organizzata jkunu Owen Bonnici u Chris Cardona, tant li tal-ewwel saħansitra ħareġ filmat li fih jgħid għalfejn id- Delegati għandhom jagħżlu lilu għall-kariga. Fuq il-gazzetta ILLUM tal- Ħadd li għadda, il-Ministru Owen Bonnici kiteb opinjoni li fiha artikola l-viżjoni tiegħu għall-Partit Laburista b'aċċenn partikolari fuq il-ġlieda kontra l-faqar, favur l-inklużjoni soċjali u favur il-korrettezza politika. Fil-ħarġa tal-lum, Bonnici jkompli jitkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall- pajjiż u l-partit u jerġa' jtenni l-intenzjoni tiegħu li jaħdem aktar biex il-ġid ekonomiku li qed jinħoloq bħalissa jasal għand kulħadd. "L-isfida li jmiss hi li naċċertaw irwieħna li l-ġid kbir li qed noħolqu jinżel s'isfel...huwa fl-interess mhux biss ta' min hu isfel nett li jsir dan imma tas-saffi kollha tas-soċjetà għaliex jekk iż-żgħir jitla' fuq saqajh u jikber, se jikber ukoll u iktar min hu fuqu," sostna Bonnici f 'artiklu li qed jidher f 'paġna 17. Intant f 'intervista li qed tidher f 'din il-gazzetta, f 'paġni 10 u 11, Chris Cardona jiżvela li l-elezzjoni ġenerali li jmiss, se tkun l-aħħar waħda li hu se jikkontesta. Huwa jgħid li ddeċieda dan biex juri li ma jixtieqx jibqa' kkakmat mal-poter u jgħid ukoll li tefa' n-nomina tiegħu għal din il- kariga biex is-suċċess li skontu, qed iwettaq bħala Ministru fl-ekonomija, issa jagħmlu fil- partit ukoll. Bonnici, il-Ħadd li għadda kiteb dwar l-importanza li l-PL iwieġeb għall-attakki tal-PN permezz tal-ideat u l-konvinzjoni. Min-naħa l-oħra, Cardona qal lil din il-gazzetta li l-partit m'għandux iżomm lura milli jattakka lura u jfakkar ukoll fl-iżbalji u n-nuqqasijiet tal-PN. Fl- intervista mal-ILLUM Cardona jgħid li "l-aqwa forma ta' difiża hija l-attakk." L-elezzjoni għall-ħatra ta' Deputat Mexxej ġdid għall- Affarijiet tal-Partit se ssir bejn il-Ħamis 9 u l-Ġimgħa 10 ta' Ġunju u f 'każ ta' bżonn is-Sibt 11 ta' Ġunju.