Illum previous editions

ILLUM 15 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/679866

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 15 ta' Mejju 2016 | illum Id-djar fil-komunità għal persuni b'diżabbiltà minn Veronica Lynn Mizzi "LI toffri saqaf fuq ras xi ħadd, mhux biżżejjed, imma trid toffri kwalità ta' ħajja tajba." Dawn kienu l-kummenti ta' Elaine Galea, il-maniġer tas-servizzi residenzjali tal-aġenzija Sapport, meta ltaqgħet mal-gazzetta ILLUM fid-dar 'Orchidea' fis-Siġġiewi, li hija l-aħħar dar residenzjali fil-komunità għal persuni b'diżabbiltà li nfetħet f 'Malta. L-aġenzija Sapport fetħet diversi djar fil-komunità sabiex tkun tista' takkomoda persuni b'diżabbiltà u Dar Orchidea hija l-ewwel waħda minn sensiela ta' għaxart idjar li l-aġenzija impenjat li tiftaħ. Din infetħet f 'Ottubru li għadda, u fi Frar li għadda infetħet it-tieni waħda, iżda din id-darba f 'Għawdex, bl- isem ta' Dar il-Fjuri. F'din ir-residenza fis-Siġġiewi, joqogħdu erba' residenti li wħud minnhom ġew trasferiti minn djar oħra li għandha l-aġenzija, waqt li oħrajn ġew mill-familji tagħhom, biex jgħixu ħajja indipendenti. Fil- fatt, ir-residenti jgħixu ħajja ta' indipendenza kbira għalkemm xorta waħda jkollhom servizz ta' 'support worker' li jkunu magħhom 24 siegħa kuljum, f 'każ ta' bżonn. Ir-residenti, li l-maġġoranza tagħhom huma żgħażagħ, jagħmlu ħafna mill-attivitajiet waħedhom, anke jmorru jixtru jew jaqbdu tal-linja f 'xi każi. Il-persuna li tkun qed tagħti l-għajnuna fir-residenza tissejjaħ 'support worker' u mhux 'care worker' għaliex dawn jagħti s-sapport tagħhom lill-persuna sabiex tilħaq fejn tista' tilħaq, u mhux biex tkun tista' tagħmlilha kollox, u tmur magħha kollimkien. Elaine Galea tkellmet ma' din il-gazzetta dwar l-importanza ta' dawn id-djar residenzjali, u x'differenza qed jagħmlu fil- ħajja tar-residenti, u kif b'dawn id-djar, irridu nimxu lejn punt fejn persuni b'diżabbiltà jkunu integrati fis-soċjetà. Spjegat kif huwa importanti li dawn id-djar ikunu żgħar u għaldaqstant jakkomodaw numru żgħir ta' residenti bħal fil-każ tad-dar tas-Siġġiewi. "Qabel, l-idea kienet li jkollok numru ta' persuni b'diżabbiltà, u jkollok post, u tpoġġihom flimkien biex tipprovdilhom saqaf fuq rashom. Illum dik l-idea m'għadhiex teżisti u morna lil hinn minn hekk għax mhux biżżejjed li toffri saqaf fuq ras xi ħadd. Fi djar żgħar tista' tagħti dik l-atmosfera ta' dar vera u propja u ma tkunx sempliċiment 'house' imma ssir 'home' u tingħata iktar attenzjoni individwali." Semmiet kif f 'ċertu każi, meta persuni jkunu ilhom jgħixu 'in care' jidħlu ċertu attitudnijiet u rutini li jsiru n-norma, bħal per eżempju ma jkunux jafu jiddistingwu bejn l-affarijiet tagħhom u ta' ħaddieħor, għaliex ikunu draw f 'ambjent li bejn it-tnejn m'hemmx distinzjoni. "U huwa propju dan li jkunu qed jitgħallmu meta jkunu qed jgħixu fi djar żgħar u b'mod indipendenti, għaliex meta tkun drajt f 'istituzzjoni ikbar, bejn erba' ħitan, issir iktar diffiċli biex tintegra. Għar-resident, dik tkun saret id- dinja tiegħu u biex tintegra u tissoċjalizza barra, issir diffiċli." Galea kompliet tispjega li l-għan ta' din id-dar fis- Siġġiewi u djar oħra li qed jinfetħu huwa biex ir-residenti jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom u jsiru membri attivi fis-soċjetà. "Issa, jekk lil dawn il-persuni se titfagħhom x'imkien 'il bogħod minn kulħadd, dan l-għan mhux se jintlaħaq," kompliet issostni Galea. "L-għan f 'din id-dar, u oħrajn bħalha hi li r-residenti jgħixu ħajja normali bħal kulħadd. U dawn ir-residenti jagħmlu attivitajiet bħal ħaddieħor, isiefru u anke jmorru postijiet bħal Paceville." Elaine Grech tkellmet dwar il-fatt li f 'din ir-residenza, u kwalunkwe dar fil-komunità oħra, "mhux biżżejjed li sempliċiment qbadt dar, u tfajtha fil-komunità, għax dik hija l-parti l-faċli, imma x-xogħol jiġi meta int qed tgħin lill-persuni biex jintegraw. Trid tagħtiha l-ħiliet neċessarji, u anke tħeġġiġha biex tagħmel dan." Il-maniġer tas-servizzi residenzjali tal-aġenzija Sapport spjegat kif bħala aġenzija, jitkellmu u jaraw il-ħtiġjiet tar-residenti, u flimkien mar-residenti stess joħolqu 'personal support plan', b'dawk l-affarijiet li jixtiequ jottjenu fil-futur tagħhom, bħal xi impjieg jew familja. Fil-fatt tisħaq dwar l-importanza li r-residenti jingħataw l-għażliet u jiddeċiedu huma dwar dak li jridu. "Sfortunatament, ħafna drabi fil-passat, il-persuni b'diżabbiltà ma tantx kien ikollhom għażla. Qisek qed toffrilhom xi ħaġa, u kważi kważi qed nagħmillek pjaċir. Illum, allaħares għadna hekk. Lir- residenti noffrulhom għażliet dwar dak li jridu jagħmlu biex ikunu huma li jiddeċiedu l-affarijiet f 'ħajjithom. Huwa interessanti l-fatt li r-residenti kienu involuti fid-disinn tad-dar u t-tqassim tagħha, kif inhu xieraq għaliex se jkunu huma li jgħixu fiha. Minbarra dan, kienu huma li ħarġu bl-isem għad-dar, 'Orchidea'. Ir-residenti ma ġewx impoġġija flimkien kif ġie ġie, iżda kien hemm ħsieb biex jaraw li r-residenti jkunu kompatibbli flimkien ġaladarba se jkunu qegħdin jgħixu flimkien. Iktar minn dawn it-tip ta' residenzi huma ppjanati li jinfetħu fis-sentejn li ġejjin, u bħalissa hemm tmienja, wara li fl-aħħar xhur, infetħu tnejn: dik tas-Siġġiewi, u Dar il-Fjuri f 'Għawdex li nfetħet fi Frar li għadda. Bħalissa jinsabu għaddejjin ix-xogħlijiet fuq dar oħra f 'Ħaż-Żabbar u oħra f 'Pembroke, bil-għan li dawn id-djar ilaħħqu l-għaxra fis- snin li ġejjin. Il-pass 'il quddiem għal ħajja iktar integrata Il-manager tas-servizzi residenzjali Elaine Grech Ir-residenti jgħixu ħajja indipendenti "Sfortunatament, ħafna drabi fil-passat, il-persuni b'diżabbiltà ma tantx kien ikollhom għażla. Jiġu offruti xi ħaġa, u kważi kważi qed isirilhom pjaċir" Id-dar fil-komunità fis-Siġġiewi Ritratti: Raphael Farrugia

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 May 2016