Illum previous editions

ILLUM 29 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/685215

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

R obert Waxler jibda l-ktieb tiegħu 'The Risk of Reading' (2014) b'kumment dwar l-importanza tal-qari fil- ħajja tal-bniedem, jekk xejn għaliex hemm rabta intima bejn il-qari u l-ħajja. Waxler jikkummenta dwar il-qari bħala l-mezz kif mhux biss nagħmlu sens mid-dinja ta' madwarna imma bħala mezz ta' skoperta ta' min aħna. Il-qalba minn dak li Waxler isejjaħlu moħħ qarrej għal moħħ diġitali, hija ta' detriment kbir għall- fakultajiet umani proprju għaliex timmuta din il- kapaċità ta' skoperta, ta' esplorazzjoni ta' min aħna. Appuntu dan huwa r-riskju tal-qari: ir-riskju li tidħol fl-avventura li biha tiskopri min int u x'inhi d-dinja ta' madwarek. Id-dinja diġitali, iżda tirrendi lil dak li jkun f 'xi ħadd li jikkonsma, f 'xi ħadd li jiġi sedott minn bumbardament sħiħ ta' xbihat, ħafna drabi nieqsa minn konnessjoni bejniethom, u minflok jaħseb jibla' għal ġo fih messaġġi li jiġu kkunsmati mingħajr ma jiġu mixtarra. Wisq probabbli ilna li dħalna fl-era tal-berqa, tax-xrara, fejn kollox huwa ppressat f 'ċokon estrem: messaġġi ta' malajr, messaġġi qosra, fattwali bla ma jkunu kritiċi, li l-għan tagħhom huwa li jiġu kkunsmati malajr kemm jista' jkun, l-istess bħall-ikliet tal-McDonalds. Bla dubju, dan kollu għandu effett fuq il-ħiliet lingwistiċi tagħna. Hawn ħafna għalliema, inklużi letturi li jgħallmu fil-qasam terzjarju, li qegħdin jilmentaw mill- faqar tal-abilitajiet lingwistiċi ta' numru ta' studenti, ironikament ħafna minn dawk li qegħdin jistudjaw il-lingwi u l-letteratura. Dawn l-għalliema qegħdin jaraw mhux biss kemm il-livell ta' espressjoni naqas fost l-istudenti, iżda li qegħdin jikbru d-diffikultajiet biex dak li jkun jesprimi mqar messaġġi sempliċi. Minbarra l-atroċitajiet ortografiċi u grammatikali, għandna numru ta' studenti li qegħdin isibuha diffiċli jittraduċu l-ħsibijiet tagħhom f 'sentenzi. L-ironija hi li dawn l-istudenti jibqgħu tilgħin minn sena akkademika għal oħra, jagħmlu l-eżamijiet, jgħaddu minnhom (jekk mhux ukoll imorru tajjeb), u jaslu saħansitra sal-università. Kif u x'fatta ftit huma dawk li jafu jew jistgħu jifhmu. Issa anki jekk studenti bħal dawn qegħdin jiksbu ċ-ċertifikati u d-diplomi, is-sinjali tad-defiċjenza, illum jew għada, jibdew ħerġin fil-beraħ. Aqraw il- gazzetti, isimgħu l-aħbarijiet u l-programmi fuq ir-radju u araw il-programmi televiżivi u malajr tieħdu idea ta' dan. U b'dan m'iniex nalludi għall-kummenti tan-nies fil-kolonni ta' "għid li trid għax hawn jgħodd kollox", imma fil-kolonni, fl-irkejjen, fil-programmi sħaħ tal- 'professjonisti'. *** Proprju matul il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet, ġew irrappurtati, fi ġranet differenti, żewġ affarijiet importanti fuq l-edukazzjoni lokali, li jirrigwardaw b'mod partikolari l-ħila lingwistika. L-ewwel rapport kien li esperti mill-Università ta' Cambridge ħarġu bi proposta li jkun aktar għaqli li l-istudenti Maltin jitgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija aktar milli bħala lingwa lokali. It-tieni rapport, li wkoll deher fit-Times, iħabbar li wara test li sar f 'kampjun minn studenti ta' bejn id-disa' u l-erbatax-il sena, fi skejjel differenti, jirriżulta li t-tfal fl-iskejjel primarji tal-Istat għandhom ħila ta' kitba bl- Ingliż akbar minn dik ta' tfal fl-iskejjel privati u tal-Knisja. Ir-rapport jikkwota lil Ian Mifsud, mid-Direttorat għall- Kwalità u l-Livelli fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, jgħid li dawn ir-riżultati kienu sorprendenti. Ma nafx jekk is-sorpriża kinitx għax l-istudenti tal-iskejjel tal- Knisja ħarġux bħala l-agħar jew għax l-istudenti fl-iskejjel tal-Istat ħarġux l-aħjar. Jidher li bqajna bit-tendenza li nqabblu u nipparagunaw l-iskejjel tal-Istat ma' dawk tal-Knisja. Għallinqas sa qabel dan ir-riżultat "sorprendenti" donnu li l-iskejjel tal-Knisja kienu l-kejl lokali biex niġġudikaw skola hijiex tajba jew le. Wieħed irid jara wkoll kif u għala l-iskejjel tal-Knisja żviluppaw f 'dan il-kejl: jekk il-kejl kienx jirrifletti l-aspett edukattiv ta' dawn l-iskejjel jew kienx hemm fatturi soċjali oħra, bħall-klassi soċjali, l-old boys networks, impressjonijiet u preġudizzji, li wildu mit ieħor fost ħafna oħrajn. Naturalment, fuq dan hemm l-esperti, is-soċjologi tal- edukazzjoni, li jistgħu jixħtu aktar dawl fuq l-istorja soċjali tal-edukazzjoni u l-iskola f 'Malta. Forsi l-fatt li t-tfal fl-iskejjel tal-Knisja marru l-agħar f 'dan l-istudju m'għandniex neħduh daqshekk b'sorpriża wara kollox. Diversi minn dawn l-iskejjel għadhom iħaddmu sistemi ta' tagħlim antiki li niddubita kemm huma produttivi. Għadek issib klassijiet fil-livell primarju jitgħallmu listi fuq listi bl- amment; testijiet li jeżaminaw il-memorja minflok il- kontenut; infurzar ta' kapitli sħaħ ta' informazzjoni minflok edukazzjoni fejn anki r-reliġjon infisha tiddeffes fi mħuħ żgħar mingħajr ebda relevanza f 'ħajjithom, mingħajr ebda konsiderazzjoni jekk dawn l-imħuħ humiex jifhmu jew humiex biss jaħżnu informazzjoni li jridu jitgħallmuha bl-amment. B'sistemi bħal dawn qajla għandna nissorprendu ruħna li tfal mill-iskejjel tal-Knisja jbatu biex jikkomponu kitba kreattiva. *** Ir-rapport li ħarġet l-Università ta' Malta wara l-eżamijiet tal-MATSEC tas- sena l-oħra ma kienx pożittiv lanqas. Fih kien hemm kumment dwar il-livell baxx tal-Ingliż li jirrifletti n-nuqqas serju ta' qari. L-impressjoni ta' ħafna, inkluża tiegħi, hija li l-faqar mhuwiex biss fl- Ingliż imma fil-lingwi kollha, l-aktar fil-lingwa nattiva. Xi darba seta' kellna skuża li ma jeżistux kotba tajbin bil-Malti, li l-produzzjoni tal-kotba mhijiex ta' livell. Illum dan m'għadux jagħmel sens. Imma sadattant il- qari naqas, il-livell fil-kitba qed jitkaxkar mal-art. Wara r-rapport dwar il-proposta mill-esperti ta' Cambridge biex ngħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija, uħud, biċ- ċajt u b'ironija, issuġġerew li ngħallmu l-Malti wkoll għandna ngħallmuh hekk. Mhijiex ċajta tad-daħq wisq u fiha ironija li tniggeż ħafna. Nafu bl-isforzi li qegħdin isiru minn entitajiet differenti biex it-tfal jaqraw aktar, imma jidher li dawn il-programmi ftit qegħdin ikollhom effett. Il-mira għandha tkun mhux daqstant li nħajru lit-tfal jaqraw, imma li noħolqu kultura ta' qari fiċ-ċittadini kollha. Forsi l-programmi ta' edukazzjoni għall-qari m'għandhomx ikunu mmirati lejn it-tfal biss: il-problema tinsab aktar fil-kbar. illum | Il-Ħadd 29 ta' Mejju 2016 Opinjoni 18 Għallimni u ngħix IMMANUEL MIFSUD "Forsi l-programmi ta' edukazzjoni għall-qari m'għandhomx ikunu mmirati lejn it-tfal biss: il-problema tinsab aktar fil-kbar"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 May 2016