Illum previous editions

ILLUM 5 June 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/688383

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

F 'li ġej beħsiebni nikkumenta fuq xi kummenti li kelli rigward l-aħħar artiklu fuq il-gazzetta ILLUM (Is- Siegħa tad-Dlamijiet). Ser niffoka fuq tliet reazzjoni partikolari. L-ewwel reazzjoni li ser nikkumenta dwarha kienet dik ta' min qalli li, meta nixtieq li politiku ma jagħmilx affarijiet bħal jinvesti barra minn pajjiżu jew jibgħat l-uliedu fi skola privata, qed niddealizza lill-politika; li l-politika hi professjoni bħall-oħrajn, li din għandha tkun imħallsa tajjeb u li politiku ma jagħmilx ħażin jekk jinvesti flusu fejn ser iħallu l-aktar qliegħ. Li bħalma jien jew int ser ninvestu fejn ser iħalli flus l-aktar, hekk ukoll ser jagħmel il-politiku. Dan hu argument li ma jikkonvinċinix. Il- politiku hu bniedem u hu importanti li l-qasam pubbliku jiġi mifrud minn dak privat. Madankollu, ma naħsibx li għandna nqisu lil dawn bħala totalment mhux marbuta ma' xulxin. Bħalma jkun skandaluż li Frans li hu għalliem jagħmel sena ma jaqrax ktieb, waqt li hu anqas gravi (gravi xorta, imma anqas) jekk Mario li hu kok jagħmel sena ma jaqrax, u dan minħabba l-professjoni tagħhom, l-istess il-professjoni ta' politiku ta' Korradu u Wistin għandha taffettwa ċerti għażliet li dawn jagħmlu f 'ħajjithom. Politiċi foqra? Ma nippretendix li politiku jkun Franġisk t'Assisi. Ma nippretendix lanqas li jkun imħallas paga minima. Lanqas ma rrid iżda, li mottiv ewlieni li xi ħadd jidħol għall-politika jkun għax din tħallas tajjeb. Individwu bħal dan hu perikoluż, għax jekk il-flus huma mottiv ewleni, jekk dan it-tali ser isib minn joffrilu aktar milli joffrilu l-istat aktarx li l-lealtà tiegħu mhux ser tibqa' lejn dan tal-aħħar. (Rigward dan l-argument, vera ma jagħmilx sens min jgħid li l-korruzzjoni tonqos jekk il-paga tal-politiċi tiżdied sew. Il-flus kapaċi jġibu addiction; aktar ma jkollok aktar tkun trid. Wara kollox, anke jekk naraw l-istorja tal-akbar skandli ta' korruzzjoni li seħħew anke internazzjonalment, normalment jinvolu miljunarji u ,mhux nies li m'għandhomx għaxja ta' lejla.) U la qed nitkellmu fuq ħlas, argument banali li spiss jinġieb biex jiġu ġustifikati l-flus li jaqilgħu t-tali jew it-tali l-ieħor, hi li dan il-qliegħ hu ġustifikat għax dan jew dak it-tali 'kapaċi'. Ma nistax nifhem għalxiex hawn tużżana nies li jqisu jew jiġu meqjusa bħala indispensabbli meta qed jiggradwaw mijiet jekk mhux eluf ta' nies kull sena. (Forsi mela, għax is-sistema edukattiva karawetta?) U x'jiġri jekk it-tali indispensabbli jmut zopptu? Inżarmaw il-pajjiż? Għalhekk, waqt li naċċetta li politiku jrid ikun imħallas tajjeb ta' xogħlu, ma rridx persuni li l-qliegħ tal-flus ikun l-mottiv aħħari tiegħu jew tagħha. Żgħażagħ anzjani? Kien hemm min qalli li kont iebes ftit iżżejjed mal- ġenerazzjoni żagħżugħa, kif ukoll li kont ftit pessimist meta donni ma rajt ebda xaqq ta' dawl. Ma rrid bl- ebda mod niddemonizza liż- żgħażagħ. Iż-żgħażagħ tal-lum twieldu u ffurmaw ruħhom f 'dinja li ma ħolquhiex huma. Għalhekk jekk bosta minnhom (kif għidt jeżistu eċċezzjonjiet ta' min ifaħħarhom) għandhom il-karateristiċi li semmejt fl- artiklu li għadda, dan mhux tort tagħhom. Hu tort ta' min għamel iċ-ċirkustanzi li lil dawn iż-żgħażagħ għamluhom dak li huma. Madankollu, dan ma jfissirx li l-affarijiet li semmejt (nuqqas t'ideoloġija, individwaliżmu, fissazzjoni fuq is-suċċess f 'termini ta' flus, ambizzjonjiet sfrenati u l-ħrejjef marbuta ma' dawn kollha) ma jeżistux. Anke jekk nirriflettu fuq il-kwistjoinijeit li għaddejja bħalissa dwar il-kontijiet tal-Panama, mhux forsi ħaġa ta' min jirrifletti fuqha l-fatt li l-protagonisti kollha għadhom relattivament żgħar? (Ħadd m'għandu aktar minn 45 sena). Dwar min qal li kont pessimist iżżejjed fuq il- prospetti ta' bidla, forsi tajjeb niċċara ftit dan. Ma naħsibx li hemm dawl fil-qrib f 'dak li għandu x'jaqsam ma' bidla rigward l-affarijiet negattivi li semmejt fl-ewwel artiklu. Lanqas nemmen li fil- preżent fil-pajjiż jeżistu l-enerġiji, jew kuxjenza u rieda mifruxa li jistgħu jwasslu għal bidla fuq skala wiesgħa. Kif qal wieħed ħassieb, il-bniedem jista' jaġixxi, jaħdem u jġib bidliet, imma jista' jagħmel dan f 'kuntest li jsib ruħu fih u mhux joħloq, liema kuntest jiddetta x'bidliet jistgħu jsiru u ma jsirux. Bħal kull ħaġa oħra, iċ- ċirkustanzi li ninsabu fihom illum f 'Malta allura, jiddettaw dak li min irid bidla progressiva jista' jikseb u dak li ma jistax, u jidhirli li l-prospetti bħalissa ma tantx huma sbieħ. Il-Blairiżmu, li f 'pajjiżi bħar-Renju Unit kien fl-aqwa tiegħu madwar għoxrin sena ilu imma issa qed imajna, hawn jinsab fil-qofol tiegħu. (Minkejja l-ħrejjef li nemmnu dwar li aħna parti integrali mill- Ewropa, l-affarijiet hawn dejjem jiġu ftit tard.) Hi fantasija borgiża li r-rieda tajba hi kulma wieħed jeħtieġ biex il-bidliet li wieħed irid iġib iseħħu. Madankollu xorta jibqa' lok għal militanza u ħidma politika; politika li tkun politika tal-fidi. B'politika tal-fidi mhux qed nifhem politika u militanza li jkunu marbuta ma' xi reliġjon jew oħra, imma li tibqa' tittama meta tama ma tidhirx u minkejja li dak li taħdem għalih tista' ma tiksbux b'mod immedjat. Anzi, hi politika li min hu involut fiha jista' ma jara qatt il-frott ta' dak li qed jaħdem għalih. Hi fidi li mhix fidi fiergħa. Wara kollox, il-qagħda politika, ekonomika u kulturali li hi dominanti bħalissa f 'pajjiżna ma waqgħetx mis-sema. Twieldet minn ċirkostanzi partikulari u hi suġġetta għal bidla u t-tmiem bħal kull ħaġa oħra, anke jekk dan it-tmiem mhux ser iseħħ din is-sena jew li ġejja. Michael Grech huwa opinjonista xellugi illum | Il-Ħadd 05 ta' Ġunju 2016 Opinjoni 14 Il-Politika tal-Fidi MICHAEL GRECH "Il-Blair-iżmu, li f 'pajjiżi bħar- Renju Unit kien fl-aqwa tiegħu madwar 20 sena ilu imma issa qed imajna, hawn jinsab fil-qofol tiegħu" 'Waqt li naċċetta li politiku jrid ikun imħallas tajjeb ta' xogħlu, ma rridx persuni li l-qliegħ tal-flus ikun l-mottiv aħħari tiegħu jew tagħha'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 June 2016