Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/688383
illum | Il-Ħadd 05 ta' Ġunju 2016 Opinjoni 16 Wara kollox, hemm fuqiex naqblu lkoll F orsi f 'dan il-pajjiż tajjeb illi niskopru u nieħdu ħsieb dawk l-affarijiet illi dwarhom hemm qbil ġenerali. Ejjew nieħdu ċ-ċerimonja illi saret nhar il-Ġimgħa fi tmiem il-ġimgħa tas-settur pubbliku illi fiha ġie ffirmat ftehim sabiex jonqsu l-proċessi burokratiċi fis-settur pubbliku. Tkellem il-Prim Ministru Muscat illi qal "Kont ixxukjat meta rajt il-post ta' Malta fl-Ease of Doing Business Index u indunajt illi rrid nindirizza l-kwistjoni immedjatament." Dwar l-indiċi kont tkellimt fl-artiklu tiegħi tat-2 t'Awwissu li għadda ("Ma Jinkwetax Min Ma Jridx") meta kont għidt: "Ir-rapport riċenti tal-Bank Dinji, "Doing Business 2015" illi jipprova jistabilixxi fejn huma l-aktar kundizzjonijiet faċli sabiex wieħed jagħmel in-negozju ma tantx kien komplimentuż fir-rigward ta' Malta. Ġejna fl-94 post, l-aħħar fost il-pajjiżi tal-UE. L-ironija, jekk tista' tgħidilha hekk, hi illi fir-rigward tal-ħlas ta' taxxi, pajjiżna neħħa l-burokrazija sew u qegħdin fis-26 post imma biex wieħed jibda negozju, qegħdin fil-136 post, biex tieħu permess tal-bini fil- 109 post, biex tieħu d-dawl fil-114-il post imma l-agħar hu biex wieħed jakkwista kreditu fejn qegħdin fil-171 post minn 189, fl-istess post bħall- Alġerija, is-Suriname, Burundi u Seychelles." Nieħu gost illi Muscat inkwieta b'dan ir-rapport kif kont awgurajt fl-eqqel tas-sajf li għadda. Qal illi hu mhuwiex ser jaċċetta aktar riżultati kontradittorji fejn Malta jkollha tkabbir ekonomiku impressjonanti imma mbagħad nispiċċaw daqshekk fil-baxx f 'din il-klassifika. Muscat qal ukoll illi l-kompetittività ekonomika tiddependi fuq numru kbir ta' fatturi, mhux biss kemm qed jitħallsu l-ħaddiema. Bosta fatturi fosthom l-ispiża tal-enerġija (illi fuqha tkellimna l-ġimgħa l-oħra) u l-istat tal-infrastruttura jista' jaffetwa l-ekonomija nazzjonali. Madankollu, tenna Muscat, aspett kruċjali huwa l-effiċjenza tas-settur pubbliku. Il- ftehim ta' nhar il-Ġimgħa huwa l-frott ta' ħidma bejn s-settur pubbliku u l-Malta Enterprise u ġie ffirmat minn rappreżentanti tad-dipartimenti tal- gvern u entitajiet pubbliċi. Jiġbor fih, skont Muscat, bosta termini konkreti u metodi sabiex titnaqqas il-burokrazija u tikber il-kontabilità. Tkellem ukoll fiċ-ċerimonja l-kap taċ-ċivil, is-sur Mario Cutajar illi qal illi waħda mill-akbar problemi fis-settur pubbliku hija n-nuqqas ta' kommunikazzjoni interna bejn dipartimenti differenti u anke esterna mal-klijenti, jiġifieri aħna ċ-ċittadini. Seta' jkun aktar skjett u jgħid illi tali nuqqas ta' komunikazzjoni teżisti wkoll fi ħdan l-istess dipartiment, speċjalment jekk ikun dipartiment kbir. Is-sur Cutajar qal ukoll illi meta ittieħed ritratt tas-settur pubbliku f 'dawn l-aħħar snin, irrealizzaw illi r-riformi tas-snin disgħin tilfu l-momentum tagħhom. Nixtieq insaqsi min fil-pajjiż ma jaqbilx ma' kliem il-Prim Ministru u tas-sur Cutajar. Żgur illi jeżisti kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa ta' riforma effettiva fis-settur pubbliku. Dwar il-qagħda fis-settur pubbliku ktibt diversi drabi, l-aktar riċenti fit-18 t'Ottubru 2015 ("Il-Qaddejja Permanenti"). Li jiskantani hu illi l-kap taċ-ċivil qal illi llum irrealizza illi r-riformi tas-snin disgħin tilfu r-ritmu tagħhom: għalija dan ilu evidenti u messu ilu jħambaq dan il-messaġġ minn kemm ilu fil-kariga. Iċ-Ċivil huwa organizzazzjoni kbira u kumplessa. Sfortunatament, ikun hemm min, bħal fi kwalunkwe organizzazzjoni kbira oħra, jipprova jibni imperu u jiddefendi t-territorju tiegħu b'ruħu u ġismu. Għalhekk teżisti n-nuqqas ta' koperazzjoni bejn dipartimenti differenti u anke fi ħdan l-istess dipartiment. Madankollu, fis- settur pubbliku hemm ħtieġa assoluta ta' meritokrazija kif jiġri fis-settur privat. Fis-settur privat, il-favoritiżmu illi jista' jkun hemm huwa favur xi familjari f 'azjenda tal-familja. Imma llum bosta azjendi jirrealizzaw illi din hija prattika xejn sostenibbli li xxekkel il-kompetitività. Aħseb u ara kemm huwa sostenibbli illi fis-settur pubbliku jsir favoritiżmu minħabba l-politika. Din hija marda illi dan il-gvern qajla pprova jelimina. Anzi mal-ewwel radda ta' salib bagħat messaġġ ferm ħażin meta biddel prattikament is- segretarji permanenti kollha b'uffiċjali illi diġà kienu ferm għolja fil-ġerarkija taċ-ċivil. Jiġifieri illi ċertament ma kinux imwarrba. Interessanti ferm tara x'ġara wara din il-mossa ta' tliet snin ilu. Bosta minn dawk illi tilfu l-posizzjoni tagħhom spiċċaw ikopru karigi importanti barra mis-settur pubbliku. Il-kap taċ-ċivil ta' dakinhar, Godwin Grima li llum jokkupa kariga importanti l-Kurja kif jagħmel l-ex-kap tal-Uffiċju Nazzjonali tal- Istatistika. Din il-ġimgħa ntqal ukoll illi ex-Segretarju Permanenti ieħor, Chris Ciantar, illi mid-dehra kien spiċċa teleworking mid-dar, illum ingħata kariga importanti ma' Farsons. Mill-banda l-oħra, bosta minn dawk illi nħatru segretarji permanenti tliet snin ilu ma tantx saddu u ma baqgħux fil-pożizzjoni tagħhom. U mid-dehra hemm oħrajn illi ma tantx huma kuntenti bl-indħil li qed ikollhom mill-ministri tagħhom. Il-gvern ħatar ukoll Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija. Dan ir-rwol imtela minn żewġ deputati tal-gvern u dana bi ksur evidenti tal-Kostituzzjoni. Jidher ċar ukoll illi dan kien eżerċizzju fil-vojt illi kompla jżid mal-ispiża pubblika kif dan il-gvern iħobb jagħmel. Kieku dan il-Kummissarju kien suċċess, kieku l-Prim Ministru ma kien ikollu l-ebda xokk u l-anqas kien jieħu l-inizjattiva li ħa. Tant kemm dan il-Kummissarju mhu xejn ħlief mod biex inżidu d-dħul ta' deputat u nagħtuh il-perkaċċi meta l-mod propju kif għandu jsir hu billi nirranġaw l-onorarja tad-deputati illi dan il-famuż Kummissarju mkien ma deher fil-ftehim ta' nhar il-Ġimgħa u l-anqas jidher illi kien involut fit-tfassil tiegħu. Ħa niftehmu: fiċ-ċivil hemm ħafna eċċellenzi u hemm ħafna bnadi fejn il-pubbliku jinqeda b'mod effiċjenti u onest. Dana ma rridux ninsewh. U l-kwalità tas-servizz pubbliku hija ċavetta għas-suċċess tal-pajjiż. Għandi żewġ klijenti Taljani illi xi snin ilu kien ġew Malta minħabba l-European Film Week. Affaxxinathom il-Belt u spiċċaw jixtru dar sabiħa Marsamxett bi prezz li dak iż-żmien ma kienx baxx. Fost il-kunsiderazzjonijiet illi għamlu biex jixtru propjetà Malta kien il-livell eċċellenti tas-servizzi tas- saħħa. Madankollu, it-titjib fil-kwalità tas- servizz pubbliku hija sfida kontinwa. L-ewwel ħaġa illi trid issir hija bidla fil-mentalità tal-ħaddiema pubbliċi. Hawn min jissallab biex jaqdik imma sfortunatament hawn min jiġi jaqa' u jqum. U l-isfida prinċipali fis- settur pubbliku hija illi min jaħdem u jistinka jibqa' javvanza u mhux javvanza min għandu l-qaddisin ta' kull ġeneru u natura. Hawnhekk irrid ngħid ukoll illi l-anqas ma rrid nagħti l-impressjoni illi l-meritokrazija hija totalment assenti fis-settur pubbliku. Altru li mhux il-każ. Imma l-politiċi ta' kull naħa għandhom joqogħdu attenti mill-ilmenti ta' dawk illi jallegaw diskriminazzjoni politika illi m'hux dejjem tkun minnha. Bosta drabi l-attentati sabiex wieħed jipprova jindirizza il-każijiet ta' allegata diskriminazzjoni politika jispiċċaw biex tinħoloq aktar diskriminazzjoni bi promozzjonijiet mhux ġustifikati. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jifli sew kif qiegħda tiffunzjona l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku illi huwa fuq kollox organu kostituzzjonali. Problema oħra tan-nies taċ-ċivil hi illi jbatu biex jammettu li ħadu żball. Kulħadd ħsiebu biex jgħatti l-warrani tiegħu. Din il-ġimgħa ħlejt ħafna ħin u bżieq noħodha ma' aġenzija illi bl-ebda mod ma riedet tammetti illi wettqet żball amministrattiv. U għal ġieħna din hija aġenzija ġdida fejn suppost l-affarijiet qed jimxu aħjar minn qabel. Imma ħafna drabi nivvintaw mill-ġdid ir-rota illi tispiċċa aktar iġġamjata minn qabel. Huma l-medjokri illi jbatu biex jammettu żball u min jaħdem bil- qalb m'għandux jibża' jammettih. Ħaġa illi hija meħtieġa ferm hija illi jsir użu sew tat-teknoloġija tal-informatika. Meta llum jeżisti l-Common Data Base, għala għad hawn dipartimenti illi jitolbu ċ-ċertifikati tat-twelid u tal-mewt? Din il-ġimgħa ltqajt ma' żewġ eżempji ċari ta' dan: klijenta riedet iġġib passaport għat-tarbija tagħha. Kien hemm mandat ta' inibizzjoni illi l-missier kien irtira u l-imħallef kien iddekreta r-revoka tal-mandat u n-notifika, inkluż lill-uffiċċju tal- passaporti. Din in-notifika ma saritx u d-dipartiment tal-passaporti talab kopja legali ta' dan id-digriet. Il- proċess (il-"file" tal-qorti) ma kienx disponibbli imma d-dipartiment tal-passaporti ma kienx kuntent bil- verbal illi wieħed jista' jara fuq is-sit tal-ġustizzja. Dewmien u frustrazzjoni għall-klijenta li kienet qed tiġri minn dipartiment għall-ieħor bit-tarbija f 'idha. Każ ieħor jinvolvi t-trasferimenti tal- vetturi lil kumpanija. Barra l-ħtieġa ta' riżoluzzjoni tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija, TransportMalta teħtieġ lista tad-diretturi mingħand ir-reġistratur tal-kumpanija. Jista' xi ħadd jispjegali għala TransportMalta ma rranġatx biex ikollha aċċess għad- database tar-Reġistratur biex tkun tista' tivverifika illi r-riżoluzzjoni ta' kumpanija XYZ saret kif suppost? Dawn huma eżempji żgħar illi jistgħu jiffaċilitaw ferm il-ħajja taċ-ċittadin u dan mingħajr l-ebda spiża. L-użu tat-teknoloġija huwa kruċjali fit-titjib tas-settur pubbliku. Il-ġimgħa l-oħra kont f 'laqgħa ma' xi avukati Taljani u skoprejt illi l-Italja llum bilfors trid tiftaħ kawża bil-computer bl-hekk imsejjaħ "processo telematico". Hawn Malta ħlief għal xi żewġ tribunali dana mhux possibli u jkolli nammetti illi minkejja illi ppruvajt, qatt ma rnexxieli nippreżenta kawża diġitalment. Għax karatteristika oħra ta' Malta hi illi tnieda sit eċċellenti tal-Ministeru tal-Ġustizzja imma ħadd ma indenja jipprova jispjega x'jista' jsir fuqu u wieħed irid jitgħallem waħdu. Fi kwalunkwe każ, għadna ferm lura ħdejn l-Italja. It-titjib tas-servizz pubbliku huwa tassew impriża li għandha tgħaqqadna lkoll flimkien u li minnha żgur igawdi kulħadd. JOE ELLIS "L-isfida prinċipali fis-settur pubbliku hija illi min jaħdem u jistinka jibqa' javvanza u mhux javvanza min għandu l-qaddisin ta' kull ġeneru u natura"