Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/691407
F'DIN l-aħħar ġimgħa, deher xi ftit tibdil fl- aħbarijiet lokali hekk kif il- maġġoranza tan-nies iddejqu sal-ponta ta' mneħirhom jisimgħu fuq il-Panama Papers u l-attenzjoni donnha qed terġa' ddur xi ftit fuq it-trasport. Huwa interessanti kif f 'xi mumenti, il-problema tat-traffiku f 'Malta tkun meqjusa bħala kritika u allarmanti u mbagħad, donnu nieħdu nagħsa għal xi ftit xhur u kollox jibqa' kif kien sakemm nerġgħu nistembħu u nerġgħu nibdew neqirdu u nipproponu. Dan iċ-ċiklu ilu għaddej għal iktar minn għaxar snin bis-sitwazzjoni teħżien minn sena għal sena. L-iktar miżura konsistenti mill-awtoritajiet biex jirribattu din il-problema s'issa, hija li tipprova tkisser lis-sidien tal-karozzi b'taxxi, liċenzji u ċitazzjonijiet bit-tama li forsi l-ħaddiem ta' paga baxxa jikrolla, jaqta' qalbu u ma jsuqx iżjed. Kif nafu, dan qatt ma sar u b'xi mod jew ieħor, anke jekk imbigħu kilwa, dawk li ma jistgħux jgħaddu mingħajr karozza jaraw kif jgħelbu dawn l-ispejjeż. F'konferenza dwar it- traffiku, l-ekonomista Marie Briguglio ħeġġet lill-Gvern biex jimponi taxxa fuq l-użu tal-karozzi. Semmiet li bħalissa, l-uniku ħlas fuq l-użu huwa il-konsum tal-fuel, u m'hemmx inċentiv biex bniedem juża l-karozza inqas. S'hemm, nasal li naqbel ma' Briguglio. F'intervista miegħi minn din il-gazzetta xi ftit tax-xhur ilu, kont spjegajt kif ħafna nies ma jistgħux jgħaddu kompletament mingħajr karozza, però li hu żgur huwa li kważi kulħadd jista' jnaqqas l-użu tal- karozza xi ftit jew wisq. Meta nħallsu għall-użu u mhux liċenzja fissa kif isir bħalissa fuq il-karozzi, ġeneralment noqogħdu ħafna iktar attenti. Jekk naraw il-konsum tad- dawl u l-ilma jew tal-mobile, nindunaw li noqogħdu ħafna iktar attenti biex nillimitaw l-użu milli kieku nħallsu prezz fiss kull sena, taħli kemm taħli. Tagħmel sens li tmur għax-xogħol bir-rota, bil-mixi jew b'tal-linja u tibgħat lil uliedek bit-trasport tal-iskola meta xorta trid tħallas talli l-karozza qiegħda fil-garaxx jew wara l-bieb? U fuq kollox, għaliex għandna nħallsu għal vettura li qiegħda ġo ħwejjiġna? Li jinkwetani fuq li qalet Briguglio hu li ma semmietx jekk din it-taxxa fuq l-użu għandhiex tissostitwixxi s-sistema preżenti ta' liċenzja annwali, jew inkella tiġi miżjuda fuq dak li diġà nħallsu. L-iskop ta' dan it-tip ta' intaxxar għandu jkun wieħed li l-maġġoranza tas-sewwieqa jibqgħu jħallsu l-istess ammont li kienu jħallsu qabel. Dawk li joqogħdu iktar bil- għaqal, jiffrankaw, u dawk il-ftit li jużaw il-karozza eċċessivament u iktar mill- medja, iħallsu iżjed. Fi ftit kliem, għandu jkun ippremjat l-għaqal u mhux ikkastigat dak li m'għandux għażla. Jekk l-intaxxar fuq l-użu jiġi miżjud fuq il-liċenzja annwali li diġà nħallsu, inkunu qegħdin ninsew li għal ħafna, il-karozza hija bżonn tal- ħajja daqs il-ħobż u l-ħalib u mhux lussu żejjed. Inkunu qegħdin inkomplu nkabbru d-distakk bejn is-sinjur u l-ħaddiem li bħalissa tant qiegħed jiġi diskuss, u nkunu qegħdin inżidu l-problemi u faqar soċjali waqt li t-toroq isiru proprjetà ta' min jiflaħ iħallas. Il-bdil fis-sistema tal-intaxxar tal-karozzi naqbel li għandu jsir, però għandu jsir bi skop li tinkoraġġixxi lin-nies biex ma jużawx il- karozza. Dan għandu jsir billi dak li jipprova juża l-karozza inqas, jibda jiffranka u mhux dak li jibqa' juża l-karozza bl-istess mod iħallas iżjed. Għal ħafna nies, il-karozza hija l-unika għażla. Nemmen ukoll li din is-sistema m'għandhiex tapplika għal vetturi kummerċjali, filwaqt li f 'ċertu każijiet ġenwini fejn persuna m'għandiex għażla ħlief li tagħmel ammont ta' mili, għandu jkun hemm xi tip ta' sussidju. Hemm diversi metodi kif jista' jiġi mkejjel u intaxxat l-użu tal-karozzi, però biex nispjegahom, irrid artiklu sħiħ ieħor. Forsi xi darba nikteb fuq hekk. Proposta oħra li ilha tissemma u għamlet sens hija li ħafna postijiet tax-xogħol jinstallaw doxxa fejn wieħed jista' jinħasel f 'każ li dan jiddeċiedi li jmur ix-xogħol bir-rota u li jkun hemm post allokat fejn jinżammu r-roti waqt il-ħin tax-xogħol. Żgur li din il-proposta mhux se ssolvi l-problemi kollha waħedha, però żgur li tagħmel differenza u hija proposta konkreta u fattibbli. Min hi dik il-persuna li se jagħmel sitt xhur fis-sena b'riħa ta' għaraq fuqha għal ġurnata sħiħa. Mingħajr dawn il-faċilitajiet, huwa impossibbli li nippruvaw inħeġġu lin-nies jagħmlu użu mir-rota jew jimxu lejn ix- xogħol. Il-Gvern għandu jagħti inċentiv għal proposta bħal din, u jgħin biex mhux biss jikkumbatti t-traffiku iżda jikkumbatti l-problemi kbar ta' obeżità u saħħa li għandna f 'dan il-pajjiż. Fejn jinbnew postijiet tax-xogħol ġodda, dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu obligatorji. Qegħdin jissemmew ħafna wkoll il-karreġjati għar-roti u l-importanza li jiżdiedu. Fejn hu possibli, naqbel li għandhom isiru l-isforzi kollha biex dawn il-karreġjati jiżdiedu. Għandhom isiru wkoll passaġġi ġo ġonna pubbliċi u fil-kampanja, waqt li jsiru rampi fejn hemm ċertu turġien biex iċ-ċiklisti jkunu jistgħu jqassru triqithom lejn ix-xogħol. Però donnu kultant jinqalgħu kontroversji li tajjeb li jkunu ċċarati. Tajjeb li ngħarfu d-differenza bejn dak iċ-ċiklist li juża r-rota biex imur mix-xogħol sad-dar u dak iċ-ċiklist li juża r-rota bħala sport professjonali. Ir-rota li tintuża bħala mezz tat-trasport ġeneralment tkun pjuttost robusta, b'roti kemxejn wesgħin u ġieli anke jkollha sistema ta' molol biex jikkumbattu l-iskossi. Għal roti bħal dawn, ħafna mill-karreġjati tar-roti huma addattati u karreġjati simili għandhom jiżdiedu waqt li ċertu difetti li jeżistu fil-karregjati preżenti jiġu indirizzati. Dawn it-tip ta' ċiklisti qegħdin jagħtu kontribut kbir fil-ġlieda kontra t-traffiku u t-tniġġis. Fejn jidħlu roti tal-ġiri, ħafna drabi dawn it-tip ta' roti jkunu ħafna iktar delikati u ma jifilħux għal ċertu daqqiet u bankini. Nemmen li dawk li jipprattikaw dan l-isport għandu jkollhom post addattat fejn jipprattikaw u nifhem il-frustrazzjoni tagħhom meta ssirilħom il- ħsara fir roti jew iweġġgħu. Mill-banda l-oħra, din il-frustrazzjoni m'għandiex tiġi trasferita fuq is-sewwieqa tal-karozzi. Jekk il-karreġjata tar-roti mhix addattata għaċ- ċiklisti professjonali, mela dik it-triq m'għandiex tintuża għal dan l-isport u mhux jimblukkaw il-karreġjata li jgħaddu minnha l-karozzi biex jagħmlu punt. Dawn it-tip ta' ċiklisti, għall-oppost taċ-ċiklisti li semmejt qabel, qegħdin ikunu kaġun tat- traffiku. Naf li għandhom dritt jagħmlu dan u mhux qegħdin jiksru l-ebda liġi, però f 'gieħ is-sewwa, jagħmel sens li timblokka triq, tipperikola ħajtek u tikkawża konġestjoni fl-agħar ħinijiet biex tipprattika l-isport tiegħek? Mur ġib kieku grupp ta' żgħażagħ jgħaqdu logħba futbol f 'nofs triq arterjali biex jagħmlu punt li m'għandomx grawnd tal-futbol fil-lokalità tagħhom. Mur ġib kieku d-dilettanti tal-karozzi jgħalqu ċertu toroq kull filgħodu fil-ħin tat-traffiku biex jużaw it-triq bħala ċirkwit għax m'għandhomx trakka fejn jiprattikaw. Bħala proposta, id-deputata Marthese Portelli semmiet ukoll l-idea li t-trasport tal- iskola isir b'xejn għall-iskejjel kollha u mhux għal tal-istat biss. Din il-proposta hemm ħafna xi tgħid fuqha u b'hekk niddiskutuha fl-artiklu ta' Ingranat li jmiss ġimagħtejn oħra. Il-Ħadd 12 ta' Ġunju 2016 | illum Ingranat Vetturi 23 Tintaxxa l-użu u mhux il-proprjetà Andrew Pisani Ċiklisti li jimblukkaw it-traffiku Traffiku eċċessiv ta' kuljum