Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/712506
D an l-aħħar, il- Prim Ministru Muscat ikkritika sew l-operat tal-banek kummerċjali u speċjalment iż-żewġ banek il-kbar. Muscat ġie kkwotat li qal li huwa ddiżappuntat bil-livell ta' impenn tal-banek biex jassistu kumpaniji li jkunu għadhom fil-bidu ta' ħajjithom, l-hekk imsejħin 'start-ups'. Qal li l-banek m'għandhomx ikunu kaxxi tad-depożitu glorifikati imma għandhom jipparteċipaw fl- ekonomija. Il-poplu, kompla l-Prim Ministru, mhux se jiġġudika l-banek fuq kemm jagħmlu qligħ imma fuq kemm kapaċi jistimulaw l-ekonomija. Il-ministru tal-finanzi ukoll qal tiegħu ftit jiem wara. Filwaqt li l-Professur Scicluna faħħar il-prattiċi konservattivi ta' self tal-banek Maltin li salvaw lil Malta mill-kriżi finanzjarja tal-2008 ġustament qal li, "l-pendlu issa mar wisq fuq in-naħa l-oħra. Il-banek issa jibżgħu jselfu lill-kumpanija tal-iGaming għax hemm ċans ta' wieħed f 'mija li tfelli. Il-gvern mhux se jisforza lill-banek li jagħmlu xi ħaġa imma qed jitkellem f 'isem il-komunità industrijali affetwata. Meta ċċaħħad l-ekonomija mis-self tkun qisek tifga persuna." Scicluna kkritika wkoll il-banek minħabba li qed jagħmluha diffiċli wisq sabiex jinfetaħ kont bankarju, speċjalment għal min irid juża lil Malta bħala ċentru finanzjarju. Semma l-każ tal-Iranjani li l-banek qed jirrifjutaw li jiftħulhom kont u saqsa jekk il-banek iridux l-investiment barrani fil-pajjiż jew le. Dan hu ilment li nisma' spiss mill-kollegi tiegħi li jservu fil-qasam finanzjarju. L-HSBC mill-ewwel irrifjuta l-akkużi tal-Gvern u qal li l-bank għadu jgħin fit-tkabbir tal-ekonomija Maltija. Mill- banda l-oħra, kelliem tal-Bank of Valletta irrifjuta li jirreaġixxi għal dawn il-kummenti għax mhix il-prattika tal-bank jikkummenta dwar stqarrijiet politiċi. It-Times irrapportat li osservaturi anonimi fil-qasam bankarju interpretaw il- kummenti tal-Prim Ministru, u sa ċertu punt, tal-Ministru tal-Finanzi bħala indirizzati l-aktar lill-Bank of Valletta li fih il-Gvern għadu jżomm 25% tal-ishma u jaħtar iċ-chairman u direttur. Iċ- chairman tal-Bank of Valletta, is-sur John Cassar White ġie deskritt bħala bankier li jibża jieħu riskju u dan xprunah sabiex jikteb fl-istess ġurnal. Il-fatt li chairman maħtur mill-Gvern jirrispondi għall-kritika li qed issirlu mill-istess Gvern billi jikteb fuq ġurnal huwa fih innifsu att straordinarju. Xi ħadd li jaħdem fl-istess bank qalli li mid-dehra, Kastilja u Hastings m'għadhomx jitkellmu u frankament, ma kont sorpiż xejn. Jidher li f 'dawn l-aħħar snin kien hemm pressjoni politika b'diversi modi fuq il-management tal-BOV sabiex jagħtu self li altrimenti ma kienx se jingħata. Pajjiżna żgħir u n-nies ipaċpċu, anke meta suppost is-sigriet bankarju jpoġġi saram ma' ħalqhom. Id-deputata Nazzjonalista Kristy Debono għamlet allegazzjonijiet f 'dan is-sens fil-Parlament, allegazzjonijiet li għalkemm ġew miċħuda mill-bank, la ndifnu u l-anqas intesew. Possibbilment, il-Gvern ippretenda aktar 'flessibbiltà' fil-prattiċi bankarji tal- BOV milli l-bank kien lest li jipprattika. Ma rridux ninsew li issa l-BOV jinsab taħt l-iskrutinju regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-kriterji regolatorji saru aktar severi wara l-aħħar kriżi finanzjarja tal-2008. Fil- kontribut tiegħu fit-Times tat- 28 ta' Lulju 2016, is-Sur Cassar White ddefenda l-operat tiegħu u tal-bank li jmexxi. Naħseb li l-aktar passaġġ kritiku f 'dan il-kontribut kienet meta qal li waħda mill- akbar sfidi tan-negozji lokali hija n-nuqqas ta' kapital għax huma fost l-aktar li jiddependu fuq finanzjament mill-banek fl-UE. Cassar White qal li l-imprendituri lokali jinvestu ftit wisq mill-flus tagħhom fin-negozju tagħhom u kieku jinvestu aktar kapital fl-impriżi tagħhom, isibu l-banek aktar lesti biex isellfuhom. Dan huwa minnu imma li forsi qed jaħrab lis-Sur Cassar White huwa li għalkemm l-imprendituri lokali spiss huma neqsin mil-likwidità u jkollhom għalhekk jirrikorru għas-self bankarju, tali self bankarju invarjabbilment hemm jagħmel tajjeb għalih kapital li n-negozju jkun akkumula matul is-snin. Hawn xi ħadd li qatt sema' li xi bank sellef mingħajr ma ngħata ipoteka fuq propjetà u garanziji kontra garanzji sabiex tagħmel tajjeb għal dak is-self ? Is-segretarju ġenerali tal- Għaqda tal-Bankiera Maltin, James Bonello ukoll ħareġ jiddefendi l-banek Maltin. Is- Sur Bonello qal li fid-depożiti fil-banek domestiċi ewlenin żdiedu minn €15.4 bn għal €16.5 bn filwaqt li s-self lis- settur kummerċjali u mhux kummerċjali laħaq €9.4bn fl-2015. Dan ifisser tnaqqis ta' €200m mill-2014 u wieħed ma jridx jinsa li s-sena l-oħra kien hemm self sostanzjali għall- power station tal-Electrogas li żied il-figura tas-self b'bosta mijiet ta' miljuni. Is-Sur Bonello naqas li jispjega għala kif il-Maltin qed iħallsu lura s-self li ngħataw, il-banek ma żidux is-self tagħhom biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis naturali fis-self tagħhom. Is-Sur Bonello kompla jisħaq li l-banek Maltin komplew jikbru, għandhom kapital f 'saħtu, likwidità qawwija u qligħ tajjeb. Dan ħadd ma kkontestah, speċjalment fir- rigward tal-qligħ tagħhom. It-total tal-balance sheets tas- seba' banek domestiċi ewlenin, tela' minn €19.1bn għal €19.8bn fl-2015. Is-sur Bonello kompla jgħid li skont il-Global Competitiveness Report għall-2015-2016, il-World Economic Forum ikklassifika s-sistema bankarja maltija fil-15-il post minn 140 pajjiż għas-solidità tagħha. Lanqas dan ħadd ma kkontestah. Skont is-Sur Bonello, dan kollu huwa l-frott tal-politika prudenti u responsabbli tal- banek lokali matul is-snin. Din il-politika tat il-frott u żgurat li l-banek kważi ma ntmessu xejn mill-kriżi bankarja u finanzjarja tal-2008, "għas- sodisfazzjon tad-depożitanti tagħhom, l-azzjonisti tagħhom u l-ħaddiema tagħhom." Insomma, il-mertu huwa kollu tal-banek u mhux tan- negozjanti li jwettqu sagrifiċċji kbar sabiex jonoraw l-impenji tagħhom. Bonello semma wkoll li skont is-'Survey on Access to Finance (SAFE) in 2015' tal-Bank Ċentrali ta' Malta, 87% tal-applikanti għal self u 75% tal-applikanti għal faċilità ta' 'overdraft', "ħadu kollox" jew "ħadu kważi kollox", bi 8% biss tal-applikazzjonijiet jiġu rifjutati. Dan hu argument tassew disinġenwu: huwa ċar li jekk xi ħadd imur il-bank jitlob self u jieħu indikazzjoni ċara mill-bankier tiegħu li l-applikazzjoni tiegħu ma tantx għandha ċans ta' suċċess, mhux ser joqgħod jaħli l-ħin u l-enerġija japplika għal self. Kif darba qal Keynes, hemm il-gideb, il-gideb misħut u l-istatistika. Fid-difiża tiegħu tas-settur bankarju, is-Sur Bonello kompla jisħaq li 4,400 impjegat bankarju daħlu €160 m f 'salarji s-sena l-oħra mentri l-banek ħalsu €49m f 'dividendi netti lill-azzjonisti residenti waqt li t-taxxa fuq il-qligħ fuq l-attivitajiet ordinarji laħqet €82 m. Bonello temm jgħid li l-kontribut tal-qasam bankarju lill-ekonomija lokali għadu importanti u l-iżvilupp u t-tkabbir tal-ekonomija huwa l-mutur għat-tkabbir tal-banek u l-qligħ tagħhom. Minn daqshekk, skont Bonello, l-awtoritajiet u l-banek għandhom għan komuni. Mur obsor, x'osservazzjoni profonda din li l-banek imorru tajjeb jekk l-ekonomija tmur tajba. Ħaġa li laqtitni kemm fil- kontribut ta' Cassar White kif ukoll l-isqarrija ta' Bonello hija l-enfasi tagħhom fuq id-dmir tal-banek lejn id-depożitanti, l-azzjonisti u l-impjegati tagħhom. Id-dmir tal-banek lejn il-klijenti li jridu jisselfu mingħandhom u l-ekonomija in ġenerali donnha bil-kemm tiffigura fl-objettivi tas- settur bankarju. Lanqas ma ssemmew il-privileġġi kbar li s-settur bankarju jgawdi. Biex wieħed jagħti eżempju, kull depożitant huwa garantit mill- istat sa massimu ta' €100,000 fuq id-depożiti tiegħu, fatt li żgur jinkoraġġixxi n-nies ipoġġu flushom il-bank. Eżempju ieħor hu li filwaqt li l-eta tal-pensjoni in ġenerali qiegħda tiżdied, il-bankiera jgawdu minn skemi sabiex jirtiraw kmieni, ġeneralment jieħdu somma tajba biex jirtiraw u ma jħallsux taxxa fuq id-dħul biex b'hekk, jispiċċaw jaqblilhom ma jkomplux jaħdmu. Din il-miżura għenet sew sabiex issostni l-livell ta' qligħ ta' banek domestiċi. Is- Sur Bonello dawn l-affarijiet ma semmiehomx bħalma ma semmiex li skont ir-rapport tal-Bank Dinji, 'Doing Business 2015' li jipprova jistabbilixxi fejn huma l-aħjar kundizzjonijiet sabiex wieħed jiftaħ in-negozju tiegħu, Malta qiegħda fil-171 post minn 189 biex wieħed jieħu self. Dan hu fl-istess post bħall-Alġerija, is-Suriname, Burundi u Seychelles. Min għandu raġun f 'din il-kontroversja, il-Gvern jew is- settur bankarju? Dwar dan is- suġġett tkellimt diversi drabi. Sena ilu eżatt fit-2 t'Awwissu 2015 kont tkellimt fit-tul dwar il-problema tal-aċċess għas-self fl-artiklu tiegħi 'Ma jinkwetax Min Ma Jridx.' Għaddiet sena u minkejja dak li qalu l-bankiera, il-qagħda qajla tjiebet. Il- ġimgħa d-dieħla nkomplu nħarsu lejn din il-problema kbira fl-ekonomija Maltija u niflu l-aħħar Financial Stability Report li ġie ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta' Malta. Meta wieħed jiflih sew, wieħed jara kemm il-banek Maltin qegħdin jonqsu sew fil-missjoni ċentrali tagħhom li jikkonvertu l-flus li l-għaqal tan-nies jafda f 'idejhom f 'self lill- partijiet produttivi tal- ekonomija. Dawn huma dawk kollha li għandhom bżonn il-flus għall-ispiża kapitali li jridu jagħmlu sabiex jikbru u għal-likwidità li jeħtieġu ħalli joperaw in-negozju tagħhom. Il-prietki ta' Muscat ċertament mhumiex l-aħjar mod kif wieħed jiffoka fuq din il-problema. Huwa settur delikat u ħadd ma jistenna li deċiżjonijiet ta' self isiru wara intervent politiku. Imma għandhom il-mertu li bdejna nirrikonoxxu din il-problema. Il-ġimgħa d-dieħla niflu l-analiżi tal-Bank Ċentrali u naraw x'għodda għandu f 'idejh il-Gvern sabiex jindirizza din il-problema. illum | Il-Ħadd 07 ta' Awwissu 2016 Opinjoni 18 Problema? Xi Problema hi? JOE ELLIS "Wieħed jara kemm il-banek Maltin qegħdin jonqsu sew fil- missjoni ċentrali tagħhom li jikkonvertu l-flus li l-għaqal tan-nies jafda f 'idejhom f 'self lill- partijiet produttivi tal- ekonomija"