Illum previous editions

illum 14 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/714705

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

illum | Il-Ħadd 14 ta' Awwissu 2016 Intervista 12 Mill-ġuf sal-qabar… Il-bilanċ delikat tad-deċiżjoni dwar meta l-ħajja tibda u tista' tintemm F il-bidu tax-xahar, ħareġ artiklu interessanti fuq gazzetta lokali intitolat "No life without brain activity"; M'hemmx ħajja mingħajr attività tal-moħħ. L-artiklu tkellem dwar il-fehma ta' ħafna, inkluż tal-awtur, il-membru Parlamentari Dr. Etienne Grech, li fin-nuqqas ta' attività tal-moħħ, m'hemmx ħajja. Dan is-suġġett jagħti lok għal infinità ta' diskussjonijiet dwar il-bidu u t-tmiem tal-ħajja. Meta tibda l-ħajja ? Meta tispiċċa? Min għandu d-dritt jiddeċiedi dan ? Fil-pajjiż bħalissa ta' spiss qed jiġu diskussi kwistjonijiet etiċi dwar id-dritt tal-ħajja; mill-iffriżar tal-embrijuni għad-diskussjonijiet li nqalgħu dwar l-introduzzjoni tal-morning after pill, u jekk din tgħoddx bħala abbortiva jew le. U jekk dawn il-kwistjonijiet ma kinux biżżejjed, il-poplu ġie ffaċjat ukoll bi kwestjoni etika oħra, dik dwar l-implikazzjonjiet li ġġib magħha l-mewt assistita. Dwar dawn il-kwestjonijiet, L-ILLUM tkellmet ma' Dr. Etienne Grech, l-awtur tal-artiklu, tabib u Membru Parlamentari Laburista, biex naraw x'inhi l-opinjoni tiegħu dwar l-abort u l-ewtanasja minħabba t-twemmin tiegħu li m'hemmx ħajja mingħajr attività tal-moħħ. L-aktar nies reliġjużi jemmnu li l-ħajja tibda mill-mument tal- konċepiment. Uħud jemmnu li tibda waqt il- fertilizazzjoni, Uħud jemmnu li tibda waqt l-implantazzjoni… filwaqt li hemm min jemmen li l-ħajja tibda mal- mument li jkun hemm attività ċelebrali, li ċerti xjenzati jistimaw li jseħħ madwar it-tmien ġimgħa tal- eżistenza tal-fetu. Għad m'hemmx qbil fuq meta eżatt tibda l-ħajja F'dawn l-aħħar snin, kien hawn argument sħiħ u mondjali dwar meta l-ħajja tibda. Hemm min jgħid, jemmen u saħansitra jisħaq li għandu l-provi ta' meta dan verament iseħħ… iżda jidher li għadu diffiċli li jintlaħaq qbil. Etienne Grech qal li "dan l-aħħar Malta kellna l-opportunità niddiskutu dan waqt id-dibattiti li saru fuq il-morning after pill. Infatti Dr. Agius, etiċista u teoloġista qal li hemm il-provi li l-ħajja tibda waqt il-fertilizzazjoni, meta sperma tidħol fil-bajda u minn hemm 'il quddiem ikun hemm ċelluli li jibdew jieħdu l-ħajja." Grech saħaq ukoll li ovjament ħafna oħrajn ma jaqblux ma' dan għax hemm ħafna fehmiet differenti dwar meta tibda l-ħajja. Is-soċjetà Amerikana tal-Ġinekoloġi ikkonkludiet li l-ħajja tibda meta ċ-ċelluli jibqgħu niżlin u jimplantaw ruħhom fil-ġuf. Hemm min jemmen li tibda aktar tard, meta jibda jifforma l-moħħ u l-attività ċelebrali, madwar sitt jew tmien ġimgħat mill-fertilizzazzjoni… Hemm min saħansitra jemmen li l-ħajja tibda meta l-fetu jkun fi stat li anke jekk joħroġ mill-ġuf, jista' jgħix, anke minkejja għajnuna esterna mgħotija lilu; u dan ikun biss possibbli wara 26 ġimgħa. "L-argument huwa wieħed kbir u kontinwu u mingħajr konklużjoni. Hemm ħafna fatturi determinanti li għadhom u se jibqgħu jiġu diskussi fit-tul, li fihom anke jidħol jekk għandux isir, jew meta għandu jsir abort." qal Grech. Dwar dan, Grech jemmen li "l-abort m'għandu jsir fl-ebda stadju, minħabba li għad m'hemmx qbil fuq meta eżatt tibda l-ħajja, u allura sakemm nibqa' ħaj jien, mhu ħa naqbel qatt miegħu." Grech żied jgħid li fi żmien 20 sena oħra pereżempu, bl-istess mod bħalma ġara bid-divorzju li fis-snin 80 lanqas biss kien jiġi kkunsidrat, imbgħad wara ftit tas-snin ilu s-soċjetà aċċettatu, ma jkunx eskluż il-fatt li fi ftit deċenji oħra jista' jkun li l-kultura tal-Maltin tinbidel dwar dan ukoll, u hemm biss imbagħad forsi jibdew diskussjonijiet dwar l-abort. L-abort la nikkunsidrawh u lanqas niddiskutuh "Fatt ċert huwa li llum, l-abort jaqa' f 'żona li ma tiġix diskussa u lanqas biss ikkunsidrata." Fid-dawl tal-opinjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta' ħajja jekk ma jkunx hemm attività tal-moħħ, Grech jibqa' konvint b'mod sod li bħala prinċipju personali, u fin-nuqqas ta' provi konkreti, l-abort m'għandux isir. Dan minkejja l-opinjoni tiegħu stess dwar l-attività ċelebrali, għax Grech jisħaq li sakemm ma jkunx hemm provi ċari tal-mument preċiż meta tibda l-ħajja, ma jistax isir intervent fuqha. Dwar dan l-istess argument, issemmiet il-kwistjoni tal-morning after pill u l-iffriżar tal-embrijuni għaliex l-argument jolqot il-fatt li jista' jkun hemm abort kemm meta tittieħed il-pillola, kif ukoll meta jiġu ffriżati l-embrijuni. "Jiena favur il-morning after pill, għaliex nemmen fl-istudji xjentifiċi li jgħidu li ż–żewġ tipi ta' kontraċettiv tal-jum ta' wara, li f 'dożi iżgħar diġà jintużaw Malta, ma jtellfux l-implantazzjoni. Fil morning after pill, lanqas biss jidħol il-kunċett ta' meta tibda l-ħajja għax din ma taħdimx b'interferenza wara l-fertilizzazjoni, iżda qabel." Infatti, spjega t-tabib Grech, "fin- natura, tlieta minn kull erbgħa każi, wara l-fertilizzazjoni naturali, ma jirnexxilhomx jibdew jifformaw fil-ġuf, infatti, bl-ordni naturali tal-ħajja, jiġu mneħħija mill-ġisem tal-mara." L-ILLUM saqsiet lil Dr. Grech jekk la darba fil-futur qarib, isir qbil xjentifiku dwar iż-żmien preċiż meta tibda l-ħajja, pereżempju waqt il-ġimgħa li fiha tibda l-attività tal- moħħ, dan ikunx ta' għajnuna biex f 'pajjiż bħal Malta jkun hemm ċans li jiġi diskuss l-abort. Għal dan, huwa rrisponda li "Aħna ma rridux l-abort, għaliex ma rridux qtil ta' ħajja. Jekk xi darba jiġi deċiż eżattament meta tibda l-ħajja, li ma naħsibx li qatt jista' jsir, imma jekk punt preċiż qabel tibda l-ħajja jiġi stabbilit, mela intervent qabel dak il-punt, lanqas biss ikun ikkunsidrat bħala abort, imma dan jista' jiġri biss jekk ma jkunx hemm l-iċken dubju." Bħala prova kontra t-teorija li l-ħajja tibda mal-konċepiment, Grech, għamel aċċenn interessanti dwar kif jitwieldu t-tewmin identiċi, fejn spejga li dawn jiffurmaw wara l-fertilizazzjoni, wara li ċ-ċellula fertilizzata tibda tagħmel triqtha lejn il-ġuf. Hemm qbil xjentifiku li t-tewmin identiċi jifformaw billi l-grupp taċ- ċelluli fertilizzati jinqasmu f 'żewġ settijiet distinti, jew anke aktar, u jimplantaw separatament fil-ġuf, bir-riżultat li jifformaw tewmin. Issa ovvjament tewmin, minkejja x-xebh fiżiku, huma żewġ individwi separati u distinti. Allura fil-każ tat-twemmin li l-ħajja tibda qabel il- fertilizzazjoni… kif jista' jkun li wara li bdiet il-ħajja, imbagħad tinqasam f 'żewġ ħajjiet separati u individwali ? Meta tieqaf l-attività fil-moħħ, jista' jingħad li l-persuna mejta, minkejja li xi organi oħrajn, separatament għadhom ħajjin Raġuni b'argument aktar sod dwar it-twemmin ta' Grech li m'hemmx ħajja mingħajr attività tal-moħħ għandu bażi fil-każ ta' meta bniedem ikun 'brain-dead', mejjet minn- moħħu, forsi b'kaġun ta' inċident jew marda, u jiġi ddikjarat li mejjet minn moħħu minn żewġ professuri differenti u indipendenti minn xulxin. Wara dan il-qbil li l-moħħ miet, allura jista' jingħad li l-persuna mejta, u sa anke jista' joħorġilha ċertifikat tal-mewt, minkejja li xi organi oħra, separatament għadhom ħajjin, u jistgħu jiġu mgħotija lil ħaddieħor. "F'dan il-każ, minkejja li organi ħajjin jistgħu jingħataw lil ħaddieħor, bioloġikament il-bniedem ma jkunx ħaj", jisħaq Grech, filwaqt li jispejega kif "Bioloġikament hemm livelli differenti ta' ħajja, li huma livell ċellulari, livell ta' tessut, livell ta' organi u livell ta' organiżmu. Il- bniedem huwa organiżmu magħmul minn kollettiv ta' ċelluli." Skont Grech, meta aħna niddefinixxu l-ħajja, ma narawhiex fuq livell taċ-ċellula jew tat-tessut għax dawn jibqgħu ħajjin anke wara li l-moħħ ikun miet u spiċċa. Bniedem ikun mejjet meta jieqaf jaħdem fuq livell ta' organiżmu, u dan jiġri meta jieqaf il-moħħ. Il-kontroversja tidħol għax anke meta l-moħħ ikun mejjet u l-ġisem lanqas ikun kapaċi jieħu nifs mingħajr l-għajnuna ta' magni, Ruben Anthony Xuereb rxuereb@mediatoday.com.mt L-abort m'għandu jsir -ebda stadju, minħabba li għad m'hemmx qbil fuq meta eżatt tibda l-ħajja, u allura sakemm nibqa' ħaj jien, mhu ħa naqbel qatt miegħu " "

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 August 2016