Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/714705
Il-Ħadd 14 ta' Awwissu 2016 | illum Intervista 13 skont Etienne Grech iċ-ċelluli u t-tessuti jkunu għadhom ħajjin. Allura jidħol id-dibattitu dwar fuq liema livell għandu jiġi kunsidrat ħaj jew mejjet il-bniedem. Bħala tabib, Grech spejga li jekk wara l-mewt, ċellula mill-ġisem tiġi ppreservata u miżmuma ħajja, dan ma jfissirx li l-bniedem li minnu ttieħdet iċ-ċellula għadu b'xi mod ħaj. "Il-moħħ huwa l-uniku organu fil-ġisem tal-bniedem li ma jistax jinbidel, bħala dak l-organu li jmexxi l-funzjoni tal-organi l-oħrajn kollha, u huwa wkoll responsabbli mill- personalità tal-individwu," jsostni Grech, filwaqt li kkummenta li għalqastant, bniedem b'xi partijiet minn ġismu neqsin mhuwiex inqas ħaj, daqs kemm bniedem b'ċelluli ħajjin imma moħħ mejjet mhuwiex inqas mejjet. Dawk li filosofikament jemmnu fir-ruħ, fil-kuntest tagħha, din tinsab fil-bniedem bħala organiżmu, mhux f 'ċelluli separati. Ir-ruħ, li hija aktar riflessa fil-karattru, l-imġieba u l-valuri ta' bniedem, hija aktar abbinata mal-moħħ milli ma kwalunkwe parti oħra tal-ġisem li l-bniedem jista' jbiddel jew jgħix mingħajrha. Mistoqsi dwar il-legalità li persuna tiġi ddikjarata mejta għax il-moħħ tkun waqfitlu l-attività, Grech irrisponda li waqt l-istudju dwar il-liġi tad-donazzjoni tal-organi, kien ġie konkluż li m'hemmx definizzjoni ta' mewt. "Malta għad m'hawx definizzjoni ta' mewt, lanqas wara li daħal l-att dwar id-donazzjoni tal-organi. Bażikament, id- dikjarazzjoni tal-mewt titħalla f 'idejn il-kompetenza medika ta' min ikun qed jieħu ħsieb kull każ individwali u uniku." Il-familjari tal-pazjent għandhom id-dritt legali u etiku jieħdu deċiżjoni dwar il-ħajja u l-mewt f 'isem il-maħbub tagħhom ? S'issa kif inhi l-liġi l-ġdida dwar id-donazzjoni tal-organi, dak li jkun f 'ħajtu wera x-xewqa permezz tar-reġistru tad-donazzjoni tal- organi, li l-organi tiegħu jiġu mogħtija 'l ħaddieħor wara mewtu, dik bażikament tfisser li jekk ikun iddikjarat mejjet minn moħħu, lanqas il-familjari ma jistgħu jwaqqfu lit-tobba milli jitfu l-magni u jieħdu l-organi. "Jekk l-esperti jiddikjaraw li l-moħħ huwa mejjet, allura r-rieda tal-pazjent tiġi rrispettata, irrelevanti mix-xewqa tal-familjari," sostna Grech. Meta beda d-dibattitu dwar il-mewt assistita, l-Alternattiva Demokratiku kienu ssuġġerew li għandha ssir sistema ta' wirt bioloġiku, fejn fil-kapaċitajiet mentali u fiżiċi preżenti, wieħed jista' jħalli bil-miktub, b'mod legali li f 'każ ta' inċident jew mard serju ma jinżammx ħaj permezz ta' ebda magna jew apparat mhux naturali, u jista' wkoll jirrifjuta l-għotja ta' ċertu kuri, mediċini jew trattamenti mediċi. Dwar dan, Grech ikkummenta li s'issa dan għadu mhux legali jew possibli, għax għad m'hemmx struttura legali li tgħin lit-tobba jieħdu deċiżjonijiet dwar jekk ikomplux jagħtu kura jew le. Bħalissa dan isir biss skont id-diskrezzjoni u l-aħjar għarfien mediku u etiku tagħhom. Filfatt meta nqalgħet il-kwistjoni ta' Joe Gauci, raġel li jbati bil-'Motor Neuron Disease', aktar magħrufa bħala 'ALS', li talab mewt assistita għal meta l-kundizzjoni tiegħu tnaqqaslu d-dinjità u l-kwalità ta' ħajtu, kien hemm min diġà beda joqmos, jikkontesta u jipprotesta għal deċiżjoni li tista' tittieħed fil-parlament, qabel biss din ġiet diskussa minn ħadd. Infatti Grech, ikkomferma li l-Prim Ministru stess huwa kontra l-ewtanasja iżda xorta sostna li huwa importanti li tinstema' x-xewqa u r-rieda ta' Gauci. Jista' jkun li għal persuna li għandha marda fi stadju bikri, li iżda tkun taf li 'l quddiem din se tiddiġenera tant li tnaqqaslu l-kwalità tal-ħajja, f 'Malta għad m'għandniex l-istruttura li dak li jkun jista' jagħżel jekk iridx trattament estensiv jew le. Jeżistu ċirkustanzi fejn persuni li jinstabu fi stat debboli jew marid ħafna, ma jkunux f 'pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni għalihom innifshom, dwar jekk pereżempju tingħatalhomx il- kimoterapija jew jekk jiġux assistiti minn xi magna li tgħin bin-nifs. Ewtanasja Le… 'Living Will' Iva Meta bniedem li mhux kapaċi jieħu n-nifs minn jeddu b'mod naturali, jiġi megħjun minn magna fl-ITU, dan jista' jibqa' jgħix għal aktar xhur, bi kwalità ta' ħajja dibattibli. Mistoqsi dwar jekk l-għażla li l-ħajja tiġix imtawla permezz ta' magni jew le għandix tkun waħda personali tal- pazjent, Grech irrisponda li jaqbel li d-deċiżjoni għanda tkun tal-pazjent u jaqbel mhux mal-ewtanasja, li hija assistenza biex wieħed imut, iżda jaqbel li għandu jkollna struttura li nagħmlu dik li jgħidulha, 'Living Will', direttiva avvanzata li wieħed ikun jista' jħalli bil-miktub minn qabel, f 'forma ta' testament, li jobbliga t-tobba jobdu r-rieda tiegħu, sakemm din taqa' taħt il-kriterji tal- liġi. Grech saħaq li s'issa Malta għad m'hawx appoġġ legali biex dan ikun possibbli, allavolja hawn każi ta' pazjenti li jistgħu jirrifjutaw operazzjoni estensiva, jew kimoterapija, jekk b'riżultat ta' dawn, il-ħajja lakemm se testendi ruħha bi ftit xhur ta' agunija biss. Grech informa lil din il-gazzetta, li fid-dawl tat-talba ta' Joe Gauci, li qajmet lok għal numru ta' diskussjonijiet dwar il-possibiltà u l-legalità tal-mewt assistita, il-Prim Ministru għandu jsejjaħ laqgħat bejnu, bejn Gauci u diversi ministri u membri parlamentari oħra biex jinstema' l-każ tiegħu. "Dan ma jfissirx," qal Grech, "li l-gvern huwa b'xi mod favur tal- ewtanasja, iżda għax irid jibda jisma' dawn l-affarjiet." Grech jemmen li minkejja li l-ewtanasja ssir f 'ċerti pajjiżi u tieħu forom differenti li jvarjaw bejn l-għotja ta' mediċinali biex titwaqqaf l-agunija, għal nuqqas ta' għotja ta' trattamenti, l-ewwel pass li għandu jittieħed hawn Malta m'għandux ikun favur mewt assistita, iżda lejn direzzjoni li tindirizza x-xewqa tal- pazjent li ma jgħaddix minn agunija mhux neċessarja jew naturali. U din, hija l-bażi tal-'Living Will', li tagħti istruzzjonijiet ċari minn qabel dwar ix-xewqa tal-individwu li ma jingħatawx kuri li jtawlulhom ħajjithom, għad-detriment tal- kwalità u d-dinjità tal- istess ħajja. Grech temm jgħid li "la l-poplu u lanqas il-gvern ma jrid l-Ewtanasja, iżda diskussjonijiet dwar 'Living Will' jafu jkunu l-ewwel pass għal soluzzjoni etika li tagħti d-dritt tal-għażla biex pazjent jiffranka ħafna tbatija inutli." La l-poplu u lanqas il-gvern ma jrid l-ewtanasja, iżda diskussjonijiet dwar 'Living Will' jafu jkunu l-ewwel pass għal soluzzjoni etika li tagħti d-dritt tal-għażla biex pazjent jiranka ħafna tbatija inutli " " Ritratt: Raphael Farrugia Etienne Grech