Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/725664
Carmel Portelli Tas-Sliema Sur Editur, Kont qed nisma' l-programm 'Ħadt L-Aħbar' fuq l-istazzjon tax-xandir Pubbliku (PBS) fejn iż-żewġ preżentaturi jikkumentaw fuq, u jaqraw xi siltiet mis-seba' ġurnali li joħorġu nhar ta' Ħadd - it-Times, l-Independent, Illum, Kullħadd, it-Torċa, il- MaltaToday u l-Mument. Il-gazzetta Leħen is-Sewwa għal dawn il-preżentaturi jew min hu responsabbli tal- programm qisha ma teżistix! Għaliex? L-editorjali u xi rapporti u fehmiet li jidhru fil-Leħen naħseb li għandhom ukoll ċertu importanza li tajjeb li s-semmiegħa tal-istazzjoni tax-xandir pubbliku għandhom ikunu jafu bihom ukoll. Għalhekk nissuġerixxi lil min hu responsabbli tal- programm biex il-Leħen is-Sewwa tingħata widen ukoll f 'dan il-programm li naħseb li jisimgħuh ħafna nies biex huma wkoll jisimgħu l-leħen is- sewwa fost il-ħafna ilsna oħra li, forsi mhux dejjem jgħidu s-sewwa. illum | Il-Ħadd 11 ta' Settembru 2016 20 Ittri Neħtieġu bilanċ u rispett minflok il-Jerma Charles Farrugia Marsaskala Sur Editur, Jien resident Marsaskala u għandi ħsieb fuq is- sit fejn hemm il-Jerma u kif jista' jinstab bilanċ, u naħseb li ċ-ċittadini tal-lokal ma jgorrux kieku fuqha. Issemma' iktar minn darba li minflok il- Jerma se tinbena lukanda fuq skala iżgħar kif ukoll residenzi, bħal speċi ta' Portomaso żgħir. M'iniex kontra l-iżvilupp, għax iqajjem riġenerazzjoni tal-inħawi u anke jsostni ċertu impjiegi. Għalhekk, il-ħsieb tiegħi huwa li minflok il-Jerma, tinbena l-lukanda proposta, anke jekk forsi jsiru emendi mill-pjani oriġinali u ssir ftit ikbar minn dak li kien propost oriġinarjament, u l-kumplament ma jinbeniex u jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Jista' anke jsir bħal Smart City fuq skala iżgħar u jkun hemm aċċess liberu għall-għawm u l-pubbliku, avolja hemm xtajta iktar fejn wieħed jgħum. Meta kien hemm il- Jerma u anke issa li hija abbandunata, l-ilmenti ma kinux fuq l-ispazju tal-għawm iżda għax hija eyesore u ta' periklu li huwa minnu. Ma naqbilx mal-argument fejn qed jingħad li se jinbnew iż-żewġ ponot. Bir-rispett kollu, fejn ġejja l-Università hija art ħafna minnha mitluqa, speċjalment x'ħin tidħol iż-Żonqor u min jagħmel homework sew, mhux veru hemm bdiewa full time, avolja l-Gvern, kif inhu xieraq, ippropona art alternattiva għalihom ukoll. Huwa fatt magħruf ukoll li ż-Żonqor se jsir park u se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku, kemm il- park u kemm il-baħar. Lura għall-Jerma, wieħed irid jirrispetta l-fatt li l-aħwa Montebello issa ċċaqilqu u meta maż-żmien kien hemm il-karba tal-abbandun ir-residenti dejjem ġew injorati. Issa għax qed jaraw, bis-saħħa tal-Università, li jistgħu jdawru lira, 'irxuxtaw' mill-ġdid dan il-proġett. Mill-idea ġenerali li għandi tar-residenti, veru li huma ħafna li huma kontra li jsir xi proġett massiċċ f 'din in-naħa u l-proposta li semmejtlek, ħafna semmewha wkoll u b'hekk l-investiment ma jintilifx u anke l-kummerċ f 'Wied il-Għajn jerġa' jipprova jingħata l-ħajja u fl-istess ħin ikun hemm rikreazzjoni għar- residenti, li f 'dik in-naħa hija xi ftit nieqsa. Naħseb ikun bilanċ ġust u ta' min jisma' ftit x'qed jgħidu r-residenti wkoll fejn min-naħa tal- Kunsill, ftit li xejn ġejna kkonsultati. Ħafna nies mhux favur li ladarba l-Jerma Hotel m'għadhiex tiffunzjona, art bħal dik, tiġi żviluppata f 'residenzi, imma lukanda fuq skala iżgħar mill- Jerma hija aċċettata. Minbarra hekk, wieħed irid jara ftit ukoll il-kuntratt li meta l-blat pubbliku ngħata biex tinbena l-Jerma Hotel u x'kien l-għan. Naħseb dan l-istħarriġ ikun ftit interessanti. Nota tal-aħħar hija li nittama u huwa ttamat li f 'Wied il-Għajn jinżamm l-istess livell ta' bini f 'dak li huwa għoli fuq in-naħa tax-xtajta kollha, fejn b'differenza minn postijiet oħra max-xatt, il-bini għadu baxx u l-għoli sar fuq ġewwa, u b'hekk ħadd ma għatta jew, il-kelma aħjar li tintuża, ma faga lil ħadd. Kif irrapportat ukoll il-gazzetta ILLUM, il-kunsillier Charlot Cassar kien ippropona li l-Gvern jixtri l-art mingħand il-kuntratturi hu, biex jagħmilha spazju pubbliku. Liema art għandha valur ta' €20 miljun. Kif qed jippretendi Charlot Cassar li sidien li qalu li huma falluti u ħallew dak l-iżdingar u periklu kollu għal snin sħaħ, idaħħlu fil-but mal-€20 miljun mit-taxxi tal-poplu? Għax dak li qed jitlob meta huma s-sidien li huma obbligati lejn il-lokal. U minbarra hekk, wieħed ma jistax jinsa lanqas il-bank li żgur irid jieħu sehmu fuq self li nimmaġina ta lill-aħwa Montebello. Jekk se jqis l-€20 miljun investiment għal-lokal u r-residenti, wieħed jistaqsi fejn kien Charlot Cassar meta kien hawn amministrazzjoni differenti fil-pajjiż? Jiddispjacini li forsi parti mill-argument waqa' fil-politika għax nemmen li f 'dan il-każ, obbjettiv wieħed biss għandu jkun hemm: il-ġid tal-lokal u r-residenti. Ħadt l-aħbar fuq PBS 'Jista' anke jsir bħal Smart City fuq skala iżgħar u jkun hemm aċċess liberu għall-għawm u l-pubbliku' Għaliex il-ġustizzja qed tfalli? Min hu responsabbli? Alexei Zammit, Ħamrun Sur Editur, Kemm-il darba smajna dwar kif ħafna każijiet fil-Qorti jigu diferiti darba wara l-oħra, li jintemmu mingħajr lanqas biss ikunu għadhom bdew, jew lanqas biss jinfetħu minħabba li rapporti tal-Pulizija ma jkunux kompluti. Ir-raġunijiet wara amministrazzjoni ħażina bħal din huma rarament magħrufa. Biex nifmhu aħjar, tajjeb li nġibu eżempji ċari u norbtuhom ma' każijiet speċifiċi. Wara li f 'Novembru 2015 seħħ incident (possibbilment kriminali) u allura sar rapport mal-pulizija, xorta waħda l-akkużi baqhħu ma ħarġux. Wara pressjoni fuq il-pulizija, ir-rapport ġie konkluż u l-akkużi, relatati ma' theddid u l-użu mhux xieraq tal-Att tat-telekomunikazzjoni, ħarġu fuq l-akkużati. F'Marzu 2016, meta staqsejt lill-Pulizija meta se jkun hemm is-seduta, kont mgħarraf li s-seduta kienet saret mingħajr ma jien kont ġejt infurmat, u allura peress li ma kontx preżenti, l-akkużat ġie liberat. Amministrazzjoni ħażina 1: Ma kontx preżenti għas-seduta peress li ma kontx infurmat dwar din seduta u l-akkuzat kien rilaxxat mingħajr smigħ xieraq min-naħa tiegħi. Min kellu jinfurmani u għaliex ma ġejtx infurmat? F'każ separat, l-akkużata ħarġet liberata fuq il-bażi li hija ma kinitx infurmata kif xieraq u skont il-procedura. U dan peress li ma kien hemm l-ebda data stampata fuq l-ittra ta' notifika tal-pulizija. Amministrazzjoni ħażina 2: L-akkużata kienet liberata fuq żbalji amministrattivi? Min ipproċessa u wassal in-notifika? Min għandu jkun responsabbli għal tali azzjonijiet u riżultati? L-awtoritajiet kollha konċernati ġew mgħarrfa dwar dan il-każ u ġew mitluba sabiex jinvestigaw, tqajmu numru ta' mistoqsijiet, u r-responsabbiltà ma ġietx merfugħa u l-mistoqsijiet baqgħu bla tweġiba. B'din l-ittra qed jiġi ttamat li l-amministrazzjoni tieħu nota, seduti li jmiss jinżammu u każijiet relatati jiġu proċessati u investigati skont il-liġi. Missjunarji fix-xifer J Bonett Balzan Balluta Sur Editur, Id-distanzi fl-artijiet li aħna nsejħu tal-Missjoni, bħal Kenja fil-Lvant tal-kontinent Afrikan huma kbar. Per eżempju mill- belt kapitali sad-djoċesi fejn hemm l-Isqof Kapuċċin Fr. Joe Alessandro, hemm sigħat twal ta' vjaġġar fuq toroq tassew ħżiena. Id-djoċesi ta' Garissa imbagħad għandha wkoll l-iżvantaġġ li qiegħda fuq il-fruntiera mas-Somalja, pajjiż mimli disturbi bla gvern fuq it-territorju kollu, u b'waqtiet ta' ġlied intern li faċli jaqbeż il-fruntiera. Il-fatt li dawn l-imsejkna jgħixu fil-periferija hu żvantaġġ ieħor għax l-għajnuna ddum ma tasal. Quddiem sitwazzjoni prekarja bħal din, imn'Alla jkunu l-missjunarji Maltin li jagħtu ftit solliev bil-ħidma li jwettqu fost in-nies fqar tal-post. Hi l-edukazzjoni li hi ċ-ċavetta li lil tant nies tista' terfahom mill-miżerja. Għalhekk, huma ta' min ifaħħarhom l-inizjattivi ta' ġbir ta' fondi li jsiru biex jintbagħtu lill-missjunarji f 'dawn il-pajjiżi. Inizjattivi bħal dik li l-Fondazzjoni U, se tagħmel fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin il-Ġimgħa 9, is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta' Settembru. Bid-daqsxejn li wieħed jikkontribwixxi hemmhekk, jissarraf f 'ħafna billi l-livell tal-għajxjien fil-Kenja hu wieħed baxx. Ftit Euro li wieħed iwarrab biex jibgħathom donazzjoni minn Malta, lilna ftit jagħmlu differenza, waqt li jsaħħu idejn il-missjurnarji Franġiskani biex jgħinu iżjed nies milli kieku l-għajnuna tant meħtieġa ma tintbagħatx.