Illum previous editions

illum 18 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/728391

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

illum | Il-Ħadd 18 ta' Settembru 2016 20 Opinjoni I love Miriam F ix-xogħol tiegħu Naturalis Historia, Gaius Plinius Secundus jirrakkonta din il-ġrajja li tgħallem kif il- bniedem skopra t-tpinġija. F'Korintu kien hemm raġel li kien jaħdem il-fuħħar u dan kellu tifla li kellha namrat. Din it-tifla kienet tħobbu ħafna lin-namrat, tant li meta dan ħtieġlu jitlaq fuq vjaġġ twil, ħassitha mnikkta ħafna. Fl- aħħar lejl qabel ma telaq, ix-xebba ħarset lejn il-maħbub u nnutat li d-dawl tal-lampa li kien hemm ħdejhom beda jixħet id-dell tal- ġuvni fuq il-ħajt. Dlonk qabdet xi ħaġa li biha pinġiet il-kontorn tad-dell ta' suret il-maħbub biex għall-perjodu twil ta' firda tkun tista' tikkonsla tħares lejn it-tpinġija fuq il-ħajt. L-istorja tkompli li Butades, missier din it-tfajla, malli ra t-tpinġija tal-kontorn ġietu l-idea li jimlieha bit-tafal u b'hekk il- bniedem skopra kif jaħdem ir-riliev. Gaius Plinius Secundus ikompli jikteb li, b'ħasra kbira, din il-forma nqerdet meta Lucius Mummius għamel ħerba mill-belt ta' Korintu, meta saħansitra qatel l-irġiel kollha u ħa bi skjavi lin-nisa u t-tfal. Ir-rakkont jissuġġerixxi li hemm din ir-rabta bejn it-tpinġija u l-imħabba; bejn it-taħżiż fuq il-ħajt u l-maħbubin. Hekk ġara ftit tal-ġranet ilu fuq ħaġra mill-Ġgantija. Mid-dehra żewġ maħbubin, f 'mument ta' tqanqil (mhux fiżiku) amoruż, mogħmija b'das-sentiment li ebda psikologu, filosfu, soċjologu ma jista' jifhem u wisq inqas ifiehem anki jekk xi darba jew oħra lkoll kemm aħna – imqar darba f 'ħajjitna – ħassejnieh, fettlilhom iħażżu, jew jigirfu, fuq ġebla ta' tempju. Ħalli ngħiduha kif inhi: min minnha qatt ma ħażżeż xi mkien ismu u isem min iħobb? Min jaf, meta għalaqna dawk it-tnax, tlettax-il sena kemm konna niktbu isem dik il-persuna li konna xħetna għajnejna fuqha, b'xi qalb kbira u vleġġa ikbar tinfidha dijagonalment minn fuq għal isfel! Kemm ktibna isimha fuq il-pitazzi, fuq il-basket tal- iskola, saħansitra fuq l-iskrivanija d-dar jew – anzi żgur – fuq wiċċ l-iskrivanija tal-iskola. Jew fuq xi ħajt, f 'xi kantuniera pereżempju. L-imħabba, dan is-sentiment li lkoll esperjenzajna bla qatt ma fhimna eżattament x'inhu, iġġegħelna nagħmlu ħwejjeġ li ma nifhmuhomx. Dan biex inkunu onesti. Imma dawn il-maħbubin esaġeraw għax il-messaġġ ta' mħabbithom fettlilhom jigirfuh fuq il-ġebel tal- Ġgantija: dak it-tempju li ilu wieqaf eluf ta' snin, dak li Ġorġ Pisani kiteb dwaru u li lkoll kemm aħna kellna nistudjaw li kiteb fis-sekondarja. Hemm din l-awra – ġustifikata – ma' dan it-tempju u mat-tempji preistoriċi li għandna. Dejjem affaxxinani l-fenomenu li ċerti emozzjonijiet iwassluna biex niktbu. Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, meta l-propaganda politika kienet ħafna inqas sofistikata mil-lum, sforz l-imħabba li kellna lejn il-partit kont tara ruxxmata ħitan imħażżin b'"Ivvota lil dak u Ivvota lill-Ieħor" b'żebgħa ħoxna li b'xejn ma kienet tmur. Daqstant ieħor il-mibegħda u ħafna drabi, flok appell biex nivvotaw lil dak jew lill-ieħor, il-kitba kienet tieħu xejra aktar sovverżiva u konna niktbu titli li ma jixirqu xejn lill- paġni ta' din il-gazzetta. Kitbiet li kienu jsiru fis-satra tal-lejl u l-għada filgħodu konna nqumu nħossuna kburin jew inkazzati bil-messaġġi anonimi ma' ħitan ta' binjiet pubbliċi u anki privati. Saħansitra fuq ħwejjiġna niktbu l-messaġġi. Min jaf kemm minna jiddandnu jekk fuq in-naħa tax- xellug tal-flokk ikollhom meħjut jew interzjat xi kukkudrill żgħir jew xi raġel fuq żiemel jilgħab il-polo. Jew kitbiet u simboli oħrajn. L-aqwa li niktbu. Il-kitba li titnaqqax fuq il- ġebel mhi xejn għajr it-tentattiv poetiku (anki ta' dawk li mhumiex poeti) għall-immortalità, għall- preżenza dejjiema li tinnega l-assenza (dejjiema wkoll). U allura, tnejn min-nies mitlufin f 'xulxin, naqqxu mħabbithom fuq il-Ġgantija. Minnu nnifsu kien ġest tassew poetiku: għax il-Ġgantija, kif konna nistudjaw meta konna naqraw il-poeżija ta' Pisani, hija l-inkorporament tal- memorja, tar-rebħa fuq l-akbar għadu tal-bniedem, fuq iż-żmien. U allura, akbar ma hi l-imħabba aktar tirrikjedi solennità. Se nkun redikolu, naf, imma ebda maħbub b'moħħu f 'loku ma jħażżeż imħabbtu fuq landa tal-iskart, għax l-imħabba hija sagra. U allura, sagru b'sagru, jagħmel sens li tonqox imħabbtek mal-Ġgantija. Imma, naturalment, ilkoll kemm aħna skandalizzajna rwieħna bl- isfreġju fuq il-ħaġar, u l-iskandlu rdoppja meta fuq il-gazzetti qrajna li r-raġel ma ħass ebda ħtija ta' għemilu u li, bl-akbar kalma, staqsa x'għamel ħażin. Jien ukoll tkażajt bil-ġest; tkażajt bl-injoranza ta' din il-koppja. Imma xorta tibqa' mistoqsija: li kieku dawn it-tnejn inzertaw iċ-Ċittadella minflok il-Ġgantija, u, mitlufin kif kienu fi mħabbithom naqqxu isimhom fuq is-sur, għala ma kien jinqala' xejn? X'inhi d-differenza bejn is-sur u l-ħaġar kbir? Iż-żmien? L-eluf tas-snin kontra l-mijiet? In- numri huma spjega biżżejjed biex jikkundannaw graffit aktar minn ieħor? Meta konna mmorru biex ningħafsu ftit fuq is-swar tal-Imdina ħafna minna konna niddilettaw – sakemm jidlam u nibqgħu fuq is- swar aħna biss – naqraw il-graffiti. U aktarx li konna nikkompetu min isib l-aktar graffit antik. Ġieli skoprejna brix tas-seklu dsatax. U konna nimmeraviljaw irwieħna bl-antikità tal-graffit u kważi kważi konna nqisuh bħala parti mill-istorja tal-lokal, tas-sur tal-Imdina jew fejn konna nkunu. U forsi llum wara nofsinhar, immorru fejn konna morna darba waħda, fejn konna naqqaxna isimna u isem dik il-persuna li konna nħobbu dak inhar (u llum mhux żgur nafu x'sar minnha) u naraw dak it-tinqix għadux hemm. U jekk nilmħuh, persważ, li nħossu tferfira ta' ferħ. IMMANUEL MIFSUD "Li kieku dawn it-tnejn inzertaw iċ-Ċittadella minflok il-Ġgantija, u, mitlufin kif kienu fi mħabbithom naqqxu isimhom fuq is-sur, għala ma kien jinqala' xejn? X'inhi d-differenza bejn is- sur u l-ħaġar kbir?" Imma dawn il-maħbubin esaġeraw għax il-messaġġ ta' mħabbithom fettlilhom jigirfuh fuq il-ġebel tal- Ġgantija: dak it-tempju li ilu wieqaf eluf ta' snin

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 September 2016