Illum previous editions

ILLUM 25 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/731328

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 25 ta' Settembru 2016 Opinjoni 18 L-istampa wiesgħa D in il-ġimgħa smajna aħbarijiet, ċifri u figuri kuntrastanti dwar il-qagħda ekonomika f 'pajjiżna. Kulħadd jirrikonoxxi illi ġeneralment l-ekonomija għaddejja minn żmien feliċi imma bosta għandhom diversi riservi. Kemm huma fundati dawn ir-riservi ? Ħa nibdew bl-iżviluppi riċenti li kellna. L-ewwel aħbar posittiva kienet l-iffirmar ta' ftehim ma' kumpanija amerikana fil- qasam tal-istampar tal-flus, Crane Currency sabiex twaqqaf impjant f 'Malta. Fil-bidu, ser tħaddem 200 ruħ illi eventwalment jistgħu jiżdiedu sa 300. F'Malta għandna esperjenza twila f 'dan il-qasam peress illi għal bosta snin, kellna fostna stampatur prominenti tal-flus, Thomas de la Rue. Għal bosta snin, din il-fabbrika ħadmet mijiet ta' nies imma s-sena l-oħra ħabret illi ser tkeċċi 300 ruħ mill-550 illi tħaddem. Rapporti aktar reċenti jindikaw illi fil-fatt, din il-kumpanija ser iżżomm biss 120 ruħ jaħdmu magħha. Għaldaqstant, wieħed jittama illi dan l-investiment il-ġdid ser jassorbi bosta mill- ħaddiema illi ser jispiċċaw qiegħda minn Thomas de la Rue. Kwalunkwe aħbar ta' investiment ġdid hi ferm posittiva, speċjalment fil-qasam tal-manifattura. Kif irrimarka l-gvernatur tal-Bank Ċentrali, Mario Vella f 'intervista li ta din il-ġimgħa, id- diversifikazzjoni ekonomika hija assolutament meħtieġa u ma nistgħux niddependu fuq il-qasam tas-servizzi biss. Il-qasam industrijali u tas-servizzi industrijali baqa mportanti għalkemm ma jikkontribwixiex daqs il-qasam finanzjarju għall- Prodott Gross Domestiku. Il-ministru tal-edukazzjoni u mpjieg Evarist Bartolo esprima x-xewqa li l-impjiegi l-ġodda ta' din id-ditta Amerikana jimtlew minn Maltin. Fl-istess intervista, Mario Vella stqarr illi studju riċenti ta' Aaron Grech tal-Bank Ċentrali juri illi t-taxxi diretti illi nġabru minn ħaddiema barranin żdiedu disa' darbiet f 'dawn l-aħħar ħmistax il- sena u llum jammonta għal 10% tat-dħul kollu mit-taxxi diretti. Skond Joe Farrugia, ekonomista ieħor u direttur-ġenerali tal-Għaqda ta' Min Iħaddem f 'artiklu li deher fuq l-istess Business Observer fit-8 ta' Settembru li għadda, in-numru ta' ħaddiema barranin huwa stmat li jaqbeż 30,000. Dan ifisser illi kważi wieħed minn kull sitt ħaddiema f 'Malta huwa barrani u għaldaqstant, il-kontribut tal-ħaddiema barranin fir-rigward ta' taxxi diretti mhuwiex proporzjonali mal-perċentwal tagħhom fis- suq tax-xogħol. Dan kollu jwassalna għal aħbar oħra illi l-gvern uża biex juri s-saħħa tal-andament ekonomiku. In-numru ta' nies li qed ifittxu x-xogħol niżel għal 3,261 f 'Awwissu u b'hekk, naqas b'4,089 minn Marzu 2013. Dan ma jfissierx illi daqshekk biss hawn nies qiegħda fil-pajjiż. Skond l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, in-numru ta' nies qiegħda kien 9,698 (2.7%) mentri n-numru ta' persuni inattivi laħaq 165,761 (45.7%). Jekk wieħed irid jipparaguna l-qagħda tlett snin ilu (Q3/2013), isib illi n-numru tan-nies qiegħda kien 12,827 (4%) mentri n-numru ta' nies inattivi kien 168,428 (47%), Qabel wieħed ma jasal għall-konklużjonijiet mgħaġġla, tajjeb illi wieħed iżomm f 'moħħu illi n-numru ta' mpjegati fis-settur pubbliku kien ta' 46,750 f 'Jannar-Marzu 2013 mentri tlett snin wara f 'Jannar-Marzu 2016 laħaq 52,509, jiġifieri żieda ta' 5,759. B'hekk, il-perċentwal ta' mpjegati fis-settur pubbliku tela minn 27.1% għal 28.1% tan-numru totali ta' mpjegati. Statistika oħra illi ġiet ippubblikata din il- ġimgħa ċertament ma tat sodisfazzjoni lil ħadd. Skont l-Uffiċju Nazzjonali tal- Istatistika, in-numru ta' nies illi huma f 'riskju ta' faqar żdied minn 64,966 ruħ jew 15.7% fl-2013 għal 68,658 jew 16.3%. L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika kkalkula dak illi jsejjaħlu l-Median National Equivalised Income (N.E.I.) fl-ammont ta' € 13,493 u ffissa t-tarġa tal-faqar fl- ammont ta' 60% ta' tali figura, jiġifieri € 8,096. Skond l-istess Uffiċju, 68,658 jew 16.3% tal-populazzjoni għandhom dħul ta' anqas minn € 8,096 fis-sena jew € 675 fix- xahar illi huwa qrib il-paga minima nazzjonali. Skond dan l-istudju, aktar minn 40% jsostnu illi mhux kull min igħix fid-dar magħhom jista' jieħu btala ta' ġimgħa kull sena. Barra minn hekk, 21.1% qalu illi ma jifilħux għal spejjeż mhux mistennija fil-waqt illi 13.9% qalu li ma jifilħux isaħħnu d-dar fix- xitwa. Figuri tassew impressjonanti illi frankament ħasduni għalkemm ilhom jiġu kompilati snin twal. Meta wieħed jitkellem dwar suċċess ekonomiku, irid iqis il-fatturi kollha. U l-istess irid isir fit- tfassil tal-politika ekonomika. Jidher illi f 'pajjiżna ukoll, bħal ħafna pajjiżi oħra fil-punent, id-distakk bejn min hu sinjur u bejn min hu fqir qed dejjem jikber. Fil-fatt, il-proporzjon ta' dħul tal-aktar 20% sinjuri għal l-aktar 20% foqra żdied minn 4 għal 4.2 f 'sena waħda biss. Dan anke ukoll bħala riżultat tal-politika fiskali illi ġiet segwita f 'ħafna pajjiżi nklużi Malta illi titnaqqas it- taxxa fuq min l-aktar għandu dħul. Imma dan id-divarju ekonomiku bejn il-faxxi differenti tal-populazzjoni qiegħed jagħti n-nar lil bosta manifestazzjonijiet ta' protesta bħalma kien il-vot tal-Brexit kif ukoll is-suċċess ta' politiċi populisti bħal Donald Trump u Bernie Sanders, Marine Le Pen u oħrajn. Joe Farrugia fl-artiklu tiegħu ilu elenka x'uħud mill-isfidi tal-ekonomija maltija illi xtaq illi l-gvern jindirizza fil-budget li jmiss. Semma l-possibilità illi l-inċentivi fiskali illi huma kruċjali sabiex nattiraw operaturi fil-qasam finanzjarju u f 'dak tal-imħatri bl-internet jitnaqsu jew jitneħħew, staqsa kemm it-turiżmu ser jibqa' f 'saħtu ġaladarba postijiet oħra fil-Mediterran jerġgħu jsiru stabbli, kif tista' ssir ir- rikonċiljazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u r-restrizzjonijiet ambjentali, il-ħtieġa illi l-fama illi għandha Malta fil-qasam ta' governanza tajba ma tittappanx u l-ħtieġa illi s-settur bankarju jkompli jaqdi n-negozju internazzjonali. Joe Farrugia ukoll semma t-twessiegħ tas- salarji bejn setturi differenti tal-ekonomija u kif gruppi vulnerabbli jistgħu qed jaffaċjaw tnaqqis fil-poter tal-akkwist tagħhom. Huwa semma illi skond rapport tal-Caritas, l-aktar żewġ kategoriji vulnerabbli huma l-pensjonanti u s-single parents. Jiena naħseb illi wieħed ukoll irid iżid magħhom in-nisa separati illi ma jkunux qed jaħdmu, speċjalment dawk illi r-raġel ma jmantniehomx. Farrugia semma ukoll illi bid-domanda akbar minn barranin sabiex jikru, il-kirjiet qed jogħlew u dan qed jaffetwa min ma jistax jixtri dar. Farrugia faħħar il-gvern talli żied il-manodopera permezz ta' bosta inizjattivi u l-kontroll ta' abbużi. Imma kien kritiku fir-rigward taż-żieda tal- ħaddiema fis-settur pubbliku. Semma kif bosta kumpaniji, speċjalment f 'Għawdex, irrapurtaw illi ħaddiema rriżenjaw sabiex jidħlu fis- settur pubbliku u dan hu ta' piż kbir fuq ir-riżorsi umani. Il-kwistjoni tar-riżorsi umani ukoll ittrattaha Mario Vella fl-intervista li ta. Mistoqsi jekk in vista tal-iskarsezza ta' ħaddiema, hux importanti illi l-impjiegi jittieħdu minn Maltin jew mill-barranin, Vella wieġeb illi d-demografija mhix tiffavorina. Jekk irridu nżommu r-rata preżenti ta' tkabbir ekonomiku, irridu nizguraw illi jkollna biżżejjed nies illi jridu jidħlu għax-xogħol li jitfaċċa. Barra minn hekk iridu jkunu adekwatament edukati u ttrenjati u bil-ħiliet meħtieġa. Qal illi l-qagħda hija mwiergħa ħafna u m'hawnx biżżejjed nies. Qal ukoll illi ninvestu bil- kbir fl-edukazzjoni u bħal Farrugia stqarr illi ttieħdu miżuri effettivi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq ta' xogħol, speċjalment min- nisa. Imma ammetta illi ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-ħaddiema barranin. U wera ruħu inkwetat illi ż-żieda qawwija fil-kirjiet tista' tnaffar lill-barranin milli jiġu jaħdmu fostna. Punt interessanti illi semma Vella hu illi ma jħossx illi l-propjetà saret tiswa żżejjed u ma deherx inkwetat illi s-suq tal-propjetà huwa xi bużżieqa illi tista' tinfaqa' f 'xi ħin. Naħseb illi mhux kulħadd jaqbel ma dina l-valutazzjoni. Huwa ċar illi dan il-gvern naqqas l-ispiża kapitali u qed juża l-bini mis-settur privat bħala għodda makro- ekonomiku sabiex jistimula l-ekonomija. Dan qed jagħmlu billi rrilassa l-mod kif joħorġu l-permessi Is-suq tal-propjetà, speċjalment f 'ċerti postijiet bħal il-Belt, tas-Sliema, Gżira, Paceville u dawk l-inħawi f 'xi ħin jew ieħor ser ikollu korrezzjoni illi tista' tweġġa lil ħafna. Meta wieħed iqis kollox, wieħed bil-fors irid jikkonkludi illi l-ekonomija maltija għandha bosta sfidi quddiemha. M'għandniex nilludu ruħna illi għaliex inqlajna mis-sitwazzjoni li konna xi snin ilu meta faqqgħet il-krizi finanzjarja u ekonomika, kollox ward u zahar. Fuq kollox, irridu niżguraw illi l-ġid ekonomiku jitqassam b'ġustizzja. Irridu fuq kollox niżguraw illi r-riżorsi umani skarsi li għandna jiġu użati bl-akbar għaqal. Iż-żieda bla rażan fl-impjiegi fis-settur pubbliku żgur mhix iġġustifikata. U kif dejjem sħaqna minn din il-kolonna, l-awtoritajiet iridu jgħassu kontra prattiċi anti-kompetittivi fis-suq. F'dan ir-rigward, huwa ċar illi mhumiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa. X'ħin tqis kollox, irridu nħarsu lejn il-futur b'kawtela kbira għaliex ottimiżmu esaġerat jista' jiswielna qares. JOE ELLIS "Jidher illi f 'pajjiżna ukoll, bħal ħafna pajjiżi oħra fil-punent, id- distakk bejn min hu sinjur u bejn min hu fqir qed dejjem jikber"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 September 2016