Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/731328
Il-Ħadd 25 ta' Settembru 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Kienet ġimgħa tajba... L -investiment li ħabbar il-Gvern din il-ġimgħa kien bla dubju ta' xejn aħbar mill-aktar pożittiva għal pajjiżna, bħalma dejjem ikun kwalunkwe investiment li jiġi lejn Malta. F'Jum l-Indipendenza l-poplu fetaħ is-siti tal-aħbarijiet onlajn u anke l-aħbarijiet ta' filgħaxija u sema' lill-investituri minn 'Crane Currency', li se tinvesti $100 miljun f 'pajjiżna f 'fabbrika ġdida f 'Ħal Far, se toħloq 300 impjieg u li timmarka l-ikbar investiment fis-settur tal-manifattura f 'dawn l-aħħar snin, ifaħħru lil pajjiżna. Filwaqt li dan l-editorjal u din il-gazzetta tibqa' kritika ferm u se tibqa' kritika ferm għal mod kif il-Gvern irreaġixxa għall-każ 'Panama' u se tibqa' titlob, kif talbet f 'analiżi, ġimagatejn ilu, għar- riżenji, ma nistgħux min- naħa l-oħra ma nfaħħrux il- ħidma li qed iwettaq il-Prim Ministru Joseph Muscat biex jifrex it-tapit aħmar lil min lest li jiġi f 'Malta u joħloq ix-xogħol u l-ġid. Hija din il-politika li fl- aħħar mill-aħħar tagħmel l-ikbar differenza u filwaqt li l-governanza tajba, karatteristika nieqsa mill- Gvern ta' Muscat, hija importanti ħafna, fl-elezzjoni ġenerali li jmiss eluf kbar ta' votanti se jiddeċiedu wkoll fuq ix-xogħol ikkreat, fuq kemm il-Gvern ħadem biex jattira lejn pajjiżna industrija ta' valur li toħloq ix-xogħol, fuq kemm il-Gvern għen biex iddur ir-rota ekonomika u fuq kemm il-votant mar aħjar meta l-istess rota bdiet iddur. Huwa għalhekk importanti li l-istess tapit aħmar li l-Gvern ħareġ għall- investituri ta' 'Crane Currency', fil-baġit li jmiss jibda joħorġu ftit iktar għal dawk in-nies li jinsabu fl-aħħar saffi tas-soċjetà, fl-aktar saffi illi fihom qed ibatu persuni. Fost il-foqra u fost dawk li ġenwinamant se jsibuha diffiċilissima biex igawdu mir-rota ekonomika li qed iddur. Din il-ġimgħa l-Gvern reġa', għat-tieni darba fi ftit ġimgħat, kien deċiżiv dwar kwistjoni ambjentali. Dan jimmarka bidla ta' ħsieb u bidla ta' attitudni fuq suġġett li dwaru dan il-Gvern qala' ħafna kritika. Konvenjenza jew le, l-ultimatum li ta Gvern Laburista lil MIDI, permezz ta' protest ġudizzjarju huwa bidla sinifikattiva, mhux biss mill-attitudni ta' dan il-Gvern, iżda wkoll mill- Gvern Nazzjonalista ta' qablu li minkejja l-ħafna ideat ambjent u konferenzi, meta kien fil-Gvern qatt ma wasal biex jieħu azzjoni simili. Dan qed jibgħat il- messaġġ illi minkejja li kienu ħafna, inkluż din il-gazzetta, li ddubitaw u jibqgħu jiddubitaw serjament il-kredenzjali ambjentali tal-Gvern ta' Muscat, jidher illi tal-anqas wara l-pressjoni meħtieġa dan il-Gvern jiċċaqlaq. Timbotta, tgħajjat, tagħmel it-talbiet leġittimi tal-poplu, tipprotesta u tasal jew tasal xi mkien. Ara mal- Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, il-protesti kbar kontra l-għoli fil-kontijiet kienu mlaqqmin 'karnivalati' u l-eks Prim Ministru mar 'jivvota bil- qalb' biex jurina kemm hu bully u kemm jiġi jaqa' u jqum mit-talbiet tan-nies. X'differenza! Apparti d-deċiżjoni tajba tal-Gvern, dan l-editorjal ma jistax ma jifraħx lill-Kamp Emerġenza Ambjent, għax kien grazzi għal dan il-grupp ta' ċittadini verament onesti u għad-determinazzjoni tagħhom li llum hemm xaqq ta' dawl fuq il-kwistjoni. Dan il-grupp serva ta' xhieda mill-aqwa ta' min huwa l-vera ambjenatlist, ta' min vera jimpurtah minn pajjiżna u ta' min huwa l-vera patrijott. Jekk qatt kien hemm min kien ħaqqu ġieħ ir-Repubblika huma propju dawn in-nies, li ġabu l-bidla għax ħadmu għaliha. Pożittiv ukoll, matul din il-ġimgħa kienet it-tħabbira tal-Master Plan għal Paceville. Pożittiv, għax anke hawn jidher ċar li l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal- ħeġġa li qed turi s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, semgħu l-kritika ta' bosta ambjentalisti u anke żviluppaturi li ilhom jitolbu għal pjan serju fid-dawl tal-iżvilupp masiċċ propost fiż-żona. Jidher illi tliet snin wara elezzjoni ġenerali u wara tempesti politiċi li kienu kważi għerrquh u li waslu għal emoraġija politika kbira, dan il-Gvern u l-Partit Laburista reġa' qed isib saqajh u reġa' qed isib l-enerġija biex jisma', jifhem u jkun Gvern tal-ħafna, mhux tal-ftit. Hija din l-enerġija u l-kapaċità li joħloq iktar ġid, li b'dak il-ġid iwieżen liż-żgħir u li jkun deċiżiv fuq kwistjonijiet ambjentali li dwarhom ħaddieħor m'għamel xejn li tista' tiddistakka lil dan il-Gvern mill-politika pikuża u ġellieda tal-bieraħ. Huwa dan li jista' jerġa' jirbaħ il-qlub ta' eluf kbar ta' switchers li tbiegħdu fil-ħsieb mill-Partit Laburista. Hija din l-enerġija biex jitkattar il-ġid li tista' terġa' tagħmel mill-Partit Laburista, l-għażla naturali tal-poplu u mhux sempliċiment l-għażla mqanżħa ta' min hu l-aħjar mill-agħar. Wara kollox hekk jixraqlu pajjiżna u hekk jixraqlu l-poplu Malti. Editur: Albert Gauci Cunningham 21