Illum previous editions

ILLUM 25 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/731328

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 25 ta' Settembru 2016 | illum Rakkont 23 Tifkiriet "IMMA zi......jien irridek tiġi." Il-kliem laqtuh bħal sajjetta. Ħass ġismu jiffriża iżda minħabba l-qagħda tiegħu fis- siġġu tar-roti, ma ċċaqlaqx. Għawdex. Il-kelma ħasditu. Ma riedx jiftakar. Le, ma riedx. Ma setax. Louis kien qed iħares lejh b'għajnejn imberrqin, jifli l-qoffa xagħar abjad li kien ra ħafna snin ta' tbatija minn wara, lest biex jibda d-diskussjoni tas-soltu. Iżda zijuh kien qed iħares barra mit-tieqa, għajnejh iċċassati lejn xi għasafar li kienu qegħdin ipespsu fuq siġra kbira faċċata d-dar tagħhom li kellhom fil-Mosta. Moħħu kien 'il bogħod, 'il bogħod wisq. In-neputi kien għadu qatt ma qallu li riedu jitla' Għawdex. Kien ħaseb li din it-tfajla kienet avventura bħall-oħrajn li kellu qabel u kien għamel minn kollox biex jifridhom. Meta kien jgħidlu li sejjer Għawdex kien jieħu qatgħa. "Zi, int qed tismagħni? Il- festin tal-għerusija tagħna ser isir xorta, bik u mingħajrek!" Louis kien kważi selvaġġ fi kliemu, moħħu mkemmex u xufftejh xotti. Kif seta' jdawwar il-fehma ta' din ir-ras iebsa li kien hemm quddiemu? "Int lili m'intix ser tarani hemm! Kieku kienet għadha ħajja ommok u missierek...." il-kliem kien qalu. Kieku tah daqqa ta' ħarta ġo wiċċu ma kienx iweġġa' daqshekk. Wiċċ Louis inbidel. Ħass id-dmugħ iniggiżlu għajnejh. Ħass ix-xfar t'għajnejh jiħmaru f 'salt. Ma wiġbux. Telaq 'il barra. Ir-raġel fraġli, li sa ftit minuti ilu kien qisu suldat tal-azzar, infaqa' jibki wkoll u ħalef li l-festin ma kienx ser imur. Għalkemm kien iħobb lin-neputi tiegħu qisu ibnu stess, peress illi kien rabbieh qisu tiegħu meta t-tfajjel kien spiċċa mingħajr ġenituri wara inċident stradali, żgur ma kienx ser idawwarlu fehtmu. Mario mhux dejjem kien iebes hekk. Meta kien iżgħar, qabel l-inċident li kellu fil- gwerra kien raġel b'qalb tad- deheb, lest biex jgħin, lest biex iħobb. Iżda l-imrar tad-dinja kien għallmu mod ieħor. Meta kien għadu tifel żgħir, il-ġenituri tiegħu kienu nfirdu. Ommu ħaditu jgħix Għawdex, fir-raħal ħelu tan-Nadur. Kienet qiegħda tipprova titbiegħed mill-gwerra, titbiegħed mill-inkwiet. Flus ma kellhomx. Kienet marret taħdem ma' furnar, tgħinhom jaħmu l-ħobż u jagħmlu l-ftajjar. Mario ġieli kien imur magħha. Dak iż-żmien kien tifkira sabiħa fi żmien li għalih ma kinux jeżistu problemi. Ma kienx jeżisti ħażen. Però kultant, bħal sajjetta fil-bnazzi, il-ħajja li wieħed ikun dara, tispiċċa titmermer fix-xejn. Titmermer u tittertaq. Fraġli. Il-ħajja taf tkun fraġli ħafna u tieħdok f 'postijiet fejn qatt ma tkun ħlomt. Dak il-lejl kien baqa' jiftakru. Tifel ċkejken rieqed fis-sodda. Sajjetta. Sajjetta waqt lejl mimli kwiekeb sbieħ. Kwiekeb inemnmu f 'sema ċara mingħajr sħab. Kien sema' ħoss quddiem id-dar tagħhom. Kien waħdu d-dar. Ommu kienet marret tgħin lil Salvu l-furnar ilesti d-dqiq għal filgħodu. Eżatt malli semgħa l-ħoss, ħareġ jimxi bil-mod minn ġos-sodda, ixomm l-annimal tal-peluxx li dejjem kien iraqqad miegħu u resaq lejn it-tieqa tal-ġenb li kienet tagħti lok għal barra. Ittawwal. Mario kien fetaħ għajnejh beraħ hekk kif ra żewġ dellijiet għaddejjin jiġru minn quddiem it-tieqa u beda jisma l-krib. "Ajjut!" sema' leħen maħnuq ġej minn quddiem daru. Għalkemm kien liebes biss il-qalziet tal-irqad li kellu riħa tfuħ ta' sapun tal-ħasil, Mario mar jiġri lejn il-bieb ta' barra u mar jara x'kien ġara. Lil ommu kemm laħaq għamel idejh ma' wiċċha u ra subgħajh jiċċappsu kollha demm. "Serquni," kienet bdiet tgħidlu hekk kif qabdilha rasha u beda jrossha ma' sidru. Din il-mara kienet kollox għalih u ma setgħax jitlifha. Iżda d-destin kien iddeċieda mod ieħor. Ċaqlaq ftit rasu hekk kif l-għasafar ta' quddiemu taru f 'salt minn ġos-siġra li kien hemm quddiemu u għal mument reġa ġie fil-preżent. Inħasad. It-tifkiriet tal-passat kienu wisq emozzjonali. Wara dakinhar tal-mewt t'ommu, Mario kien mar jgħix mal-familja ta' Salvu l-furnar. Lilhom biss kien sab. Lilhom biss kien jaf. Hemmhekk kien sab familja oħra u kienu jħobbuh u jirrispettawh daqs li kieku kien parti minnhom. Fil-bidu, kellu bilfors jibda jidra jgħix mingħajr l-imħabba t'ommu. Iżda għalkemm kien tal-fehma li ż-żmien itaffi però ma jnessix, kien żmien pjuttost sabiħ. Dak iż-żmien kien iltaqa' magħha. Adelina. Adelina kienet xebba mimlija ġmiel. Kien ilu jaraha għaddejja minn quddiem il- forn u titbissimlu. Darba fost l-oħrajn kien ittanta xortih. U Adele kienet aċċettat li joħorġu flimkien. Adelina. L-isem biss kien għadu jqajjimlu s-suf ta' jdejh xewk xewk. Kemm kien iħobbha dak iż-żmien! Kienu wegħdu mħabbithom lil xulxin taħt siġra kbira tal-ballut. Iżda wara xi sentejn, kienu bagħtu għalih fil-gwerra biex jiġġieled bħala suldat. Mario, għalkemm ma xtaqx imur biex ma jitlifx l-imħabba ta' Adele, kellu jaċċetta l-inkarigu. Waqt il-gwerra kien libes lokit bir-ritratt ta' Adele fuqu u kull meta kien ikun viċin il-mewt, l-imħabba tagħha kienet iżżommu ħaj. Sakemm...... sakemm...... Għafas għajnejh u ħass qalbu trid tinqasam. Sakemm qalulu li qatt ma kien ser jimxi aktar. Sakemm spiċċa f 'dan is-siġġu tar-roti. Minn dakinhar 'l hawn, inħeba bejn dawn l-erba' ħitan. Tilef il-kuntatt magħha u qatt ma reġa' mar Għawdex. Ma riedx li tfajla bħal dik titgħabba b'raġel bħalu. Kien jaf li ma kienx kapaċi jagħmilha kuntenta. Mhux hekk.....f 'din il-qagħda. Issa għalkemm, illum il-ġurnata kien ċert li l-probabilità li jitlaqa' ma' Adelina kienu verament limitati, anzi pjuttost impossibbli, il-fatt li jerġa' jmur Għawdex kien iqanqallu ħafna memorji ta' żmien l-imgħoddi. Qatt ma kien reġa' ttanta xortih ma' tfajliet. Qatt ma ried jaf aktar b'nisa, jew Adelina jew ħadd. Dakinhar tal-festin tal- għarajjes, Louis u Giannella kienu qegħdin fis-sala ċkejkna iżda ħelwa li kienu krew apposta sabiex jiċċelebraw dan il-jum tassew importanti. Kien hemm mejda sabiħa mżejna b'kejk kbir, fjuri u bżieżaq bojod. Il-qassis kien qed jitkellem ma' xi zija tal-għarusa, waqt li kien qed jaħtaf biskuttin tal- okkażżjoni. Kien hemm għoxrin ruħ kollox, in-nanniet ta' Giannella, ommha u missierha, iz-zijiet u xi żewġt itfal żgħar li kienu jiġu wlied ħabiba tagħha li kienet ġiet mistiedna wkoll. Louis ma kellu lil ħadd min-naħa tiegħu ħlief lil zijuh Mario. "Imbierku ċ-ċrieket ta' dawn l-għarajjes friski......" beda jgħid il-qassis, hekk kif resaq lejn l-għarajjes u għaqqdilhom idejhom flimkien. Mario kien liebes libsa pulita u kien hemm wieħed li kien ħa ħsieb ġabu hawn u daħħlu fis-sala. "Zi......qed tara kemm qed nieħdu gost!" qallu Louis, ferħan se jtir. Minħabba fih kien bidel il-post tal-festin u għamlu Malta stess ħalli zijuh jattendi żgur. Mingħajru żgur ma kienx jieħu gost. "Grazzi Louis," wieġbu Mario hekk kif bdew jgħannqu lil xulxin. "Nawguralek għal ħajtek kollha." Ir-riċeviment kompla b'suċċess. Kulħadd feraħ mal-għarajjes il-ġodda. Anke Mario tgħidx kemm kien kuntent u fil-fond ta' qalbu kien iddispjaċih li neputih kien bidel il-post tal-festin minħabba fih. Iżda kien iħoss li kien għadu mhux lest li jmur Għawdex. Jekk jiltaqa' magħha b'kumbinazzjoni...... Hekk kif kienu kollha qegħdin ipaċpċu bejniethom, Mario ħareġ bis-siġġu tar-roti fuq it-terrazzin. Iż-żiffa kienet mielsa u kien għadu qed jisma' l-mużika ġejja minn ġewwa l-aperturi kbar li kienu jagħtu għal ġewwa. Ħass paċi u hena f 'qalbu. L-arja ta' dak il-lejl sajfi kienet qegħda twennsu. "Mario......" Ħassu jiffriża. Isir statwa. Dak il-leħen. Elf memorja sabbtitu 'l bogħod mill-preżent u ħaditu fl-imgħoddi bħal- leħħa ta' berqa. "Mario." Dar bis-siġġu b'kollox iħares lura. Kienet għadha sabiħa. Kienet għadha l-istess. "Int?....." bilkemm felaħ jitkellem. "Ma nbdilt xejn," qaltlu. "Lanqas int.....imma.....?" beda jgħidilha. "Qatt ma ġejt lura," qaltlu b'għajnejha jleqqu fid-dawl tal-qamar u l-kwiekeb li kien hemm f 'sema skura ta' dak il-lejl sajfi. "Bqajt nistennik. Bqajt nittama." "Adelina," leħnu kien miksur. Minn tant nies, kif seta' ltaqa' magħha hawn? Hawn Malta stess? "Mhux għax ma ridtx, Adelina.....u minn tant nies..... int.....?" leħnu kien maħnuq. "Jien iz-zija tagħha." "Jien iz-ziju tieghu." "U kif.....?" beda jgħidilha mbellah. "Jien ma ġejtx għax ħsibt li.....ħsibt li minħabba li spiċċajt hekk....ma tkunx trid tarani. Ma jkollokx x'tambini." Ħass il-piż ta' dawn is-snin kollha jtaqqlulu qalbu u nfaqa' jibki qisu tarbija. "Mario. Kultant ngħaddu minn esperjenzi li jagħmlulna aktar b'saħħitna. U kieku ġejt lura.....kieku......" Mario ressaq is-siġġu tar-roti qribha. Qabdu jdejn xulxin u ħass l-imħabba ta' tfulitu terġa' tieħu kontroll ta' ġismu kollu. Qalbu bdiet tħabbat mija mija. "Meta inti kont il-gwerra, jien kelli inċident. Int qatt ma ġejt lura u ma stajtx ngħidlek," qaltlu Adele hekk kif ressqet is-siġġu tar-roti tagħha qrib tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitgħannqu. Sharon Calleja hija awtriċi, produttriċi,direttriċi u attriċi. L-ewwel ktieb tagħha, 'Ċagħaq' ġie ppubblikat riċentament. Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 September 2016