Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/731328
Il-Ħadd 25 ta' Settembru 2016 | illum Sports 33 L-ASMK tagħti donazzjoni ta' €1,020 lill-Fondazzjoni Arka f 'Għawdex MATUL tmiem il-ġimgħa ta' bejn il-Ġimgħa 9 u l-Ħadd 11 ta' Settembru 2016, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) organizzat b'suċċess it-tielet attività bil-karozzi Autocross fix-Xewkija, Għawdex. Din l-attività saret bil-kollaborazzjoni u l-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex li aktar kmieni din is-sena offra s-sapport tiegħu għal żewġ attivitajiet li l-ASMK organizzat, dik bil-muturi Enduro li saret f 'April u din tal-karozzi li saret nhar il-Ħadd 11 ta' Settembru. Ix-xogħol fuq il-korsa temporanja għall-karozzi dam sejjer ġimgħa b'diversi xogħlijiet li saru bl- għajnuna ta' ħaddiema tal-Gvern u l-Uffiċjali tal-ASMK. Dan sar bi tħaddim tajjeb ta' riżorsi u makkinarju kemm li għandha l-ASMK kif ukoll makkinarju ieħor li matul din il-ġimgħa ġew minn diversi benefatturi u mill- Ministeru għal Għawdex. L-ASMK xtaqet tirringrazzja lill-Gozo Horse Racing Association li aċċettat it-talba tal- ASMK għall-użu ta' parti mill-korsa biex tinbidel f 'korsa temporanja għall- Karozzi Autocross, li sar għal ftit jiem. Grazzi wkoll tal-koperazzjoni li kellha l-ASMK mill-Korp tal- Pulizja, mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f 'Għawdex, mill-Gozo Sports Board, Road Construction Ltd, il-Korporazzjoni għas- Servizzi tal-Ilma (WSC) u fl-aħħar u mhux l-inqas grazzi speċjali lill-Familja Apap mir-Rabat li assistiet lill-Uffiċjali tal-ASMK f 'kull problema li ltaqgħu magħha matul din il- ġimgħa ta' tħejjija tal-korsa temporanja. L-għan prinċipali ta' din l-attività kien li jinġabru fondi b'risq il-Fondazzjoni Arka. Grazzi għall-ġenerożità tal-ispettaturi li attendew għal din l-attività ta' darba fis-sena u daqstant ieħor li kkontribwixxew bid-donazzjoni tagħhom tant li nġabret is-somma sabiħa ta' €1020. Waqt il- preżentazzjoni lir-rebbieħa, il-President tal-ASMK, Frans Deguara, fil- preżenza ta' Dun Michael Galea ħabbar is-somma miġbura fi tliet sigħat. Dun Michael irringrazzja lill- Għaqda u l-membri għal din id-donazzjoni b'risq il-Fondazzjoni Arka li nġabret fi ftit sigħat. Waqt il-preżentazzjoni tat-trofej lill-kompetituri rebbieħa kien hemm ukoll il-President tal-Gozo Horse Racing Association Ms Mary Mifsud u l-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board, is-Sur Alvin Grech. Il-President tal-G.H.R.A. għamlet kelmtejn tal- okkażjoni fejn irringrazzjat lill-Uffiċjali tal-ASMK fejn dawn urew ħila jibdlu l-kumpless tal-korsa taż-żwiemel f 'waħda għall- Karozzi Autocross biex takkomoda lis- sewwieqa dilletanti Maltin u Għawdxin flimkien. Is-Sinjura Mifsud qalet li se tkompli taħdem mal- uffiċjali tal-ASMK biex attivitajiet simili jkomplu jsiru fiż-żmien li ġej. Is-Sur Alvin Grech qal li huwa ta' pjaċir li jara għaqdiet bħall- ASMK jikkontribwixxu fit-Turiżmu Sportiv f 'Għawdex, kif ukoll li l-Gozo Sports Board jassisti attivitajiet sportivi ta' dan it-tip. Huwa awgura lill- ASMK fejn għat-tielet sena konsekuttiva organizzat attivitajiet bil-karozzi u muturi f 'postijiet diversi madwar Għawdex. Is-sur Alvin Grech irringrazzja lil kulħadd speċjalment lill-uffiċjali li rnexxielhom fi ftit jiem ibiddlu żona fil-korsa taż-żwiemel f 'kumpless sportiv tal-Motorsport u tal- organizzazzjoni eċċellenti tagħhom. Frans Deguara, President tal-Għaqda, irringrazzja lil kulħadd u qal li jekk l-għajnuna tkun provduta l-Assoċjazzjoni terġa' torganizza avvenimenti bħal dawn kemm bil- karozzi kif ukoll bil-muturi f 'Għawdex matul is-sena li ġejja. Intant, ħarsa lejn x'ġara matul il-ġurnata tal- Ħadd fejn 41 kompetitur irreġistraw għal din il- kompetizzjoni maqsuma f 'erba' klassijiet - dik Autocross bis-sewwieqa Maltin u klassi oħra bis- sewwieqa Għawdxin, Autocross Standard bis-sewwieqa Maltin u Għawdxin kif ukoll klassi ġdida Super Class li ġiet introdotta għall-istaġun li ġej. Fl-Autocross bis- sewwieqa Maltin rajna lil Godfrey Gauci fuq Ford Fiesta jirreġistra l-ogħla punteġġ tal-ġurnata fejn minkejja li ma rebaħx il- Heats kollha tal-ġurnata, xorta kien l-ewwel sewwieq li ssiġilla postu fil-finali klassi A tal-ġurnata. Miegħu kkwalifikaw Andrew Pisani fuq Opel Nova, Philip Joe Vella fuq Opel Corsa, Christian Mario Apap fuq Ford Fiesta, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 u Terence Azzopardi fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta' din il-finali rajna lil Pisani joħroġ fuq quddiem segwit minn Vella u Azzopardi. L-attenzjoni marret fuq Gauci li mill- aħħar post beda javvanza pożizzjoni wara l-oħra sakemm kif wasal isegwi lil-leader Azzopardi, Gauci spiċċa rtira minħabba ħsara teknika. Riżultat finali: Pisani jirbaħ segwit minn Vella u Azzopardi. Fir-raba' post spiċċa Apap segwit minn Grech fil-ħames post. Fl-Autocross Finali klassi B rajna lil Noel Zammit fuq Fiat Punto jirbaħ din il- finali segwit minn Gordon Johnson fuq Opel Corsa filwaqt li Joseph Micallef fuq Renault 5 spiċċa l-finali fit-tielet post. Fl-Autocross bis- sewwieqa Għawdxin rajna lil Marvin Grima fuq Opel Corsa jirbaħ il-ġurnata segwit minn Frank Cefai fuq Ford Escort. Fit-tielet post spiċċa Chris Sultana fuq Nissan filwaqt li fir- raba' post spiċċa Matthew Saliba fuq Ford Escort. Fl-Autocross Standard bis-sewwieqa Maltin u Għawdxin kienet mirbuħa minn Ian Fenech fuq Citroen segwit minn Quinn Camilleri fuq Peugeot 106. Fit-tielet post spiċċa Nickovich Chircop fuq Peugeot 206, fir- raba' post spiċċat Katrina Zammit fuq Renault 5 filwaqt li fil-ħames post daħal Melvin Buttigieg fuq Citroen AX. Fl-Autocross Super Class rajna l-ewwel żewġ parteċipanti jirreġistraw: Godwin Martin fuq Opel Corsa jirbaħ din il-klassi segwit minn ħuh Joseph Martin fuq Ford Escort. Intant, l-Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ħabbret il-kalendarju tal-istaġun 2016/2017 sal-aħħar ta' din is-sena, bl-ewwel attività se tibda fit-30 t'Ottubru 2016 bis- sezzjoni Trials. L-Autocross u Motocross mistennija jibdew fis-6 ta' Novembru 2016. L-ewwel attività Enduro mistennija ssir fit-13 ta' Novembru 2016. Għal iktar informazzjoni wieħed jista' jżur is-sit elettroniku, www.asmk.org. mt. Ian Fenech - rebbieħ fil- Klassi Autocross Standard Ritratt: Mario Micallef