Illum previous editions

ILLUM 2 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/734028

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

WARA kważi 15-il sena involut kompletament fil-qasam tal-ġustizzja - bejn avukat, Segretarju Parlamentari u Ministru - tibda tifhem eżatt kif jaħdem il-moħħ tal-Malti fejn jidħol il-qasam tal- ġustizzja kriminali. Bħala regola ġenerali, il- Maltin ikunu jixtiequ sentenzi iebsin fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u iktar poteri lill-pulizija u inqas poteri lid-difiża. Biss din il-filosofija tinqaleb rasha 'l isfel kompletament meta fis-siġġu tal-akkużat ipoġġi bil-qiegħda xi ħadd minn uliedhom jew xi ħadd għażiż għalihom jew huma stess. Hemmhekk, id-diskors jinqaleb rasu 'l isfel. F'daqqa waħda, f 'għajnejhom il- pulizija jsiru bullies, f 'daqqa waħda f 'għajnejhom il- Ġudikatura ssir korrotta, f 'daqqa waħda f 'għajnejhom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jsir Uffiċċju ta' nies bla qalb u krudili. S'intendi la l-ewwel waħda mhi sewwa u lanqas it-tieni. La hu sewwa li mmorru għal sistema ta' ġustizzja kriminali li ma turix ħniena, u lanqas hu sewwa li f 'daqqa waħda min jiġġieled il-ħażen fis-soċjetà jiġi mpinġi agħar minn min qed jagħmel il- ħażin. Is-sewwa fil-kamp kriminali jitlob li jkollna liġijiet li jkunu ġusti, kemm mil-lat ta' pieni u kemm mil-lat ta' proċedura li tintuża. Verità Waħda mill-ewwel affarijiet li tirrealizza meta tidħol il-Qorti hija kemm kienet differenti d-dinja legali 50 sena ilu. Iċ-ċirkostanzi kienu ferm differenti – avukati kienu jilħqu waħdiet kull sena, il-poplu kien inqas mgħarraf milli hu llum. Biss nemmen li l-'way' tal-avukati antiki kienet aħjar mill-'way' tal-avukati ta' żmienna. Jien kelli x-xorti li nieħu l-prattika ma' wieħed minn dawn l-avukati li laħqu l-quċċata tagħhom f 'dan il-perjodu li qed insemmi. Dan l-Avukat, Dr Karmenu Mifsud Bonnici, kien dejjem jisħaq li xogħol l-avukat, speċjalment fil-kriminal, ma kienx li jrebbaħ il-każ tiegħu lill-klijent akkost ta' kollox. Xogħol l-avukat, bħalma hu xogħol il-prosekutur, hu li jgħin lill-Qorti tasal għall- verità. U nemmen li Dr Karmenu kien jipprattikaha bis-serjetà din, bħalma jipprattikawha ħafna avukati anzjani u vera ftit avukati kontemporanji. Li tgħin lill-Qorti tasal għall-verità tfisser ħafna. Tfisser mhux biss li akkost ta' kollox ma tiżvijax lill-Qorti imma tfisser ferm iktar minn hekk. Nemmen għalhekk li jekk ikollna sistema ġusta ta' liġijiet kriminali kemm mil- lat ta' pieni u kemm mil-lat ta' proċedura li tintuża, dan il-vjaġġ biex ngħinu lill-Qorti tasal għall-verità se jissaħħaħ. Min hu serju, kemm jekk ġej mid-difiża u kemm jekk ġej mill-prosekuzzjoni, dawn l-affarijiet jieħu gost bihom. Insaħħu l-garanziji Għalhekk f 'dawn it-tliet snin daħħalna patafjun liġijiet biex insaħħu l-ġustizzja kriminali f 'pajjiżna. Bdejna billi saħħaħna d-drittijiet ta' informazzjoni għall-arrestat, tajna d-dritt tad-disclosure, saħħaħna d-drittijiet għall- vittmi, tajna għodod ġodda lill-pulizija u issa se mmorru għad-dritt ġdid li waqt l-arrest persuna jkollu avukat jassistih b'mod effettiv. Dan se jgħin għal iktar garanziji liċ-ċittadin biex fil- mument l-iktar vulnerabbli jkollu l-assistenza. U ħafna ċittadini li jiġu arrestati jkunu nies li qatt ma kisru difrejhom mal-liġi u tkun l-ewwel esperjenza tagħhom. X'qed nipproponu fi ftit kliem? 1) L-abbozz dwar id-dritt tal-avukat waqt l-arrest huwa ntiż biex idaħħal fil-liġi ta' Malta d-Direttiva 2013/48/ UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 t'Ottubru 2013 dwar id-dritt tal-aċċess għall-avukat fi proċeduri kriminali u fi proċeduri tal- mandat t'arrest Ewropew u dwar id-dritt li terza persuna tkun informata dwar iċ- ċaħda tal-libertà u li persuna tikkomunika ma' terzi persuni u mal-awtoritajiet konsulari waqt li tkun imċaħħda mil- libertà. 2) Din id-Direttiva tinkorpora numru ta' drittijiet tal-persuni arrestati li wħud minnhom huma diġà rikonoxxuti fil-Kodiċi Kriminali (bħal per eżempju, id-dritt li persuna arrestata titħalla tara tabib li tagħżel hi u d-dritt li qarib jew ħabib tal-persuna arrestata jiġi informat bl-arrest). Madanakollu, peress li l-abbozz għandu l-għan li jdaħħal id-Direttiva fil-liġi tagħna b'mod komplet, ġie deċiż li dawn id-drittijiet jiġu nklużi fil-Kodiċi Kriminali skont kif tipprovdi għalihom l-istess Direttiva; 3. Id-Direttiva u l-Abbozz jittrattaw id-drittijiet ta' tliet kategoriji ta' persuni: - Persuni li jkunu arrestati però jkunu għadhom ma ġewx mixlija quddiem Qorti jew awtorità ġudizzjarja oħra; - Persuni li jkunu ġew akkużati li kkommettew reat kriminali; - Persuni li jkunu soġġetti għal proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew. 4. Dawn il-persuni kollha għandhom id-drittijiet li ġejjin: - Dritt t'aċċess għal avukat - Dritt li terza persuna tkun informata biċ-ċaħda tal- libertà tagħhom; - Dritt li jikkomunikaw ma' terzi persuni jew mal- awtoritajiet konsulari waqt li jkunu mċaħħda mil-libertà tagħhom. 5. L-akbar innovazzjoni ta' dan l-abbozz huwa l-għoti tad-dritt t'aċċess għal avukat sa mill-arrest b'mod li jippermetti lill- persuna arrestata li teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha b'mod prattiku u effettiv. Dan id-dritt japplika kemm waqt li persuna tkun qed tiġi interrogata mill-Pulizija kif ukoll waqt li l-Pulizija tkun qed twettaq atti oħra ta' natura investigattiva bħal 'identity parades', konfronti bejn xhieda u rikostruzzjoni tax-xena tad-delitt; 6. Id-dritt t'aċċess għal avukat fil-prattika jfisser dan li ġej: - Qabel ma tibda l-interrogazzjoni, il-persuna suspettata għandha tiġi infurmata bl-allegat reat li għalih tkun se tiġi interrogata; - Dritt li l-persuna suspettata tiltaqa' mal-avukat tagħha u tikkomunika mal-avukat fil-privat; - Li l-avukat ikollu dritt li jkun preżenti u li jipparteċipa b'mod effettiv fl-interogazzjoni. Dik il- parteċipazzjoni tal-avukat fl-interrogazzjoni tista' tiġi regolata. Dan id-dritt, per eżempju, ma għandux jinftiehem bħala xi dritt tal-avukat li jostakola l-interrogazzjoni jew li jissuġġerixxi tweġibiet u ħlief f 'ċirkostanzi eċċezzjonali, kull mistoqsija jew rimarka mill-avukat għandha ssir wara li jkunu saru d-domandi mill-Pulizija jew mill- Awtorità li tkun qed tmexxi l-interrogazzjoni. 7. L-Abbozz, inkonformità mad-Direttiva, jipprovdi wkoll għal ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dan id-dritt. Per eżempju: F'ċirkostanzi eċċezzjonali, id-drittijiet mogħtija fl- Abbozz jistgħu jiġu limitati jew esklużi fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, libertà jew integrità fiżika tal-persuna jew fejn tkun meħtieġa azzjoni immedjata mill- awtoritajiet investigattivi sabiex jiġi evitat periklu sostanzjali għall-proċeduri kriminali. Dawn id-derogi huma partikolarment relevanti f ' każijiet ta' reati bħalma huma reati ta' terroriżmu u ta' kriminalità organizzata iżda jistgħu wkoll japplikaw għal reati oħra. Id-derogi għad-drittijiet provduti fl-Abbozz jistgħu jiġu awtorizzati biss minn Maġistrat b'deċiżjoni li jkun fiha r-raġunijiet u dik iddeċiżjoni tkun soġġetta għal appell lill-Qorti tal-Appell Kriminali. 8. Il-persuna suspettata jew akkużata tista' wkoll jekk trid, tirrinunzja għall-preżenza ta' avukat waqt l-interrogatorju jew waqt atti investigattivi oħra, iżda dik ir-rinunzja trid tkun volontarja u inekwivoka u trid tiġi reġistrata wkoll b'referenza għaċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat. Dik ir-rinunzja tista' tiġi rtirata fi kwalunkwe stadju però l-irtirar jgħodd biss mindu jsir. 9. Fil-każ ta' persuni soġġetti għal proċeduri ta' Mandat t'Arrest Ewropew, dawn għandhom dritt li jkunu assistiti minn Avukat kemm f 'Malta kif ukoll fl-Istat Membru li jkun qed jitlob l-arrest tagħhom u dan ukoll skont id-Direttiva. 10. Kull persuna li d-drittijiet mogħtija lilha bid-Direttiva u bl-Abbozz jiġu miksura għandha d-dritt li tikseb rimedju u talba għal rimedju għandha ssir minnufih quddiem il-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Kriminali li tkun inkarigata mill-każ. 11. Il-bżonnijiet partikolari ta' persuna vulnerabbli għandhom ukoll jittieħdu inkonsiderazzjoni fit-twettiq tal-proċeduri provduti fl- Abbozz. 12. Dan l-Abbozz fih ukoll klawżola kontra r-regressjoni jiġifieri ma jistax jiġi interpretat b'mod li jnaqqas xi drittijiet li persuni suspettati jew akkużati għandhom diġà f 'każ li dawn jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla. Din il- klawżola qed tiddaħħal skont id-Direttiva. 13. Dan l-Abbozz jinkorpora wkoll numru ta' rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Rapport Finali tal-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja u għalhekk jirrappreżenta pass ieħor importanti fit-twettiq tar-Riforma tal-Amministrazzjoni tal- Ġustizzja f 'pajjiżna. Ir-riforma tkompli Ir-riforma ħolistika fil- Qasam tal-Ġustizzja mhijiex se tieqaf hawn. Se tkompli. Se naħdmu biex inwettqu l-wegħda li nħallu settur tal-ġustizzja iktar effiċjenti, b'inqas dewmien u iktar kwalità. Il-Ħadd 2 ta' Ottubru 2016 | illum Opinjoni 17 OWEN BONNICI Insaħħu l-garanziji tal-ġustizzja liċ-ċittadini fil-mument fejn huma l-iktar vulnerabbli "Is-sewwa fil- kamp kriminali jitlob li jkollna liġijiet li jkunu ġusti, kemm mil-lat ta' pieni u kemm mil-lat ta' proċedura li tintuża"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 2 October 2016