Illum previous editions

ILLUM 2 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/734028

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 2 ta' Ottubru 2016 Opinjoni 18 Ġlieda sal-aħħar vot I lni bosta xhur nikkunsidra li nikteb dwar l-elezzjoni presidenzjali Amerikana u dejjem bqajt lura għal raġuni jew oħra imma prinċipalment minħabba l-istat ta' inċertezza tat-tiġrija. Verament dan mhu xejn ġdid għax it-tellieqa bejn iż-żewġ kontendenti prinċipali, il-kandidati tal-partiti Repubblikani u Demokratiċi dejjem tkun bil-'photofinish'. Imma din id-darba, it-tellieqa hija ferm aktar inċerta mis-soltu u dan anke minħabba l-preżenza ta' kandidat li mhuwiex xi politiku tradizzjonali, il-kandidat repubblikan, il- biljunarju Donald Trump. Għal min ma jafx, il-partit Demokratiku huwa partit ċentru xellugi li jixbaħ xi ftit il-partiti soċjaldemokratiċi Ewropej mentri dak Repubblikan huwa wieħed konservattiv li matul l-aħħar snin sar dejjem aktar estrem. Fi ħdan il-partit Repubblikan tnissel moviment li jsejjaħ ruħu t-Tea Party ispirat mill-famuż episodju tar- Rivoluzzjoni Amerikana fil-bajja ta' Boston. It-Tea Party ħadem biex jeleġi deputati u senaturi ta' bixra ferm konservattiva li għamlu minn kollox sabiex ixekklu l-ħidma tal-president Barack Obama. Minħabba t-Tea Party, il-partit Repubblikan spiċċa jadotta pożizzjoni dejjem aktar estrema fuq il- lemin fuq kwistjonijiet bħall- assiġurazzjoni tas-saħħa li daħħal Obama li appuntu hija mlaqqma Obamacare u l-kontroll tal-armi. L-oppożizzjoni tal-Partit Repubblikan għal Obamacare kienet bla heda b'ħafna sfidi anke sal-Qorti Suprema. Verament aħna l-Ewropej ma tantx nistgħu nifhmu għala teżisti daqshekk oppożizzjoni fl-Amerika għall-kunċett li wieħed ikun assigurat sabiex tiħallas il-kura medika f 'każ ta' bżonn. Imma l-Partit Repubblikan mhux dejjem kien hekk: kien il-partit ta' Abraham Lincoln, il-president waqt il-gwerra ċivili mal-istati tal-konfedarazzjoni li opponew l-isforzi sabiex jiġi abolit l-iskjavitù. Hu anke l-partit ta' Dwight D. Eisenhower li minkejja l-passat militari tiegħu, kien vuċi ta' moderazzjoni waqt uħud mill-aktar mumenti delikati tal-gwerra bierda wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, wara l-elezzjoni ta' Reagan fl-1980, il-Partit Repubblikan progressivament beda jadotta pożizzjonijiet dejjem aktar konservattivi. Madankollu, is-suċċessuri ta' Reagan ma kellhomx il-kariżma u l-popolarità tiegħu. George Bush ix- xiħ kien ġenjali imma ma rnexxielux jerġa' jirbaħ in-nomina fl-1992. Il- presidenza ta' Bush iż-żgħir probabbilment ser titniżżel fl-istorja bħala waħda mill- aktar diżastrużi. Fl-aħħar tal-presidenza tiegħu, falla l-bank Lehman Brothers u s-sistema finanzjarja kkrollat b'konsegwenzi serji fuq l-ekonomija. Dan wara li kien daħħal lill- Amerika f 'avventura fl-Iraq li swiet ferm f 'termini ta' demm u flus, avventura li ddestabilizzat l-ekwilibriju fil- Lvant Nofsani bir-riżultati li qegħdin naraw kuljum illum. Niftehmu tajjeb: mhux għax Saddam Hussein kien ħelu, xejn affattu. Probabbilment kieku Saddam baqa' fil-poter, konna nassistu għal xi gwerra ċivili mdemmija oħra bħal dik Sirjana. Tajjeb li wieħed jgħid li minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, l-unika darba li partit rebaħ il-presidenza tliet darbiet infila kien appuntu b'Reagan u Bush ix- xiħ. L-Amerikani mdorrijin sew li kull tmien snin ibiddlu min ikun fit-tmun. U dan forsi jispjega għala l-kandidata demokratika, Hillary Clinton qiegħda ssibha daqshekk iebsa li tissiġilla r-rebħa tagħha fit-8 ta' Novembru li ġej. Jekk wieħed irid iħares lejn it-tiġrija elettorali kemm jista' jkun oġġettivament, verament wieħed m'għandux fiex jinfixel fl-għażla li jrid jagħmel. Filwaqt li Donald Trump m'għandu l-ebda esperjenza fil-ħajja pubblika u huwa fanfarun li bena imperu kummerċjali ħafna drabi b'metodi ferm diskuttibbli, Hillary Clinton għandha karriera twila fil-ħajja pubblika. Barra li kienet First Lady tal-istat ta' Arkansas u tal-Istati Uniti, kienet ukoll senatriċi għall-istat ta' New York u segretarju tal-istat Amerikan. Ir-raġel tagħha, Bill Clinton kien probabbilment wieħed mill-aħjar presidenti fil- memorja riċenti. Taħtu l-ekonomija Amerikana kellha żmien ferm feliċi. Imma Clinton kellu wkoll diversi kontroversji: l-aktar waħda serja kienet dik ta' Monica Lewinsky li pprovokat l-impeachment tiegħu. Imma s-senat ma vvutax favur it-tneħħija tiegħu. Madankollu, l-isem ta' Clinton dejjem ippolarizza l-opinjoni pubblika: min jadurahom u min ma jaħmilhomx. Il-kampanja ta' din is- sena kienet tassew stramba. Il-kamp Repubblikan kien mimli kandidati ta' statura u b'ħafna flus. Fosthom Jeb Bush, ħu George ż-żgħir li madankollu bata mid- diżastru ta' ħuh kif ukoll żewġ senaturi Ispaniċi, Ted Cruz u Marco Rubio. Eventwalment, Trump beda jelimina kandidat wara l-ieħor. Ir-retorika tiegħu kontra l-immigranti Ispaniċi u Musulmani kif ukoll kontra l-kummerċ ħieles irreżonat ma' dawk li qed jaraw il-livell t'għajxien tagħhom jitbaxxa matul l-aħħar snin minħabba aktar kompetizzjoni minn pajjiżi barranin. Clinton fil-bidu dehret li kien se jkollha trijonf plebixxitarju imma mix- xejn nibtet il-kampanja ta' senatur mill-Vermont, Bernie Sanders li jiddeskrivi ruħu bħala soċjaldemokratiku (xi ħaġa kbira fl-Istati Uniti) u li sa sena qabel lanqas biss kien membru tal-partit Demokratiku. Fl-aħħar mill-aħħar, Clinton kienet tgħallmet ħafna mil- lezzjonijiet tal-kampanja tagħha tal-2008 kontra Barack Obama, kienet ferm organizzata u rnexxielha tissupera l-isfida iebsa ta' Sanders. Madankollu, l-kampanja ta' Sanders xegħlet l-immaġinazzjoni ta' bosta Amerikani, speċjalment dawk żgħażagħ li pparteċipaw fil-proċess politiku għall- ewwel darba. Sfida ewlenija ta' Clinton hi li takkwista l-appoġġ tal-hekk imsejħin Sanderistas, speċjalment l-hekk imsejħin millenials. Il-millenials huma dak il-grupp demografiku li twieled bejn l-1980 u l-1995, il-ġenerazzjoni tal-internet. L-istħarriġ tal-opinjoni konsistentement juru li l-appoġġ għal Clinton minn min għandu anqas minn erbgħin sena huwa batut. L-isfida ta' Sanders ġiegħlet ukoll lil Clinton tadotta pożizzjoni aktar xellugija. Sander kien jattakkaha ta' sikwit minħabba r-rabtiet fil-qrib tagħha ma' Wall Street u din l-akkuża tellfitha ħafna appoġġ. Sanders ukoll adotta pożizzjoni kontra l-kummerċ ħieles u ġiegħal lil Clinton tbiddel il-pożizzjoni tagħha dwar it-trattat ta' kummerċ mal-pajjiżi tal-Paċifiku, it-Trans Pacific Partnership li qabel kienet tappoġġja. Qegħdin ngħixu fi żmien fejn jeżisti ħafna sentiment kontra l-establishment, fejn in-nies huma mgħaddba minħabba li qed jaraw il-livell ta' għixien tagħhom sejjer lura waqt li jaraw l-impjiegi tagħhom jittieħdu minn ħaddiema f 'pajjiżi oħra. U dan qed jagħti lok għar-riżonanza ta' profeti foloz li joħorġu b'soluzzjonijiet simpliċisitiċi li jagħtu x'jifhmu lill-poplu li għandhom jsolvu l-problemi tagħhom. Dan hu appuntu s-sentiment li qed ukoll jisfrutta Donald Trump. Qed ipinġi ruħu bħala outsider li jrid joħodha kontra l-interessi speċjali f 'Washington meta ilu ħajtu kollha jisfrutta s-sistema politika Amerikana sabiex javvanza l-interessi ekonomiċi tiegħu. Hu fatt magħruf li Trump kien dejjem ferm aggressiv sabiex jieħu għajnuna tal-istat b'xi mod jew ieħor u anke biex jevita l-ħlas tat-taxxa. Sitt darbiet talab il-protezzjoni tal-qorti mill-kredituri tiegħu wara li ddikjara falliment. Bosta jgħidu ukoll li spiss ma jħallasx il-kredituri tiegħu li ma jkunux jifilħu jħarrkuh. Fil-kampanja tiegħu, Trump qed jisfrutta bil-kbir il- preġudizzji razzjali u kontra l-immigranti. Għal snin twal, sostna li Obama ma twilidx l-Amerika u dan sabiex jiddeleġittimah. Issa ammetta li twieled il-Hawaii imma xorta ma tantx jidher konvint. Irid li jinbena ħajt fuq il- fruntiera mal-Messiku sabiex tinżamm l-immigrazzjoni illegali u anke qed isostni li għandha tieqaf totalment l-immigrazzjoni ta' Musulmani. Għal pajjiż mibni fuq l-immigrazzjoni, hu tassew sorprendenti kemm huwa mferrex is-sentiment kontra l-immigranti. Din il-pożizzjoni xenofobika żgur se tiswielu l-appoġġ tal-minoranzi ispanika, Afro- Amerikana u Musulmana. Trump hu magħruf li fil-passat kien jadotta pożizzjonijiet razzisti bħal meta ma kienx jimpjega suwed jew ma jħallihomx jixtru appartamenti tiegħu. Imma probabbilment l-aktar li qed joħloqlu problemi huwa r-rapport tiegħu man- nisa. Trump iħares lejn in- nisa bħala oġġett ta' sbuħija u xejn aktar. Wara kollox kien anke jorganizza Miss Universe. Din il-ġimgħa dan l-atteġjament ġablu inkwiet kbir. Intqal li Trump kien jordna lill-managers tiegħu f 'korsa tal-golf f 'Los Angeles li jkeċċu nisa li ma kinux sbieħ. U wara d-dibattitu ta' nhar it-Tlieta li matulu Hillary Clinton akkużatu li kien jgħajjar ċerta Alicia Machado li kienet Miss Universe bħala Miss Piggy u Miss Housekeeping għaliex kienet ħxienet xi ftit wara li rebħet ix-xettru, huwa spiċċa f 'kontroversja kbira minħabba l-mod kif umiljaha meta ġegħelha tidher tittrenja quddiem il-ġurnalisti. Fl-aħħar ġimgħat qabel id-dibattitu, Trump kien qed jikkontrolla ruħu sew billi kemm jista' jkun ma jgħidx diskors offensiv. U beda javviċina sew ma' Clinton fl-istħarriġ tal-opinjoni. Imma wara nhar it-Tlieta bil- kunsens ġenerali li Clinton kienet ferm superjuri waqt l-ewwel dibattitu, huwa reġa' tilef il-boxxla bil-kbir. Nhar il-Ġimgħa filgħodu bejn il-5.15 am u l-5.30 am, huwa fajjar serje ta' tweets jattakka lil Alicia Machado. Dan il-komportament reġa' tefa' dawl fuq it-temperament erratiku ta' Trump. Kif tgħid Clinton, kif Trump jista' jiġi fdat bil-kodiċi tal-armi nukleari meta jiġi provokat bi tweet. Wara l-prestazzjoni maġistrali tagħha fl-ewwel dibattitu, Clinton se tidħol fl-aħħar xahar tal-kampanja b'vantaġġ ċar u dan anke kif qed jindikaw l-istħarriġ tal-opinjoni fl-istati kruċjali li jiddeterminaw ir-rebħa jew it-telfa. Stati bħal Florida, North Carolina, Ohio u Virginia. Imma t-tiġrija hija sal- barkun, iż-żewġ naħat għad għandhom bosta assi fil-komma u kollox hu possibbli. Li huwa ċar hu li jekk jitla' Trump, l-Amerika tkun immexxija minn probabbilment wieħed mill-aktar persuni instabbli u immaturi fl- istorja tagħha, persuna li jieħu n-nar għal kull ħaġa ta' xejn u lest li jpattiha lil kull min jikkuntrarjah. Tali possibbilità tassew tkexkex lil kull min għandu ftit melħ f 'moħħu. JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 2 October 2016