Illum previous editions

ILLUM 9 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/736803

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 9 ta' Ottubru 2016 Opinjoni 18 Kif tridha, sinjura May, iebsa jew ratba ? D in donnha l-mistoqsija illi kemm il-poplu tar-Renju Unit kif ukoll il-kumplament tal-Unjoni Ewropea qiegħed isaqsi lill- prim ministru Theresa May. M'aħniex qed nitkellmu dwar xi bajda mgħollija imma dwar in-natura tal-Brexit, il-mod kif ir-Renju Unit ser jinfatam mill-kumplament tal-U.E. Min bħali jassisti lil xi parti f 'separazzjoni, jaf illi aktar iva milli le, il-firda ma tkun xejn ċivili. Rari jkollok każ fejn il- partijiet jiftehmu biex jinfirdu bil-kwiet. Normalment, il-proċeduri jispiċċaw b'ħafna ġlied u anke tgħajjir bit-tfal jiżfnu fin-nofs. U jidher illi anke l-firda tar-Renju Unit mill-U.E. ma tantx ser tkun ċivili, biż-żewġ naħat jadottaw posizzjonijiet diametrikament opposti. Din il-ġimgħa l-prim ministu Muscat ġie intervistat minn Politico, magazine illi l-verżjoni ewropea tiegħu toħroġ fi Bruxelles. Ir- rimarki ta' Muscat kienu simili għal dawk ta' bosta mexxejja ewropej oħra, minn Merkel, għal Hollande, għal Renzi u oħrajn : ir-Renju Unit m'għandu jistenna l-ebda trattament speċjali u jekk ser jibqa' jinsisti illi jikkontrolla l-immigrazzjoni mill-pajjiżi l-oħra Ewropej, ma jistax jippretendi illi jkollu aċċess għas-suq waħdieni. Minkejja illi dan il-messaġġ issa qed jingħata mill-mexxejja ewropej kollha, il-mexxejja tar-Renju Unit għadhom jittamaw illi jirnexxielhom jillimitaw l-immigrazzjoni mill-U.E. fil-waqt illi jżommu l-benefiċċji tas-suq waħdieni. Ir-rimarki ta' Muscat kienu strumentalizzati mill- istampa brittanika minħabba r-referenza illi għamel għal Greċja. L-istampa Brittanika pinġietha qisu Muscat qal illi r-Renju Unit ser jiġi kkastigat bħal Greċja bħallikieku l-Greċja ġiet ikkastigata meta l-pajjiżi tal-ewrożona (u m'hux ir-Renju Unit) selfuhaa biljuni kbar ta' euro biex tevita l-falliment. Li qal Muscat kien illi l-format tat- taħdidiet ser ikun simili għal dawk mal-Greċja. Mill-banda l-oħra, ir-Renju Unit irid illi t-taħdidiet ikunu bbażati kapitlu kapitlu qisu meta pajjiż japplika biex jidħol fl-U.E. Skond Muscat, dan m'hux aċċettabli għall-pajjiżi membri l-oħra u t-taħdidiet iridu jkopru l-materji kollha f 'daqqa. U illi m'hux ser ikun possibli tissepara l-libertà tal-moviment, waħda mill- erba prinċipji fundamentali tal-U.E., mill-aċċess għas-suq waħdieni. Kos, min kien igħidilna sentejn ilu illi llum m'aħniex niddiskutu l-Grexit imma l-Brexit. Sentejn ilu, il-Grexit dehret probabli mentri l-Brexit dehret implawsibbli għal aħħar. Min jaf jekk hux il-każ illi fil-waqt illi l-Greċja bil-mod il-mod ħierġa mill-ħofra illi spiċċat fiha minħabba l-infiq esaġerat u l-prattiċi xejn kompetittivi tal-pajjiż, ir-Renju Unit qiegħed iwarrab il-mudell illi ġablu daqshekk ġid matul is-snin ? Kif qal il-finanzjier George Soros, ir-Renju Unit kellu the best of both worlds : membru fl-U.E. b'aċċess għas-suq waħdieni fil-waqt illi żamm il-munita tiegħu (u l-politika monetarja) u ma daħalx fiż-żona Schengen. Imma l-poplu brittaniku qatt ma kien f 'sikktu fi ħdan l-Unjoni u wara snin ta' propaganda qarrieqa ivvota b'maġġoranza żgħira favur il-ħruġ tar-Renju Unit mll- Unjoni. Jekk wieħed jiġġudika mit- ton tal-konferenza ġenerali tal-partit konservattiv illi qiegħed fil-gvern illi saret din il-ġimgħa, donnu l-poplu kollu tar-Renju Unit ivvota bi ħġaru favur il-Brexit. Il-fatt illi 48% tal-elettorat ivvota kontra minkejja l-kampanja fjakka ta' min ried jibqa' fl- Unjoni ġie njorat għal kollox. Ħaġa tassew inkwetanti illi qed titfaċċa fir-Renju Unit huwa s-sentiment kontra l-barrani, speċjalment jekk dan ikun ġej mill-U.E. Sentiment illi deher fiż- żieda ta' reati ta' mibgħedha kontra l-barranin kif ukoll fid-diskorsi waqt din il- konferenza. Theresa May qaltielna illi Brexit tfisser illi r-Renju Unit ser jikkontrolla l-immigrazzjoni, jerġa jieħu s-sovranità u jsir indipendenti. Dan minkejja illi fis-snin twal illi hija kienet ministru tal-intern ma rnexxilhiex trazzan l-immigrazzjoni minn barra l-U.E. U bħallikieku xi ħadd żamm lir-Renju Unit milli jiggwerra fuq il-Falklands jew jieħu sehem fl-invażjoni tal-Iraq. Madankollu, fid- diskorsi tagħha, qiegħda tagħmielha ċara illi hija tipprivileġja l-kontroll fuq l-immigrazzjoni mill-aċċess għas-suq waħdieni. Jekk din hiex posizzjoni negozjali jew le, iż-żmien biss jagħtina parir. Imma dan is- sentiment kontra l-barranin kien anke espress mill- ministru tal-intern preżenti, Amber Rudd, illi pproponiet illi l-kumpaniji jridu jiddikjaraw kemm iħaddmu ħaddiema barranin. U l-ministru tas-saħħa, Jeremy Hunt ħabbar pjanijiet biex l-iskejjel mediċi tar-Renju Unit jibdew iħarġu 1,500 tabib oħra fis-sena. B'hekk, is-Servizz Nazzjonali tas- Saħħa ma jibqax jiddependi fuq it-tobba barranin illi fil-preżent huma kwart mit-tobba kollha. Mossa illi ġiet ikkundannata mill- mexxejja tal-iskejjel mediċi u tat-tobba illi stqarru illi anke llum hemm skejjel mediċi illi m'humiex jimlew il-postijiet disponibbli kollha. It-tajba hi illi kemm Theresa May kif ukoll Amber Rudd u Jeremy Hunt kienu fil- kamp tar-Remain imma jew issa kellhom konverżjoni tassew Damexxiena jew qatt ma kienu Remainers tassew konvinti. Is-sentiment kontra l-barrani jidher ukoll f 'direttiva illi ta l-Foreign Office lil London School of Economics illi ma' jibqax jingħata pariri dwar il-Brexit minn akkademiċi m'hux Brittaniċi. U s-segretarju tal-kummerċ barrani, Liam Fox, wieħed mill-Brexiteers l-aktar ħorox u illi qatt m'hu wisq 'il bogħod mill- kontroversja, qiegħed igħid illi ċ-ċittadini mill-U.E. ser ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fir-Renju Unit sakemm ikun hemm reċiproċità. Kollox sew, wieħed jista' jgħid, imma hemm lok u ħin fejn ċertu sentimenti għandhom jiġu espressi. Jidher ukoll illi kemm il-politiċi Brittaniċi kif ukoll sezzjoni tal-opinjoni pubblika qed jaħsbu illi ser jirnexxielhom iżommu l-aċċess għas-suq waħdieni minkejja illi jridu jikkontrollaw l-immigrazzjoni mill-U.E. Jaħsbu illi s-suq tar- Renju Unit tant huwa kbir u mportanti għall-kumplament tal-U.E. illi l-pajjiżi ndividwali tal-U.E. ma jkunux lesti illi jikkompromettu l-aċċess tal-prodotti tagħhom għalih. Il-mod kif l-industrijalisti tedeski laqgħu d-diskors ta' Merkel din il-ġimgħa għandu jurihom kemm dan m'hux il-każ. Theresa May s'issa kienet ferm kawta kif ser tipproċedi fin-negozjati dwar il-Brexit. Il-Ħadd li għadda ħabret illi ser tispara l-grillu tal-artiklu 50 qabel l-aħħar ta' Marzu tas-sena d-dieħla. Wriet it-tama illi l-kumplament tal- U.E. jibda jiddiskuti t-termini tal-Brexit qabel dan il-bidu formali. Imma l-posizzjoni tal-kumplament tal-U.E. baqgħet ferm riġida u xejn m'hu ser jiġri qabel ma May tibgħat l-ittra illi fiha tinvoka l-artiklu 50. Fid-diskors tagħha fl- għeluq tal-konferenza tal- Konservattivi, May semmiet politiċi tal-passat bħal Joseph Chamberlain, Winston Churchill, Clement Attlee u Margaret Thatcher illi ispirawha. Huwa interessanti illi semmiet lil dawn il- politiċi : Chamberlain u Churchill kienu politiċi m'hux konvenzjonali illi qasmu minn partit għal ieħor; fil-każ ta' Churchill, l-ewwel kien konservattiv, sar liberali u wara rritorna fi ħdan il-konservattivi. Attlee kien laburista illi ħoloq il- welfare state fir-Renju Unit fil-waqt illi Thatcher għamlet minn kollox sabiex tillimita l-effetti tal-istess welfare state u ċċekken il-gvern. Donnha May qiegħda tipprojetta ruħha bħala politiku m'hux konvenzjonali u fil-fatt, bosta mill-proposti tagħhom huma aktar familjari għall- partit laburista milli għal dak konservattiv. May hija l-ewwel politika fir-Renju Unit minn Thatcher 'l hawn illi temmen illi l-gvern jista' jkun forza ta' ġid fis-soċjetà, illi trid illi jkun hemm politika industrijali u illi qiegħda titkellem apertament kontra l-abbużi fost id-diretturi tal-kumpaniji u favur id-drittijiet tal- ħaddiema u tal-konsumaturi. Dawn huma kollha affarijiet illi l-U.E. ippromwoviet bil-kbir imma dan donnu m'hux jirreġistra f 'moħħ May. Qiegħda tgħid illi l-vot tal-Brexit jirrappreżenta rivoluzzjoni bil-kwiet illi l-klassi politika trid tagħti każha. Dan hu minnu imma May qiegħda taqra ħażin il-messaġġ tal-vot. Huwa ċar illi ħafna minn dawk illi vvutaw sabiex joħorġu mill- U.E. għamlu dan għaliex il- globalizzazzjoni tefgħathom lura. Ma fehmux illi l-U.E. huwa strument kbir sabiex itaffi u jirriversja l-effetti tal-globalizzazzjoni. Nieħdu l-eżempju ta' Sunderland illi għandu fabbrika kbira tan-Nissan illi tesporta ħafna mill-produzzjoni tagħha lill-kumplament tal-U.E. Sunderland ivvota bi ħġaru biex jitlaq mill-U.E. Imma issa l-ħaddiema mwerwrin illi ser jitilfu l-impjieg tagħhom għaliex in-Nissan ma tridx tinvesti aktar f 'dan l-impjant sakemm il-gvern tar-Renju Unit ma jwegħdiex kumpens għal kwalunkwe tariffa illi jista' jkun hemm fuq il- prodotti tagħha wara l-Brexit. Iebsa jew ratba : din hi l-mistoqsija illi May trid tirrispondi għaliha fix-xhur u snin li ġejjin. In-nies tan- negozju qegħdin jagħfsu għal Brexit artab fejn ir-Renju Unit iżomm kemm jista' jkun mill-aċċess li għandu għas- suq waħdieni kif ukoll ikollu l-ħaddiema kollha meħtieġa mill-kumplament tal-U.E. Imma l-Brexiteers puri fi ħdan il-partit konservattiv qed jimbuttaw għal Brexit iebes fejn ir-Renju Unit bażikament iqatta' l-karti kollha mal-U.E. sabiex ikun f 'posizzjoni jikkontrolla l-immigrazzjoni. Din il- posizzjoni ideoloġika hija tassew tal-iskantament għaliex l-istatistika kollha turi illi r-Renju Unit jiggwadanja bil-kbir mill-immigrazzjoni, speċjalment dik mill-U.E. L-immigranti qed iwettqu x-xogħol illi ċ-ċittadini Brittaniċi jew ma jistgħux jew ma jridux jagħmlu. Imma huwa argument emottiv ferm qawwi li m'hux lakemm tikkuntrastah. Ir-Renju Unit u l-kumplament tal-U.E. qegħdin fuq rotta ta' kolliżjoni illi l-klassi politika fir-Renju Unit ma tridx jew ma tistax jew tafx tevita. Bħala riżultat ta' dan, il-kontinent kollu ser jiddgħajjef u għalhekk, hu fl-interess ġenerali illi d-divorzju jiġi kkonsmat fl-aqsar żmien possibli ħalli kulħadd jerġa jsib saqajh kemm jista' jkun malajr. JOE ELLIS AĦBARIJIET ONLINE .COM.MT

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 October 2016