Illum previous editions

ILLUM 9 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/736803

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

I x-xahar li għadda Silvio Berlusconi għalaq tmenin sena. It-tycoon tal-media ħoloq notorjetà kbira dwaru nnifsu, l-aktar il-każ tal- "bunga bunga", fejn allegatament kien jikri tfajliet taħt l-età għad- divertiment. Hu magħruf ukoll bħala l-kontrullur tal-Mediaset u tal-klabb tal-futbol AC Milan, li spiċċa f 'idejh fl-1986 u li issa biegħ lill-konsorzju Ċiniż. Dan il-klabb għandu eluf ta' segwaċi akkaniti anki f 'Malta, li jmorru jaraw lit-tim jilgħab fl-Italja. Hu magħruf bħala 'il cavaliere', titlu li ngħatalu għall- Ordni ta' Mertu. Skont ir-rivista Forbes, Berlusconi hu llistjat b'fortuna ta' $7.1 biljun u t-tnax –il persuna l-aktar potenti fid-dinja. Dam għal disa' snin iservi bħala Prim Ministru Taljan b'tendenzi politiċi jxaqilbu mis- Soċjaliżmu sad-Demokrazija Kristjana. Dam kap tal-partit tiegħu tal-lemin Forza Italia mill-1994 sal-2009. Fl-2003 pprova jerġa' jġib fuq saqajh dak il-partit. Fl-istampa Ingliża, Berlusconi kien attakkat ta' spiss f 'The Economist li kien jisħaq li l-PM Taljan kellu bosta kunflitti ta' interessi. Berlusconi twieled f 'Milan u kien miżżewweġ lil Carla Dall'Oglio (1965-1985) u Veronica Lario (1990- 2010). Dakinhar li Berlusconi għalaq 80 sena, il-ġurnal La Repubblica offra servizz esklussiv lill-qarrejja tiegħu, iffirmat minn Eugenio Scalfari, fundatur ta' La Repubblica li kiteb dwar ir-rapport personali bejnu l-eks Prim Ministru Taljan. Jiddeskrivih bħala imprenditur li ried jagħti gost "jisseduċi u jikkmanda, anki bil-favuri mal- ħbieb fejn meħtieġ." Kien jixtieq ukoll li jkun ammirat. Berlusconi, skont Scalfari, kien joffri l-ħbiberija u jekk hemm bżonn anki l-flus u l-poter. Scalfari jiftakar li t-TV Mondadori kienet sejra ħażin u riedet tbigħ. L-uniku akkwirent possibbli kien appuntu Berlusconi. Kellu żewġ palazzi tassew impressjonanti, b'ġonna kbar li f 'nofshom kien hemm saħansitra il-qabar tal-familja bil-lest. Silvio kien anki joffri lill-ħbieb intimi biex jindifnu f 'dak il-musulew. Waħda mis-swali kbar kienet armata bħala ġinnasju. Imma Silvio ma kienx interessat li jipprattika l-isport. "Il-prattika ma tirrendilek xejn. Aħjar tinvesti billi tixtri tim prestiġġjuż u qawwi. - Liema? - L-Inter jew il-Milan." Fil-villa Berlusconi kellu anki s-sala tal-mużika, armata bil-pjanu li fuqu kien idoqq Toscanini. Fiż-żgħożija tiegħu Berlusconi kien ikanta fuq il-vapuri tat-turisti (Milord, Parlami d'amore Mariù, fost oħrajn). Berlusconi ffesteġġja t-tmenin sena tiegħu mal-familja f 'Ancone. Għadhom ifittxuh it-tfajliet biex jieħdu xi stessu miegħu. It-trabi u l-batteriji diġitali L-awtoritajiet tas-saħħa fl- Ingilterra qed jibagħtu messaġġ urġenti lill-ġenituri biex joqogħdu attenti għal uliedhom żgħar li qed ibagħbsu ma' batteriji bħal dawk li jsibu f 'kartolini jdoqqu, ġugarelli u affarijiet oħrajn bil-periklu li jiblgħuhom. Fi sptarijiet maġġuri Ingliżi, qed jiġri li tfal żgħar qed juru li jiblgħu medja ta' batterija kull xahar. Dawn il-batteriji jeħlu fl-esofagu u jistgħu jaħarqu toqba li tikkomprometti s-saħħa diġestiva tat-tarbija, possibilment bil-bżonn ta' operazzjonijiet kumplessi. Dan hu effett ieħor tat-teknoloġija diġitali, qed iwissu t-tobba, u l-ġenituri għandhom responsabbilità kbira lejn is-sigurtà ta' wliedhom. M'għandniex ċifri dwar inċidenti bħal dawn f 'Malta. Iż-żmien tal-iżvalutazzjoni Mid-diversi rivisti li nirċievi regolarment, ftit taż-żmien ilu laqatni l-editorjal li Patri Philip Cutajar OFM Cap kiteb għar-rivista Dawl Franġiskan. Dawn ir-rivisti, li sa ftit ilu kienu joħorġu għal settur ristrett ħafna tas-soċjetà, issa qed jidhru li qed jilqgħu l-isfida taż-żmien. Anki fil-preżentazzjoni għamlu qabża kbira fil-kwalità. Minbarra r-rivista tal-Franġiskani għandi f 'moħħi wkoll dik tal- Karmelitani, dik tas-Sależjani u l-oħra li joħroġ kull xahar il-Kunsill tal-Kappillani (Flimkien). Din hi midja li qed timla vojt u hi ħasra li ma tingħatax aktar attenzjoni fuq il-mezzi tax-xandir. Hi midja li mhix tiddejjaq tanalizza, filosofikament u soċjoloġikament, aspetti kruċjali tal-komunità, anki politiċi. Dak li jikkomunikaw dawn ir-rivisti mhux kondexxenti u jxaqilbu lejn l-interess nazzjonali veru. Intant, biex nerġa' lura għall- editorjal li rreferejt għalih fil- bidu, Patri Cutajar jistaqsi, f 'titlu provokattiv, jekk aħniex qed ngħixu fi żmien ta' żvalutazzjoni. Jibda billi jfakkar li l-kelma żvalutazzjoni normalment tintuża fil-qasam bankarju jew finanzjarju. Nitkellmu dwar l-żvalutazzjoni tal-munita meta pajjiż ikun dahru mal-ħajt. Iżda mbagħad l-editorjal japplika l-kelma "żvalutazzjoni" għal sferi oħra, bħal dawk konnessi mal- morali, l-ambjent u saħansitra l-lingwa. F'dan il-qasam partikolari, Patri Cutajar iqis il-korruzzjoni lingwistika u jagħmel din ir- riflessjoni: "Għalkemm suppost li hemm min hu għassa biex il-Malti jkun miktub u moqri tajjeb fil-mezzi tax-xandir, teżisti taħwida sħiħa." U dan jindika kemm il-qofol kulturali, il-bażi li hi determinanti għall- identità Semitika-Ewropea ta' Malta hu kompromess. Lanqas il-Gvern ma jimpurtah mit-taħwid lingwistiku għax kieku l-Awtorità tax-Xandir ma tippermettix l-aberazzjonijiet li jixxandru, l-aktar fejn jidħlu r-reklami, il-programmi pubbliċitarji (telebejgħ eċċ) u dawk sportivi. Is-sitwazzjoni li qed jirreferi għaliha l-editorjal ta' Dawl Franġiskan turi kemm Malta għandha kriżi ta' valuri u għadha ma sabitx ruħha. Għaddejja minn żmien ta' taqlib li għadha ma tafx kif tvinġi: mill-morali għall-ambjent, mill-ispekulazzjoni tal-art sal- iskandli politiċi, mill-iżvalutazzjoni morali sal-manifestazzjoni ta' reliġjon tal-istatwi u s-santi, Malta Indipendenti, Repubblikana u Ewropea għadha m'għarfitx min hi. Forsi qed naħsdu l-konsegwenzi tad-dominju li tajna lill-mexxejja politiċi u reliġjużi. illum | Il-Ħadd 9 ta' Ottubru 2016 20 Opinjoni It-tmenin sena tat-'tycoon' tal-'media' MARIO AZZOPARDI "Malta għandha kriżi ta' valuri u għadha ma sabitx ruħha. Għaddejja minn żmien ta' taqlib li għadha ma tafx kif tvinġi" Silvio Berlusconi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 October 2016