Illum previous editions

ILLUM 9 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/736803

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 9 ta' Ottubru 2016 | illum Vetturi 23 L-għibien ta' Belinda Cartwright "JIENA tqila." Kien ċert. Kien ċert li ma kienx minn tiegħu. Għalkemm kienet mara ħelwa u kellha ammiraturi bil-bosta, Belinda kienet xi ftit fuq tagħha żżejjed. Hi u r-raġel tagħha Jerry kienu saru qishom kelb u qattus. "X'inhu?" staqsieha dakinhar bil-vini ħomor f 'għajnejh imberrqin. "Inti qiegħda tgħidli…." Kien sar jobgħodha. Is- suspetti li kienet qiegħda taqlibhielu kienu kiluh minn ġewwa. Għamel ħabta joqgħodilha għassa iżda ma kien skopra xejn. Forsi għax ma kienx kapaċi joqgħod għassa kif suppost. Forsi għax kienet indunat. Iżda issa…..issa kien ċert. It- tarbija kienet ta' xi ħadd ieħor żgur. Dak il-lejl, kien l-aħħar lejl li kienet dehret Belinda Cartwright. "Mara b'għajnejha żoroq, xagħarha skur u l-aħħar li dehret kienet liebsa libsa ċelesta bil-fjuri ħomor, twila sa' fuq l-għarqub," ħabbret il-midja xi ġimagħtejn wara, meta ommha kienet għamlet rapport lill-pulizija. "Allura ma għamiltx rapport li l-mara nieqsa?" staqsa l-Ispettur lil Jerry, hekk kif marru jindagaw għandu, ħalli jaraw kienx hemm ħjiel fuq l-għibien ta' Belinda. "Rapport? Min? Jien?" kien qalilhom b'nofs daħka. "Dik telqet ma' ieħor. Ma' dak li ħabbilha," kompla jgħidilhom. "Għadkom anqas biss tafu dik x'pezza ta' mara hi...jekk nibda ngħidilkom fuqha anqas nieqaf. Ħlist minnha. Dak li għamilt. Ħlist minnha." L-Ispettur u l-kuntistabbli ħarsu lejn xulxin minn taħt. Ma kellhomx bżonn kliem. Bejniethom kienu fehmu li r-relazzjoni ta' Jerry u martu xejn ma kienet waħda tajba. "Ċemplitli ta…..ja mgħarrqa li hi…x'ħasbitni lili? Xi purċinell? Eh?" beda jgħidilhom, kważi jiżvoga magħhom. Għalkemm l-Ispettur xtaq isaqsih aktar domandi, ma kellhom l-ebda indikazzjoni li Jerry kien suspettat. Qamu bilwieqfa u resqu lejn il-bieb. Kien dak il-ħin li l-ispettur ġieh f 'moħħu jsaqsih. "Jerry, se nerġa' nsaqsik qabel nitilqu, għandek xi ħjiel fejn setgħet marret?" Jerry infaqa' jidħak. Kixfilhom snienu sofor kollha katarru tas-sigaretti li kien ilu jinġema' kemm kien ilu jpejjep; minn mindu kellu ħmistax-il sena. Snienu qatt ma kien jaħsilhom. Meta kienu miżżewġin, Belinda kienet xebgħet tipprova tbiddillu ħajtu ħalli jibda jgħix ħajja aħjar, qatgħet qalbha tipprova tfehmu li x-xorb li kien ilegleg ta' kuljum ma' sħabu l-maħmuġin kien ħazin, li s-sigaretti li kien ipejjep ta' kuljum kienu qegħdin jaħarqulu l-pulmun, u li l-flus li kien jilgħab kien se jġibhom fil-għawġ. Iżda minn waħda dieħla u mill-oħra ħiereġ. Kliemha kien sar idardru. "Mhux ma' dak iż-żibel illi sabet?" qalilhom. U telqu 'l barra bla ma reġgħu ħarsu lejh. "Nerġgħu niġu," qal l-Ispettur lill-kuntistabbli hekk kif għalqu l-bieb warajhom. Għaddew ġranet, ġimgħat u saħansitra xhur. "Iċċekkjajna fl-isptarijiet lokali kollha. Ħadd ma daħal l-isptar iwelled tarbija b'dak l-isem jew b'dik id- deskrizzjoni." Omm Belinda kienet qiegħda quddiem l-Ispettur. Malli qalilha dak id-diskors, ħasset il-pali ta' jdejha jibdew jgħerrqu. Kienet għadha qiegħda tittama. Għalkemm fil-fond ta' qalbha kienet tinsab ċerta li dak il-maħmuġ ta' raġel li kienet iżżewwget bintha kien għamlilha xi ħaġa hu, xorta t-tama li terġa' tingħaqad ma' bintha kienet għadha qawwija f 'qalbha. Għamlitlu mossa u qabdilha idha. Kważi nħasdet. Ma riditux iħoss l-għaraq ta' jdejha. "Iċċekkjajna wkoll fl- ajruport. Ma telqitx minn Malta żgur." "Imma kieku għadha hawn…" Id-dmugħ kien f 'xifer għajnejha, lest biex jinżel u jxarrbilha ħaddejha li kien qed jimtela tikmix bl-inkwiet kollu li kienet għaddejja minnu. "Skont żewġha, ċemplitlu kemm-il darba." "Jien ngħidilkom li dak qed iżommha maqfula xi mkien. Qiegħda xi mkien ostaġġ. L-aħħar li mort għandu ma ħallinix nidħol!" bdiet tgħidilhom kważi twerżaq. "Sinjura…" ipprova jikkonvinċiha l-Ispettur. "Ma tistax taqbad twaħħal…." "Qed ngħidilkom! Dik żgur hemm qiegħda!" Jumejn wara, reġgħu marru jħabbtulu. Kellhom mandat ta' tfittxija. "Għandna bżonn infittxulek ftit," qalulu hekk kif daħlu fuqu. Milli jidher, Jerry kien qiegħed fil-ġnien isaqqi xi pjanti. F'kantuniera tal-ġnien raw gozz ħwejjeġ mitfugħin ta' kafkaf. "Dawk x'inhuma?" staqsieh l-Ispettur. "Dawk?" qalilhom b'dik in- nofs daħka li kienu qegħdin jidraw. "Ħwejjeġ tagħha. Lestejthom hemm ħalli naħraqhom." "Mela ma ħadithomx magħha ħwejjiġha?" staqsieh l-Ispettur b'ħarsa fissa fuqu. "Inti ma għidtx li telqet? Telqet mingħajr ħwejjeġ?" "Mela. Qabdet u telqet." Kien qed ikellimhom b'mod sarkastiku u kieku kien laħaq ħa t-tazza likwidu rqiq li kienet qiegħda tistennieh fuq it-tavolina tas-salott, kieku kien jinfaqa' jidħak f 'wiċċhom. Kien ħeles minnha. Dak li kien għamel. Tgħid ma kienx ser irabbi tarbija ta' ħaddiehor? Xebgħet tiġri. Kien jaf. Kollox kien jaf. Dakinhar kien ħassha għall-ewwel darba. Weġgħa rqiqa għaddejja min-naħa ta' jdejh tielgħa għal ġo spalltu u testendi sa' sidru. Tgħid bl-inkwiet? Tgħid għax għalkemm kien juri mod, kien propjament mod ieħor? Kollox kien ġara ta' malajr. Dik il-lejla, is-sema kienet skura. Il-qamar kien donnu ddeċieda li jistaħba. Ma kienx hemm stilel. Iż-żiffa wkoll kienet waqfet ħesrem. Anke t-toroq, donnhom kienu aktar silenzjużi mis-soltu. F'dak id-dlam, ħarġet mara minn ġol-għassa. Fl-aħħar kienet iddeċidiet li titkellem. Fl-aħħar kienet marret tat il- verżjoni tagħha. U l-verżjoni tagħha kienet fetħet aktar lok għal suspetti. "Smajthom jiġġieldu. Smajtu jsawwatha. Smajt ħafna biki. Iva, ċerta. Dik il-lejla kienet. Il-lejl li sparixxiet Belinda Cartwright. Qatt ma rajtha aktar." Wara ftit, kienu qegħdin f 'daru, jimmanettjawh, jagħtuh id-drittijiet tiegħu, jagħmlulu t-tfittxijiet neċessarji ġewwa daru. Hekk kif kien qiegħed imsakkar wara l-iżbarra, iċċekkjaw f 'kull kantuniera, daħlu f 'kull gwardarobba, qalgħu xi madum li kellu nofshom imwaħħlin u nofshom le, qalbulu l-ħamrija tal-ġnien kollu, għamlu tfittxijiet estensivi kullimkien. Iżda sa' dak il-ħin, l-ebda ħjiel dwar l-għibien ta' Belinda Cartwright. "Għidilna fejn tinsab. Inti taf żgur," qallu l-ispettur b'leħen sod. Issa kienu jinsabu kważi ċerti li hu kellu x'jaqsam mal-għibien ta' martu. "Ġa għidtilkom. Ma nafx!" weġibhom. Għalkemm kien jaf li kien ħeles minnha, qatt ma ppretenda li l-pulizija kienu ser jaslu s'hawn. "Ser ikollna nżommuk arrestat. Għandek dritt tkellem avukat. Ser inressquk il- qorti għada stess." "X'jiġifieri?" staqsihom, iħoss nifsu kważi jinqata'. "Jien m'għamilt xejn…Belinda telqitni. Dak kollox." "Hemm ħafna affarijiet li qegħdin jitfgħu dawl ikrah fuqek. Issa nara min qed jgħid il-verità. Rawk issawwatha dak il-lejl. Rawk ħiereġ b'xi ħaġa mgeżwra f 'liżar kbir." Jerry reġa 'ħass l-uġigħ f 'sidru. L-inkwiet kien qed jagħmel bih! "Dak…dak għax dakinhar…" beda jlaqlaq. "Kont armejt xi affarijiet li kienu tagħha!" qalilhom iberraq għajnejh u jħoss xufftejh xotti. L-għaraq kien qed ixoqq għalih. Din il- kedda kienet iżżejjed għalih. Kulma ried li għix fil-paċi. Ftit ħin wara, kien qed jitgħawweġ mal-art taċ-ċella. Sa xħin ġabulu t-tabib sabiex jiċċekkjah, Jerry kien diġà mejjet. Kienu l-ħdax u nofs ta' bil-lejl, eżatt ħdax-il xahar wara illi kienet sparixxiet martu. Dak il-lejl, Jerry kien miet b'attakk f 'qalbu. Għalkemm kulħadd kien jaf bl-istorja tal-għibien ta' Belinda Cartwright, il-knisja kienet miżgħuda bin-nies. Min ġie biex jissendika, min kien jaf lilha, min ħass li kellu jmur… Kulħadd kien kurjuż fuq il-fatt li Jerry kien is-suspettat ewlieni fil-każ ta' martu. Iżda hi kienet qiegħda hemm. Omm Belinda kienet qiegħda fit-tarf tal-knisja, tħares u tifli. Kienet għadha qiegħda tittama li b'xi mod issir taf il-verità. "Issa l-verità ndifnet miegħu," kien qalilha l-kuntistabbli ftit qabel. Leħnu kienet għadha qiegħda tisimgħu jidwi f 'widnejha. Għajnejha kienu mdemmgħin. Mhux minħabba l-ġisem bla ħajja li kien jinsab quddiemha magħluq fit-tebut. Le, mhux għalhekk. Imma għaliex bintha l-għażiża kienet ħallietha f 'din id-dinja waħedha. Għaliex kienet qiegħda tħoss in- nuqqas tagħha. U għaliex issa kienet qiegħda taqta' qalbha li terġa' taraha ħajja. Mesħet għajnejha bil- maktur. Xammet ir-riħa ta' nċens li kienet ġejja minn maġenb l-artal. Rat il-ftit nies li kien hemm jagħmlu inkin u joħorġu 'l barra bil-kwiet. Qamet bilwieqfa. Sellmet lill- qassis u daret biex toħroġ 'il barra. Baxxiet rasha u bdiet miexja lejn il-bieb prinċipali. Dak il-ħin għaddiet minn ħdejha. Mara twila, liebsa t-takkuna. Kienet liebsa n-nuċċali tax-xemx, xagħarha miżbugħ aħmar. F'idejha kellha bukkett fjuri. Omm Belinda waqfet. Il- ħoss tat-takkuna fuq l-irħam prezzjuż tal-knisja ma kienx ġibdilha l-attenzjoni. Ir-riħa. Ir-riħa familjari. Dik il-fwieħa……. Dik kienet……. Daret lura u rat lill-mara tpoġġi l-bukkett fjuri qalb l-oħrajn. Marret timxi lejha biex tkellimha, iżda bin-nies jippruvaw joħorġu mill- bankijiet, ma laħqithiex. Daret kullimkien. Ma reġgħetx ratha. Marret lejn il-bukkett tal- fjuri u b'rogħda kbira fuqha, messitu. Rat in-nota. Fetħitha. Qalbha għamlet tikk. "Min jidħak l-aħħar, jidħak l-aħjar." "Belinda?" għajtet hi u ddawwar rasha 'l hemm u 'l hawn. U ħassha ħażin.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 October 2016