Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/736803
Il-Ħadd 9 ta' Ottubru 2016 | illum Sports 31 In-Nisa Maltin fix-xena internazzjonali tal- Weightlifting Olimpiku minn Cristian Antony Muscat IL-WEIGHTLIFTING huwa sport ta' fama internazzjonali li beda jintegra sew fix-xena Maltija f 'dawn l-aħħar snin. L-ewwel darba li ħadu sehem atleti ta' sess femminili f 'kompetizzjoni internazzjonali kien fl-Olimpjadi tas-sena 2000 fl-Awstralja b'parteċipazzjoni ta' 85 kompetitriċi. Wara dan l-avveniment storiku qegħdin naraw żieda qawwija fil-parteċipazzjoni femminili kemm f 'Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali. Sabiex kompetizzjoni tkun suċċess hemm bżonn ta' numru ta' uffiċjali tekniċi b'diversi rwoli li jinkludu l-ġurija, referis, kontrolluri tekniċi u għadd ta' rwoli oħra. B'hekk il-federazzjoni internazzjonali tal- weightlifting (IWF) tħeġġeġ u tagħti ħafna importanza lill-membri femminili għaliex idealment l-ammont ta' uffiċjali nisa waqt kompetizzjoni jkun daqs dak tal-irġiel. Ukoll huwa ferm importanti li waqt il-weigh-in tal-atleti l-uffiċjali preżenti jkunu tal-istess sess. Kien fl-2009, taħt it- tmexxija tal-president il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting (MWA), Jesmond Caruana, li Gayle Caruana flimkien ma' żewġ nisa oħra saru l-ewwel uffiċjali tekniċi femminili Maltin. Is-Sur Caruana minn dejjem ta ħafna importanza lin-nisa f 'dan l-isport, infatti il-federazzjoni Ewropeja (EWF) kienet ħatritu responsabli tal-promozzjoni tas- sess femminili fil- weightlifting fuq livell internazzjonali. Permezz ta' dan, f 'Malta għandna tliet uffiċjali nisa, tnejn tal-Kategorija 1 u waħda tal-Ketgorija 2, kif ukoll nisa oħrajn li qegħdin iħejju ruħhom għall- eżami tagħhom f 'Ottubru li ġej. Intant, dan il-ġurnal tkellem ma' Gayle Caruana nnifisha li tajjeb ngħidu tiġi t-tifla tal- President ferm ħabrieki tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting, Jesmond Caruana, li tatna dawn il-kummenti: "Minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nirrapreżenta lil Malta bħala uffiċjal tekniku waqt xi Olimpjadi. Minn ċkuniti kont insegwi mil-qrib lil missieri fil-karriera tiegħu fil- weightlifting, l-ewwel bħala atleta, imbagħad bħala kowċ kif ukoll uffiċjal tekniku. Il-ħajra tiegħi f 'dan l-isport kompliet tikber tant li urejt xewqa biex nilħaq uffiċjal tal-ogħla kategorija. Ovvjament, l-ambjent ta' familja mimlija entużjażmu għal dan l-isport tkompli timliek b'ċertu ħeġġa u motivazzjoni. Sa mil-2009, kont involuta prattikament f 'kull kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali li ġiet organizzata f 'pajjiżna kif ukoll f 'diversi kompetizzjonijiet li ġew organizzati f 'postijiet bħall-Italja, Ċipru u dan l-aħħar fil-Polonja. Wara li ksibt l-esperjenza neċessarja u l-kunfidenza fil-kapaċitajiet tiegħi ddeċidejt li waqt il- kampjonati Ewropej ta' taħt il-15 u 17-il sena f 'Nowy Tomysl, fil-Polonja, nagħmel l-eżamijiet tat-teorija u l-prattika li wassluni biex nikseb il-liċenzja tal-ogħla livell ta' uffiċjal tekniku tal-Weightlifting. Ninsab ferm kuntenta b'dan is-suċċess li rnexxieli nikseb b'tant ħidma u sagrifiċċju u nħares 'il quddiem sabiex xi darba naqta' xewqti u forsi jkolli l-opportunità li nitla' nirrapreżenta lil Malta bħala uffiċjal tekniku waqt l-Olimpjadi tal-2020 li se jiġu organizzati f 'Tokjo fil- Ġappun," temmet tgħid Gayle Caruana. Gayle Caruana waqt il-Kampjonati Ewropej ta' taħt is-17 -il sena tal-Weightlifting Grupp ta' atleti Maltin jieħdu sehem fl-'iSpartan Race' fl-Awstrija MATUL ix-xahar li għadda, grupp ta' fanatiċi tal-fitness ħadu sehem f 'tellieqa tant missielta magħrufa bħala 'Spartan Race'. Gwidati u mmexxija mill-kowċ tagħhom, Clinton Schembri Francalanza, li huwa 'spartan racer' emerġenti, il-grupp iffaċċa dik illi ġiet proklamata bħala l-aħrax 'Spartan Race' fl-Ewropa kollha. Din it-tellieqa ġiet organizzata fir-reġjun muntanjuż ta' South Tyrol ġewwa l-Awstrija. Il-grupp kien ilu jitħarreġ u jittrenja flimkien, speċifikament għal din it-tellieqa, għal dawn l-aħħar 12-il ġimgħa. Madankollu, il-parteċipanti kkonfermaw kemm din l-esperjenza kienet ħafna aktar diffiċli u iebsa milli wieħed qatt jista' jimmaġina! 'Spartan Race' huwa avveniment ta' tlielaq b'differenza (magħrufa bħala 'trail run'), qalb il- muntanji u f 'toroq mhux pavimentati u b'numru ta' ostakli li wieħed irid jegħleb tul it-triq. Tlielaq bħal dawn huma sfida għal kull atleta li jieħu sehem fihom, fejn fihom tispikka l-aġilità u l-preċiżjoni kif ukoll is-saħħa fiżika u mentali, illi wieħed irid ikollu sabiex jibda u jispiċċa tellieqa ta' dan it-tip b'determinazzjoni qawwija u bi sfida miegħu nnifsu li jegħleb il-biżà li jkollu jaffaċċja tul il-perkors kollu. Aspett ieħor interessanti li joħroġ minn dawn it-tlielaq huwa l-penali li wieħed jeħel jekk ifalli kwalunkwe ostaklu tul it-tellieqa penali ta' 30 ostaklu msejjaħ 'burpee'! Il-grupp Malti pparteċipa fi tliet tipi ta' tlielaq li jikkonsistu fis-segwenti: l-iSprint (5km+), is-Super (13km+) u l-Beast (21km+). is-simbolu tal- għadd (+) jintuża sabiex jagħti indikazzjoni illi tellieqa tista' tkun kemxejn itwal, skont il-bżonn, u fil-fatt fil-każ tat-tlielaq imsemmija li saru fl-Awstrija, id-distanzi varjaw ftit mhux ħażin. Fir-rigward tal-isprint kienet 7.5km, is-Super 17km u l-Beast kienet xejn inqas minn 27km. Il-kowċ Clinton Schembri Francalanza, irnexxielu jagħmel it-tlett itlielaq f ''weekend' wieħed , f 'total ta' tmien sigħat, li bil-lingwaġġ spartan tissejjaħ 'trifecta'. Atleti li ħadu sehem speċifikatament fit-trifecta weekend kien hemm mal-240, li kienu ġejjin minn madwar id-dinja kollha, u l-kowċ Clinton Schembri Francalanza, irnexxielu jikklasifika fis-17-il post, li jista' jitqies bħala riżultat ferm tajjeb u sodisfaċenti mmens! Clinton Schembri Francalanza, ilu jipparteċipa f 'dan it-tip ta' tlielaq (Spartan Races), għal dawn l-aħħar tliet snin, u huwa l-ewwel kowċ f 'Malta ċċertifikat bħala Spartan SGX Coach. Grazzi għall-esperjenza tiegħu f 'dan il-qasam u f 'dan it-tip ta' tlielaq bl-ostakli, kif ukoll għall-għarfien ta' mentors Spartani oħra, huwa għandu l-abilità sabiex iħarreġ persuni li qatt ma kellhom ħeġġa jipprattikaw xi tip ta' sport jew jagħmlu xi attività fiżika, biex jittrasformaw ruħhom f 'atleti esperjenzati biżżejjed sabiex jipparteċipaw u jidħlu għall-isfida li jagħmlu tlielaq ta' dan il-kalibru ('Spartan Races') u jittestjaw il-limiti fiżiċi tagħhom. Spartan Races mhumiex biss kunċett ta' tlielaq, iżda wkoll mezz ta' kif wieħed jegħleb u jirbaħ il-biżgħat personali tiegħu, u fl-istess ħin itejjeb lilu nnifsu. Huma tlielaq fejn kull individwu jiġi wiċċ imb'wiċċ mal-isfidi personali tiegħu. Fil-fatt, jekk malli wieħed jaqbeż l-aħħar ostaklu, f 'dan it-tip ta' tlielaq, illi normalment ikun jinvolvi nar, l-atleta jħossu li jkun akkwista potenzjal ġdid u bla ma jrid jemmen aktar fih innifsu u fis-saħħa fiżika u mentali tiegħu - xi ħaġa li f 'dan it-tip ta' tlielaq hija meħtieġa ferm. Dan kollu kien possibbli grazzi għall-għajnuna ta' nies li jemmnu fl-X3M Spartan SGX coaching, fosthom: 'NYOO Destination Wellness', 'Shapeshifters', 'Eurosport' u 'Mochika Outdoor Life'. L-atleti Maltin li ħadu sehem fl-'iSpartan Race' fl-Awstrija mmexxija mill- kowċ Clinton Schembri Francalanza