Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/741582
"GĦAŻIŻA Eva, B'dispjaċir kbir nixtieq ninfurmak li ħuk, għadu kemm ħalliena." Richard għalaq l-ittra bid- dmugħ f 'għajnejh u newwilha lil suldat mill-kamp tiegħu ħalli jwassalhielu sakemm tasal għand oħt l-aqwa ħabib li kellu. U li kien għadu kemm ħallieh bħal ħafna mill-oħrajn l-oħra. Il-gwerra. Kemm kienet kerha. Kemm kienu ġarrbu telfiet. Nies innoċenti li mietu bla tort. Mar waħdu ftit 'il bogħod mill-kwartieri u beka. Beka sakemm ħassu ma jistax jieħu aktar nifs. Beka sa xħin neħħa x-xena tal-aqwa ħabib li qatt kellu jiġi maqtul quddiem għajnejh mill-għadu. Kien qed iħossu ħati għaliex għalkemm kien qiegħed tefa' ta' ġebla bogħod minnu, ma kienx laħaq salvah. Kien ħalliehom joqtluh. "Qed inħoss il-bard," kien qallu Terence, ftit wara li sparawlu. Dak il-ħin, fil-kamp tal- battalja kien waqa' silenzju kbir. Silenzju profond. Donnu l-ħin waqaf. Kollox iffriża. U ma kien fadal xejn importanti. Terence u Richard, l-akbar żewġt iħbieb. "Tagħlaqx għajnejk! Żomm miegħi!" kien qallu Richard. Kien dawwarlu ftit rasu ħalli jħares f 'għajnejh u ma jarax in-nixxiegħa demm li kien ħiereġ minn ġismu stess. Kien qed jitlef ħafna demm. Richard kien neża' l-flokk u pprova jdawru miegħu kif seta' ħalli jnaqqas iċ-ċans li Terence jiżvina. Iżda wara ftit, rah jieħu l-aħħar nifs u ħass difrejn sieħbu jagħfsu mal-pala ta' idu sakemm telaqlu jdejh għal kollox u Richard induna li sieħbu kien telqu. Għajnejh kienu għadhom fissi f 'tiegħu, issa b'espressjoni vojta, 'il bogħod għal kollox. L-għadu. Kienu qabda tfal li kienu jkunu mġiegħla jiġġieldu għal pajjiżhom. Qabda tfal li ma kinux jafu jekk kinux se jerġgħu lura ħalli jerġgħu jmorru fi ħdan l-għeżież tagħhom. Ftit wara, Eva kienet bagħtitlu ittra lura, fejn irringrazzjatu talli kien infurmaha bil-mewt tal-għażiż ħuha. "Jekk jiġrili xi ħaġa, Richard, ibagħtilha lil oħti. Lili biss għandha u nixtieq li tkun taf," kien jgħidlu, jagħfaslu jdejh. "Tgħidx ħmerijiet Terence, aħna sejrin lura flimkien." Iżda issa ma kienx hekk. Kien inbidel kollox. Kien ħallieh waħdu. Waħdu qalb din il- kesħa, qalb postijiet mudlama, qalb uċuh imdejqa, koroh, imbikkmin... L-indirizz ta' oħt Terence kien sabu fil-ktejjeb tiegħu fejn kien iżomm xi notamenti li kien jieħu. Lanqas qatt ma basar li lil Eva kien se jibqa' jiktbilha l-ittri. Kienet saret il-wens tiegħu. Hekk ma kienx iħoss in- nuqqas ta' Terence daqskemm kien ħaseb. Għalkemm qatt ma kien iltaqa' magħha, oħtu kienet saret parti minn ħajtu. Kienu jiktbu diversi ittri lil xulxin fil-ġimgħa. Fil-bidu, kienu jkunu astratti u Richard kien qagħad jgħidilha fuq kemm kien qalbieni ħuha u kemm kien iħobbu. Iżda mbagħad kienu bdew jiktbu fuq affarijiet personali u bla ma jaf kif u x'fatta, kull ħaġa li tiġrilu, erħilu jitlaq jiġri lejn il- ktejjeb li kien iżomm, iħażżeż ittra ta' malajr u jimpustaha ma' xi wieħed minn sħabu li kien imissu jibgħat l-ittri. "Eva, kieku taf kemm nixtieq narak," kien qalilha f 'waħda mill-ittri. "Richard, anke jien. Però jiena nemmen li tant hi kbira l-imħabba tagħna li m'għandhiex lok għal sbuħija. Jien inħobb ruħek u lilek minn ġewwa. Huwa irrelevanti kif tidher. U kif nidher, jekk veru tħobbni kif tgħidli..." "Eva, jien inħobbok tkun kif tkun.....imnalla kont int għalija. Hekk għandi ma' min nitkellem. Ma' min niftaħ qalbi." Eva kienet saret tfisser ħafna għalih. Bil-lejl, hekk kif kienu jitfu d-dawl tal-kamp, xħin kien isib ruħu mimdud qalb sodod fuq xulxin, bilkemm tista' tiċċaqlaq, kien joqgħod jaħseb fuqha. Tgħid kienet sabiħa? Tgħid leħinha kif kien? Idejha kienu fini? Il-ġilda bajda, sabiħa.... tgħid kienet togħġbu kieku kellu jaraha? "Eva, int l-unika raġuni għaliex jien għadni b'saħħti, dejjem nittama. Nittama li narak," kien qalilha. Imbagħad kienet waslet dik il-ġurnata. Ġurnata fejn kien tela' fuq ajruplan militari u waqt li kien għaddej fl-ajru hemm fuq, Richard kien safa attakkat. Eżatt malli ħass il-balla għaddejja minn ġol-ħadid tal- ajruplan, it-theżżiża, il-leħħa ta' dawl quddiem għajnejh, induna li ħajtu kienet f 'xifer l-irdum. Kien ġie attakkat! Issielet kif seta' mal-istering tal-ajruplan u ħass lilu nnifsu nieżel 'l isfel b'kollox. Niżel fil-baħar u ħass l-impatt. "Richard, jien inħobbok kif int." Għalkemm kien għadu qatt ma raha, dakinhar ġabha quddiem għajnejh u semagħha tkellmu. "Irrid narak, Richard. Titlaqnix." Kliemha semgħu jidwi f 'widnejh hekk kif niżel fl-ilma u beda jissielet għal ħajtu. "Eva!" għajjat hekk kif ħass l-ilma tal-oċean dieħel f 'ħalqu u nieżel fi griżmejh. Iżda kien jaf li llum kien qiegħed hemmhekk bis-saħħa tagħha. Ħass qalbu trid toħroġ minn ġo sidru. L-arloġġ il-kbir ta' taħt il- kampnar tal-knisja tar-raħal kien qed jimmarka t-tmienja u nofs neqsin ħames minuti. "Fit-tmienja u nofs fil-pjazza tal-Mosta." Hekk kienet kitbitlu. Eżatt malli kienu spiċċaw l-aħħar battalja, kienu jafu li l-gwerra kienet spiċċat u li kienu se jirritornaw lura lejn Malta fuq bastiment kbir. Waqt li kien fuq il-baħar, Richard kien jaf li Eva kienet l-unika raġuni li kienet żammitu ħaj. Dakinhar tal- attakk fl-ajru, Richard kien baqa' ħaj sforz tant kemm xtaq jaraha u jiltaqa' magħha. Issa kien qed jistennieha fil-pjazza tal-Mosta, eżatt kif ftiehmu. Tliet snin sħaħ. Daqshekk kien ilu jiktbilha. Daqshekk kien ilu nieqes sieħbu Terence. F'idejh kien qed iżomm il- ġiżrana li kien dejjem jilbes sieħbu u xi affarijiet personali li kien ħalla warajh. Richard kien ħa ħsieb jiġborlu kollox u jġibhom hawn miegħu ħalli jagħtihom lil Eva. Eva. Kellu seba' mitt sena sakemm jaraha għall-ewwel darba. Però, parti minnu kien qed jibża' li forsi ma kinitx kif dejjem immaġinaha. Forsi ma kinitx se togħġbu. "Eva, jien inħobbok, tkun kif tkun..." ftakar fi kliemu stess li kien kiteb fuq ittra minnhom. "Eva," qal lilu nnifsu hekk kif kien qed iħoss l-għaraq ixoqq għalih. Fl-aħħar kienet waslet din il-ġurnata li tant kien ilu jistenna. Iżda issa li waslet kien qed iħossu eċitat għall-aħħar. Irranġa ftit il-libsa pulita li kien libes, l-ingravata u ta daqqa b'idu fuq xagħru. Fil-pjazza kien hemm ħafna nies u Richard kien qed jinkwieta li ma jarahiex. "Jiena se inkun liebsa fjura bajda f 'xagħri," kienet kitbitlu. Għajnejh kienu qiegħdin iżebbġu aktar minn raddiena tal-ilma fir-riħ qawwi. Issa ried jaraha. Ried jagħmel mod jaqta' l-kundanna. Kien dak il-ħin li lemaħ tfajla għaddejja eżatt minn miegħu. Ejja ngħiduha kif inhi, Richard ma kienx ġuvni ikrah. It-tfajliet kienu jiekluh. Kien twil, mibni, xagħar iswed folt u par għajnejn ħodor li kienu jiżbukkaw f 'wiċċu. Ma kinitx ħażin, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Iżda għalkemm xtaq li jaralha fjura bajda f 'xagħarha, ma ra xejn. Baqgħet sejra. Reġa' ta daqqa t'għajn lejn l-arloġġ tal-knisja. Kienu saru t-tmienja u nofs preċiż. Issa seta' kważi jisma' qalbu tħabbat minn taħt l-ingravata u jdejh kienu qegħdin jimtlew għaraq. Ra tfajla oħra. Ħass fawra tiela' għal rasu hekk kif kienet ġejja d-direzzjoni tiegħu. Kemm xtaq li din kienet Eva! Kienet twila, gustuża u liebsa libsa ħamra grazzjuża. Hekk kif kienet kważi waslet ħdejh setgħa jinnota li kellha xagħarha iswed lixx, sabiħ u għajnejn kbar, kbar, kulur il-lewża. Beda jberraq għajnejh lejha ħalli jara jekk kellhiex xi tip ta' warda bajda ma' rasha jew xi mkien. Iżda b'dispjaċir kbir induna li ma kellhiex. "Kemm jien sfortunat," qal bejnu u bejn ruħu, hekk kif għaddiet din it-tfajla minn ħdejh u tbissmitlu ftit. Peress li ma kellhiex il-fjura l-bajda, Richard qagħad lura u eżatt malli għaddiet din it-tfajla minn maġenbu, jaraha quddiemu. Kienet qasira u mimlija, liebsa libsa sempliċi. Wiċċha kien xi ftit imkemmex u beda jaħseb li din il-mara kienet ikbar minnu mhux ħażin. Ra li din il-mara, li l-apparenza tagħha xejn ma kienet tiġbdek, kienet liebsa fjura bajda f 'rasha. Għalkemm fi sbuħitha xejn ma kienet laqtitu, Richard beda jħoss li xorta jħobbha. Richard kien iħobb dak li kienet hi minn ġewwa. Dak li kienet tgħidlu, dak li kienu jgħidu bejniethom. Bla ma ħasibha darbtejn, telaq iħaffef lejn il-mara. "Eva!" qalilha, jiftaħ idejh sabiex jgħannaqha. "Inti Richard?" staqsietu. "Jien hu," weġibha. "Fl-aħħar qed narak! Ejja, imxi...ejja ħalli mmorru xi mkien nieklu flimkien ħalli nsiru nafu aktar lil xulxin!" "Stenna, Richard..." qaltlu. "Jien ma nafx eżatt x'inhu jiġri." "X'inti tgħid?" staqsieha jħares lejha u jinduna li mill- qrib kellha iktar tikmix milli kien immaġina mill-bogħod. "Isma, din il-fjura tathieli dik it-tfajla li għadha kemm għaddiet minn hawn, li kienet liebsa libsa ħamra. Qaltli għandu jiġi wieħed jismu Richard ikellmek. Jekk jiġi u jistiednek miegħu, għidlu li jiena se nkun qiegħda nistennieh fil-ħanut tal- kantuniera eżatt faċċata!" "Dik Eva?" staqsieha Richard b'ħalqu miftuħ. "Dik Eva." Malli fetħet ħalqha biex tkompli tkellmu, indunat li Richard kien diġà telaq jiġri lejn il-ħanut indikat, saqajh bilkemm imissu mal-art! illum | Il-Ħadd 23 ta' Ottubru 2016 22 Rakkont Sharon Calleja L-ittri lil Eva