Illum previous editions

ILLUM 30 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/744534

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 39

F'XI wieħed minn dawn l-artikli kont ktibt dwar drawwa li kien hawn f 'xi pajjiżi fl-Ewropa u l-Amerka malli t-teknoloġija tal-fotografija bdiet tipperfezzjona ruħha u ssir aktar aċċessibbli, li n-nies jieħdu ritratti mal-katavru ta' xi qarib li kien ikun għadu kemm ħalliehom. U kont ktibt kif dawn ir-ritratti kienu juru lil dan il-katavru mlibbes pulit u sabiħ u saħansitra mqiegħed f 'poża – ġieli anki bilwieqfa! – li tagħmilha diffiċli li wieħed jintebaħ li dak hu katavru. Għalkemm din id-drawwa kienet l-aktar invoga fil-perjodu Vittorjan, u mbagħad mietet anki hi b'mewta naturali, għad hawn xi rkejjen fejn għadha ssir. Il-ħsieb wara idea li aktarx tidhrilna morbuża jekk mhux ukoll abberranti, kien li l-familji kienu jridu jippreservaw xbieha ta' dak ix-xi ħadd għażiż. Ħafna minn dawn ir-ritratti, fil-fatt, juru tfal żgħar li kienu jmutu b'xi waħda mill-ħafna mardiet fatali li kien hawn f 'dawk iż-żminijiet. Terġa' u tgħid, ħafna familji ma kien ikollhom ebda ritratt tal-familjari għajr dak tal-katavru mlibbes u ppreparat għall- okkażjoni. Ir-ritratt, il-meravilja tas- seklu dsatax, kien l-unika tifkira viżiva ta' dawn il-mejtin. Miniex se nagħmel riflessjoni fuq Jum il-Mejtin Kollha u lanqas ma jien qed naqbad is-suġġett proprju għax wasalna f 'dik il-ġimgħa meta n-naħa tagħna tad-dinja tiftakar fil-mejtin. L-osservazzjoni reġgħet ġiet f 'moħħi propju għaliex dan l-aħħar il-Vatikan ħareġ bi struzzjonijiet lill-fidili dwar id-dfin ta' katavri jew l-irmied tagħhom. Il-Knisja Kattolika damet ħafna ma aċċettat li katavru jista' jiġi kkremat, li bniedem jista' jippreferi li jiġix imrodd lura lill-art sakemm mhux fi trab fin. Bl-idea li dak il- ġisem għad irid jerġa' jqum mill-mewt biex flimkien mar-ruħ imur igawdi l-ħajja ta' dejjem (jew id-dannazzjoni eterna) il-Knisja kienet tisħaq li l-fidili ma kellhomx jiddisponu rwieħhom mill-katavri jekk mhux billi jordmuhom taħt l-art. Daqs ħamsin sena ilu, imbagħad, il-Knisja aċċettat li xi wħud mill-fidili tagħha xtaqu li ġisimhom jiġi kkremat u għalkemm baqgħet tippreferi d-dfin la antika, aċċettat din ix-xewqa u ma baqgħetx tiċħad ir-rit Kattoliku lil dawk li qabel jindifnu kienu jsiru rmied. Il-kwistjoni li l-Knisja qiegħda tinkwieta dwarha issa hija xi jsir bl-irmied ta' katavru kkremat. Ħafna nies jixtiequ li l-fdalijiet tal-katavru tagħhom għandhom jixxerrdu xi mkien għal qalb dik il-persuna, jew jinżammu d-dar li fiha ħallew lil-familja tagħhom warajhom. Naf b'xi ħadd li ħalla istruzzjonijiet biex l-irmied jinxteħtu għal isfel minn waħda mill-ogħla muntanji ta' pajjiżu. Imma fil-jiem li għaddew, il-Knisja ħarġet istruzzjonijiet biex l-irmied jindifen taħt l-art mal-fdalijiet ta' iġsma oħrajn. Milli jidher, l-inkwiet tal-Knisja hu li dawn ir-ritwali postkremazzjoni għandhom xi rabtiet ma' ideat filosofiċi li hija topponi, bħal, ngħidu aħna l-panteiżmu u n-naturaliżmu, filosofiji li, skont il- Kattoliċiżmu, jagħrfu lin-natura bħala suprema u jqisu l-ħolqien mhux bħala xogħol Alla iżda alla nnifsu. Il-kwistjoni – kif naraha jien – hija li l-Knisja Kattolika għadha sal- lum tiskomoda ruħha bil-ġisem uman. Għal snin twal, anzi minn dejjem, il-Knisja ħadet pożizzjonijiet kontradittorji versu l-ġisem: fuq naħa ċaħda awstera u axxetika, bl-insistenza li l-ġisem huwa s-sors tad-dnub; u fuq l-oħra ritwali u ideat li jagħmlu lill- Kattoliċiżmu l-aktar reliġjon korporali li tista' timmaġina. L-importanza li l-Kattoliċiżmu ta lill-ġisem, ibda mill- fatt li ta' kuljum il-fidili jieklu l-ġisem u jixorbu d-demm tal-fundatur tar- reliġjon tagħhom, sal-ħemel xbihat impittra u skolpiti ta' qaddisin u figuri reliġjużi, inklużi anġli u kerubini għeriewen, mhi paragunabbli ma' ebda reliġjon oħra. Imma sadattant, it-tagħlim Kattoliku għadu jinsisti, mid-dehra, li l-ġisem li nġorru, anzi, il-ġisem li jġorrna, li jagħmilna dak li aħna, mhuwiex il-proprjetà tagħna. Il-Knisja qiegħda tiċħad lill-fidili tagħha d-dritt li jiddisponu minn ġisimhom, mill-ġisem tagħhom, kif jixtiequ huma. Lil hinn minn suspetti ta' panteiżmu u l-filosofija tal-Era l-Ġdida, il-preokkupazzjoni tal-Knisja hija dwar ta' min hu dak il-katavru: huwiex ta' min kien meta kien għadu jieħu nifs, jew huwiex ta' ħaddieħor. M'għandix dubju li min irid il-fdalijiet tiegħu jixxerrdu mal- erbat irjieħ, jew jistrieħu f 'urna fis-salott fejn kien jara t-televixin, jew magħluqin f 'pendent jistrieħ imdendel fuq sider min kien iħobb, se jagħmel dan minkejja l-istruzzjonijiet ta' ftit jiem ilu. Intant, f 'dawn l-aħħar snin, Jum il-Mejtin Kollha minflok il-kulur tal-vistu sar jiġi ċċelebrat bl-oranġo vibranti tal-qargħa ħamra. Hemm teoriji differenti mnejn oriġinat ir- rabta bejn din il-frotta u l-mejtin. Li hu żgur hu li f 'Malta, sa ftit snin ilu, dil-frotta kbira kont tassoċjaha mal-minestra mhux mal-mewt, imma kif sfortunatament ġara b'affarijiet oħrajn, iddeċidejna li nirtu drawwa Amerikana u naħsbuha tagħhna. Mhix. Iżda drawwiet marbutin mal- mewt u l-ħajja ta' wara din, il-Maltin tal-qargħa ħamra fil-minestra flok tixgħel fit-tieqa, kellhom. Fi tmiem din il-ġimgħa, jekk int interessat, Heritage Malta se torganizza lejl ta' riflessjonijet artistiċi dwar il-mewt u l-ħajja eterna, flimkien ma' ikla u drawwiet oħrajn lokali marbutin mal-Għid tal-Imwiet, fil-Palazz tal- Inkwiżitur. (Iktar informazzjoni fuq www.heritagemalta.org). Jekk nibqgħu ħajjin – kif kienu jgħidu l-antiki – niċċelebraw il-mewt hemmhekk. illum | Il-Ħadd 30 ta' Ottubru 2016 Opinjoni 18 Memento Mori IMMANUEL MIFSUD Il-Hamis TVM 20:50 "Drawwiet marbutin mal-mewt u l-ħajja ta' wara din, il-Maltin tal-qargħa ħamra fil- minestra flok tixgħel fit-tieqa, kellhom"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 October 2016