Illum previous editions

ILLUM 30 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/744534

Contents of this Issue

Navigation

Page 25 of 39

illum | Il-Ħadd 30 ta' Ottubru 2016 26 Pjazzetta Three Monks 8+ Din hi storja addattata minn leġġenda antika Ċiniża. Fuq muntanja 'l bogħod kien hemm tempju żgħir. F'dan it-tempju kienu jgħixu patri anzjan u tliet patrijiet żgħażagħ. Jum fost l-oħrajn, il-patri anzjan staqsa lill-istudenti tiegħu għadhomx jiftakru għalfejn kienu marru hemm. Il-mistoqsija fakkrithom f 'dak li kienu ltaqgħu miegħu meta kienu għadhom kif waslu fuq il-muntanja. L-ewwel wieħed kien patri mqareb u fuq tiegħu. Li ġġorr l-ilma fuq il-muntanja mhux xi xogħol ħafif. Il-patri żagħżugħ kien għen lill-patri anzjan iġorr l-ilma imma ma damx ma waqa' fil-bir. B'xorti tajba l-imgħallem tiegħu għenu jitla' minn hemm. Wara dan, it-tnejn bdew iġorru l-ilma flimkien waqt li jkantaw siltiet mill-Iskrittura Buddista, jitgħallmu l-Buddiżmu flimkien, u jgħixu ħajja kuntenta. It-tieni wieħed kien patri oħxon u żaqqiq. Dan kien tajjeb ħafna fil-Kung Fu Ċiniż. Allura, min minnhom it-tnejn kien se jġorr l-ilma? Wara ħafna, qatgħuha li jġorru l-ilma flimkien, kif ukoll jaħdmu flimkien u jixorbu flimkien ukoll! It-tielet wieħed kien patri rqiq, il-ġurnata kollha bl-iskroll tal- Iskrittura f 'idejh. Issa, min minn dawn it-tliet patrijiet se jġorr l-ilma? Jekk ma jġorru ħadd, ma jkollhomx ilma x'jixorbu. Imma darba waħda, il-lampa taż-żejt fit-tempju nqalbet u qabbdet nar kbir – u tkun propju din il-ħaġa li jirnexxilha tgħaqqad lit-tliet patrijiet flimkien. Home 10+ Home tesplora l-kunċett tal- identità. Iċ-ċaqliq u d-dinamiċi li l-ħin kollu jinbidlu u li jiddeterminaw min aħna jipprovdu kostrutt fluwidament evolut li jesplora ċ-ċiklu tal- ħajja. F'dan ix-xogħol ġdid, b'koreografija tad-direttur artistiku Mavin Khoo, iż- żeffiena ta' ŻfinMalta Dance Ensemble jinsġu narrattiva ċinematika permezz ta' leħen ewlieni skont kif tidher fil- vjaġġ tal-ħajja ta' raġel waħdu. Akkumpanjat mill-'ħsibijiet' tal-eżistenza preċedenti tiegħu, huwa jimxi l-vjaġġ ċiċliku tal-ħajja waqt li jgħaddi mill-esperjenza tat-twelid, it- tfulija, l-imħabba, it-traġedja u l-mewt. Iż-żifna titlobna nqisu mill-ġdid il-kunċett ta' dar bħala post strutturali fejn wieħed jgħix. Jidher li l-kostruzzjoni tal-identità permezz tan- navigazzjoni kostanti tal- ħajja qalb ir-regoli soċjali jiddetermina min aħna. Imma għaliex? Ineż kienet Perf(etta) Ineż għandha erbatax-il sena. Perf: popolari, sabiħa, fuq tagħha, ribelluża, qaddisa anġlu, itellagħlek elf like fuq Facebook. Perfetta. Speċi ta'. Ineż nieqsa. Sparixxiet ħabta u sabta hi u sejra d-dar is-Sibt filgħaxija u ħadd ma jaf fejn marret, xi ġralha – jew x'għamlulha. F'pajjiż daqs tikka bħal Malta, fejn huwa impossibbli li tintilef jew tistaħba, iż-żejt jibda tiela' f 'wiċċ l-ilma, u dak li ma jistgħux jiskopru l-Pulizija qiegħed joħroġ bil- mod il-mod fost iż-żgħażagħ li lil Ineż kienu jafuha – u li Perf(etta) ma tantx kienu jarawha. Dawk li jiffrankaw il- ġuri tal-qrati għax m'hemmx provi kontrihom għandhom ġuri ieħor x'jiffaċċjaw: dak ta' soċjetà dejjem lesta tiġġudika u tipponta subgħajha. U fuq kollox, din Ineż x'wassalha biex tibda ġġib ruħha kif bosta nnutawha ftit qabel ma sparixxiet? Għax forsi Ineż perfetta ma kinitx – imma donnu kulħadd riedha tkun, b'xi mod jew ieħor, l-ideal tiegħu – mingħajr ma ta nifs lil din it-tfajla biex tkun dak li verament trid hi. Ineż kienet Perf(etta) huwa dramm għaż-żgħażagħ miktub minn Simone Spiteri u mtella' minn Studio 18 (it-tim ta' #babydaddy), ibbażat u ispirat b'mod ħafif mir-rumanz ta' Anton Manwel Caruana, Ineż Farruġ. Ambjentat f 'dinja kontemporanja taż-żgħażagħ Maltin, l-istorja tipprova tifhem min hi Ineż tal-2016 u jekk għadhiex bla vuċi bħal dik ta' Caruana fl-1421. Għax forsi tfajla għandha ħajja iktar libera fisseklu wieħed u għoxrin – imma l-pressjoni li s-soċjetà titfa' fuqha biex tissodisfa l-ideali impossibbli ta' dawk kollha ta' madwarha għadha sfida kbira. Din il-produzzjoni fiha lingwaġġ qawwi li mhux addattat għal tfal taħt it-13-il sena. Produzzjonijiet għat-tfal u żgħażagħ f 'Żigużajg Familja sfrattata li tħammar wiċċ Luċifru nnifsu, f 'Irbaħt il-Lottu TARAHOM, taħsibhomx xempju ta' familja eżemplari Maltija? Imma taħt it-tbissim, il-manjieri tajba u wirja ta' ċiviltà, hemm stampa kerha li twaħħax, kif ukoll tifqa' bid-daħq, għax hija familja sfrattata li saħansitra tħammar wiċċ Luċifru nnifsu! Irbaħt il-Lottu huwa r-raba' dramm bil-Malti ta' Mario Philip Azzopardi ippreżentati fit-Teatru Manoel f 'dawn l-aħħar tmien snin, u l-produzzjoni numru tlettax mingħand il-kumpanija teatrali Staġun Teatru Malti, li llum tiggarantixxi xogħol professjonali, relevanti u, l-ewwel u qabel kollox, xogħol Malti, dwar il-Maltin minn Maltin. L-istorja hija oriġinalissima u qed tiġi preżentata b'mod tassew innovattiv, b'xeni qosra, mexxejja u li ma jaqtgħu qatt, minn hekk kif jitla' s-separju sakemm ma jerġa' jinżel. Huwa stil kważi kważi ċinematografiku u dan speċjalment meta tqis li l-kittieb, li qiegħed ukoll jidderiġi, huwa direttur ċinematoġrafiku. F'din il- produzzjoni, se naraw kif l-arti taċ-ċinema influwenzat dik teatrali f 'dak li huwa stil, djalogu u xeni. Għandu jkun esperiment interessantissimu u f 'id artisti bħal Chris Spiteri, Simon Curmi, Lorianne D'Ugo, Mariele Zammit, Jamie Cardona, Marvic Cardona, Sean Briffa u Vince Pule, allura s-suċċess huwa garantit. Chris Spiteri, li llum huwa meqjus bħala wieħed mill- aqwa atturi komiċi li għandna f 'Malta, qed jidher fil-parti ta' Mike Buttiġieġ, il-missier ta' familja xellerata, li darba minnhom jirbaħ il-lottu. Jaf li f 'idejn familtu, ir-rebħa tgħib hekk kif imissu mal-flus. Ma jgħidilhom xejn dwar ir-rebħa u hawn jibdew il-praspar u l-ġennati li ma jaqtgħu xejn f 'din il-kummiedja bla rażan u bla ħajta f 'ilsienha. Titilfux din il-kummiedja satirika Irbaħt il-Lottu li fetħet fit-teatru Manoel nhar il-Ġimgħa 28 t' Ottubru għal tmien rappreżentazzjonijiet sas-6 ta' Novembru. Garanzija ta' lejla maġika fit-teatru nazzjonali b'xogħol mill-aqwa. Ċemplu 21246389 jew morru fis-sit teatrumanoel.com.mt, jew mit-teatru stess.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 October 2016