Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/750771
G ħalkemm ilni nsegwi l-politika kemm lokali kif ukoll barranija minn kemm ilni niftakar, dejjem bqajt 'il bogħod mill-politika attiva. Dan bl-eċċezzjoni għall-intervall żgħir fl-1998 meta l-gvern laburista kien deherlu li għandu jirtira l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dejjem ħassejt ċerta antipatija għall-poter u għalhekk, dejjem bqajt lura. Verament dejjem sibt ħafna x'nagħmel u kelli d-diżappunti u s-sodisfazzjonijiet tiegħi bħalma lkoll ikollna. Fil-ħajja tgħallimt nieħu gost bl-affarijiet iż-żgħar. Il-ġimgħa l-oħra mort mixja żgħira l-Qbajjar u x-Xwejni u ltqajt ma ħabib antik. Ma stajtx ma nifraħx miegħu bis-sbuħija illi offrietilna n-natura f 'dik l-għodwa tal-ħarifa. Il-ferħ mhux neċessarjament marbut mal- flus jew mal-poter. Il-ferħ illi wieħed jista' jnissel meta jisma' xi biċċa mużika jew jitgħaxxaq b'xi pittura mhux faċli tittraduċih f 'termini monetarji. U fortunatament matul is-snin, spiċċajt napprezza dejjem aktar il-mużika, speċjalment dik klassika ta' kull epoka. Din il-ġimgħa, kont ħiereġ mill-Qorti u ltqajt ma' ħabib li miegħu spiċċajt nieħu kafè. Stqarr miegħi kemm skanta illi ħriġt għall- politika. Qalli illi l-politiċi llum huma mistmerra minn kulħadd u ħadd ma jafdahom. Ma stajtx ma nagħtihx raġun. L-istess sentiment esprimewh miegħi bosta ħbieb oħra. Ħabib ieħor, ferm viċin għall-Partit Laburista, ukoll ċewwiċni u qalli illi messni bqajt wara l-kwinti kif jagħmel hu. U bħalu kien hemm oħrajn illi wkoll skantaw bl-għażla tiegħi: min qalli illi trid toqgħod attent li ma tintużax, min qalli illi l-istil tiegħi mhuwiex populari mal- elettorat u bosta affarijiet oħra. Dawn ilkoll għandhom raġun. Verament illum ma tantx wieħed għandu xi jħajru għall-politika. Min qiegħed fi professjoni, jista' faċilment jaqla' aktar flus milli jista' jaspira illi jaqla' onestament mill-politika. U dan bil-kwiet u taħt ir-radar, mingħajr ma wieħed jikxef għajnu u jkun suġġett għaz- zekzik tan-nies. Ovvjament, dan ir-raġunament japplika biss għal min jidħol fil- politika b'intenzjonijiet retti. Min m'għandux dawn l-intenzjonijiet, allura possibilment iħares lejn il-politika bħala mezz ta' arrikkiment. Din il-kwistjoni tal-politiċi u l-flus minn dejjem kienet ferm relevanti. Qabel l-Independenza, min kien jopponi l-ħakma kolonjali kien jispiċċa eskluż għal kollox mill-manna tal-gvern. Prattika li xi ftit jew wisq għadha preżenti llum imma hi anqas effettiva peress illi l-ekonomija espandiet ferm. Mhux ta' b'xejn illi l-aktar illi kienu joppunu l-gvern kolonjali kienu professjonisti liberi bħal avukati, tobba u periti. Imma anke dan kien isir b'sagrifiċċju personali konsiderevoli. Jirrakkuntaw illi meta miet Nerik Mizzi wara illi kien ilu xi erba' xhur biss Prim Ministru, iż- żarbun li kien libes fit-tebut kien imtaqqab. Kien l-unika żarbun illi kellu. U l-armla tiegħu, bint Maestro Paolino Vassallo, mantniet ruħha billi tat il-privat tal-pjanu. Illum forsi ftit huma dawk illi huma lesti illi jpoġġu l-prinċipji tagħhom qabel il- but tagħhom. Għal bosta, il- marka tas-suċċess hi kemm jirnexxielhom jakkumulaw ġid ta' kull xorta matul ħajjithom. U min jidħol fil-politika jrid jirrispondi għad-domandi jekk wieħed ikabbar il-ġid tiegħu meta jkun fil-poter. Barra minn hekk, min ser joħroġ għall-politika jrid ilesti ruħu għall-insulti minn min m'għandux grazzja miegħu jew min għandu aġenda x'javvanza. Irid lesti ruħu għall-attakki, ġustifikati jew le, mill- antogonisti tiegħu. Irid ikun lest għall-gambetti minn sħabu illi jkollhom interess illi jxekklu l-mixja tiegħu. U jrid jistenna attakki medjatiċi illi jistgħu jkollhom skop ftit ġenwin. Barra minn hekk, irid ikun lest illi jiġi umiljat b'riżultat illi ma jilħaqx l-aspettattivi tiegħu minkejja l-isforzi li jkun għamel. Għax il-poplu jieħu grazzja miegħek jew jumbrak u mhux la kemm taqbad art x'ser jagħmel. Tassew li min joħroġ għall-politika jrid ikollu ġilda ħoxna. Allura x'inhi r-raġuni illi wieħed jiddeċiedi illi jipparteċipa fil-proċess politiku? Naħseb illi verament illum sabiex wieħed jiddeċiedi illi jinvolvi ruħu fil-politika, irid iħoss vokazzjoni simili għal dik illi wieħed iħoss sabiex jidħol qassis jew patri. Mhux ta' b'xejn illi ħafna joqogħdu 'l bogħod mill-politika. Waħda mir-reazzjonijiet komuni illi ltqajt magħha kienet "kemm għandek stonku." Li wieħed jipparteċipa fil-proċess politiku sar att mhux ordinarju illi ħafna joqogħdu 'l bogħod minnu. U ftit ferm jazzardaw illi jimbarkaw fuq dan il-vjaġġ li ħadd ma jaf fejn iwasslek. Saqsejt bosta avukati illi jinteressaw ruħhom politikament jekk jitħajrux joħorġu għall-politika. Kollha qalu "le": min għadu kemm xtara dar u għandu bagatella kbira xi jħallas u min għandu familja kbira illi jrid imantni. Mhux ta' b'xejn illi n-numru ta' professjonisti fil-politika m'għadux dak li kien. Ħasra: mhux għax il-liberi professjonisti għandna monopolju tas-sapjenza, imma l-kuntatt tagħna man- nies u mal-istituzzjonijiet jpoġġina f 'pożizzjoni tajba biex inkunu effettivi fil- ħidma tagħna. L-impenn politiku jrid ikun motivat minn sens ta' servizz, minn sens illi qiegħed tkun tgħin lill- kommunità bil-ħidma tiegħek. Dak il-ħabib illi għajjarni "miġnun" u qalli illi messni bqajt fuq il- kwinti, għidtlu "Allaħares kulħadd jagħmel hekk". U qabel miegħi. Min għandu ġo fih din il-vokazzjoni illi semmejt illi jħoss illi jista' jgħin fit-tmexxija tal- kommunità u tal-pajjiż, ikun qed jonqos jekk jibqa' lura. Anke jekk din tikkomporta, kif spiss tagħmel, sagrifiċċji personali kbar. Qegħdin ngħixu fi żminijiet xejn sbieħ, fejn bosta persuni għadhom isofru l-konsegwenzi tal- kriżi finanzjarja. Bosta tilfu l-impjiegi tajbin li kellhom u llum għandhom impjiegi illi ma jilħqux l-aspettattivi tagħhom. Dejjem jekk għandhom impjieg. Il- globalizzazzjoni qiegħda tfalli fabbriki li darba kienu kompetittivi u f 'saħħithom imma llum spiċċaw skeletri jissaddu fil-beraħ. F'bosta bliet fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tara għexieren ta' fabbriki magħluqa u abbandunati. Tara żoni industrijali sħaħ deżert għax il-prodotti tal-manifattura m'għadhomx kompetittivi ma' dawk taċ-Ċina, tal-Indja u ta' pajjiżi oħra. Dan nissel is-sens ta' rabja li ta lok għall-fenomeni li qed naraw, għar-riżultati li wieħed ma kienx jistenna. L-agħar ħaġa hi meta komunità ma tadattax ruħha għaċ-ċirkostanzi l-ġodda u taqa' f 'deklin ineżorabbli. Ħadd m'għandu d-dritt illi jgħix minn fuq dahar ħaddieħor. F'każijiet bħal dan, ir-rwol tal-istat u tal-klassi politika hu illi dik il-komunità terġa tiġi fuq saqajha b'attività ekonomika ġdida. Kos, xħin toqgħod tqis, ara kemm ingergru mill-politiċi tagħna, imma pajjiżna hu eżempju prim ta' dan ir-ristrutturar ekonomiku. Minn ekonomija kolonjali intiża sabiex taqdi l-interessi imperjali, wara l-Indipendenza ddiversifikajna fl-industrija u t-turiżmu. Fi ftit snin, l-eluf li kienu jemigraw kull sena waqfu. Illum bnejna wkoll is-settur finanzjarju u pajjiżna sar il-post fejn jiġu jaħdmu eluf ta' barranin. Nies li huma mdejqin ser issib dejjem. Naħseb illi dawk li huma l-aktar kritiċi tas-sistema huma dawk illi l-anqas ikunu rnexxew f 'ħajjithom, dawk illi jħossuhom l-aktar frustrati. Bħalissa hawn ħafna paroli dwar elite u mhux elite. Is- soċjetà demokratika tagħna mhix immexxija minn xi kasta: wieħed mill-mexxejja tal-partiti l-kbar hu bin bejjiegħ tal-materjal tan- nar u l-ieħor taż-żebgħa u tal-imsiemer. Min jipprova jagħti impressjoni differenti qed iqarraq bil-poplu. Is-sistema politika għandha bżonn dawk kollha illi huma lesti u kapaċi jagħtu kontribut, irrispettivament mis-sagrifiċċju personali illi jridu jagħmlu. Jekk inħallu sens ta' smarriment jirkibna, ser nitilfu ħafna mill- gwadann li wetqet is-soċjetà mill-Indipendenza 'l hawn. Għax irridu niddistingwu bejn il-battibekki u dibattiti normali bejn il-partiti f 'soċjetà demokratika u l-attakki li jsiru lis-soċjetà demokratika minn min hu mehdi fl-anti politika jew iħaddan politika radikali tax-xellug jew lemin u joħlom illi jiddestabilizza s-sistema. Il-kunsens ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija illi fuqu ġew imsejsa d-demokraziji liberali tal-Punent spiċċa u d-drittijiet u l-libertajiet illi mdorrijin ingawdu jinsabu mhedda bħal qatt qabel. U dan mhux qed ngħidu fil-kuntest tal- politika lokali imma fil- kuntest tal-popularità illi figuri awtoritarji u li mhux neċessarjament huma lesti illi jimxu mar-regoli tad- demokrazija, qed ikollhom f 'pajjiżi oħra. Fenomenu illi ma neskludux illi xi darba ser naraw ukoll f 'pajjiżna. Ilkoll nafu illi tali attrazzjoni għall-figuri awtoritarji spiċċaw fi traġedji bla preċedent ftit aktar minn sebgħin sena. L-istorja tgħallimna ħafna: xogħolna hu illi nevitaw illi t-traġedji tal-passat jirrepetu ruħu. Min jaqsam dina l-viżjoni ma jistax joqgħod lura imma għandu jħoss il-ħtieġa illi jipparteċipa fil-proċess demokratiku. Irrispettivament min-naħa li jieħu tal-ispettru politiku, dejjem hemm wisgħa għal nies ta' rieda tajba illi lesti jissuperaw it-tumbati kollha illi jiltaqgħu fi triqithom. illum | Il-Ħadd 13 ta' Novembru 2016 Opinjoni 18 Ir-Rieda Meħtieġa JOE ELLIS Il-kunsens ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija illi fuqu ġew imsejsa d-demokraziji liberali tal- Punent spiċċa u d-drittijiet u l-libertajiet illi mdorrijin ingawdu jinsabu mhedda bħal qatt qabel