Illum previous editions

illum 13 November 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/750771

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

Trump Kulħadd jaf b'dar-ritwal, lejn l-aħħar jiem ta' Diċembru, meta dak li jkun iħares lura u jiġġudika s-sena li tkun waslet fl-aħħar nifsijiet tagħha. Il-gazzetti u l-kmamar tal- aħbarijiet jogħxew fih dar-ritwal: ritratti u filmati tal-avvenimenti li jkunu skussaw l-aktar lid-dinja matul dik is-sena, mingħajr ma jonqos, m'hemmx xi ngħidu, min ħalla d-dinja matul dawk it-tnax-il xahar. F'moħħ ħafna l-2016 hija annus horribilis: fiha mietu diversi artisti popolari (ġeneralment għax xjaħu u l-istorja tagħhom imxiet mal-loġika sagrosanta li tmiss kemm lin-nies komuni kemm lin-nies tal-arti); fiha wkoll ġraw avvenimenti li verament skussaw id-dinja kif nafuha s'issa. Fost dawn hemm il-ħruġ tal-Gran Britannja mill-Unjon Ewropea u, fiha wkoll, l-Istati Uniti jeleġġu lil Donald Trump. 2016 tibqa' titfakkar għat-traġedji kbar li ġraw fiha, mela. Brexit saret realtà wara referendum li matulu l-mezzi tax-xandir kienu konvinti li dan qatt ma kien se jseħħ. Imbagħad mal-lejl wara l-votazzjoni kulħadd beda jaqbdu l-ħmar il-lejl jara li Brexit, kuntrarju għal Grexit (l-ewwel –exit proġettata) seħħet. L-istess kif ġara nhar it-Tlieta sbieħ l-Erbgħa: Trump, is-suġġett ta' ruxxmata karikaturi, is-suġġett tar-redikolu inkluż ta' Barack Obama huwa u jiddieħaq quddiem il-folla ta' quddiemu li Trump lanqas kien kapaċi jopera l-kont tat-Twitter, aħseb u ara ... spiċċa l-elett li se jkun qiegħed jippresiedi għall-erba' snin li ġejjin. Imbagħad jibdew l-analiżi ta' fejn seta' mar kollox ħażin, bi slogans allarmisti tat-tip li waslet l-aħħar tad-dinja, jew il-Britanniċi u issa l-Amerikani qabadhom ferħ ta' ġenn u qegħdin jiffullaw (ma nafx fejn) biex jitilqu minn pajjiżhom illum qabel għada. M'iniex se nagħmel eżami tar- riżultat, la ta' Brexit u lanqas ta' tlugħ Trump fil-glorja Statunitensa. Lili, fil-fosdqa komda ta' pajjiżi, donnu li aktar intrigani l-mod kif il- mezzi tax-xandir taw dawn iż-żewġ aħbarijiet, u pinġew iż-żewġ dati bħala l-jum tal-biki u t-theżżiż tas- snien, il-famuż dies irae, dakinhar li l-art u s-sema spiċċaw irmied. Dik hi l-media: ma tistax tkun hi jekk ma tissensazzjonalizzax bl- addoċċ; jekk ma tiddrammatizzax, ma tattakkax il-punti debboli tal- individwi, pereżemju l-biża'. Wasal tmiem id-dinja. Ovvjament, għal min bħali la xtaq il-Brexit u lanqas it-Trumpazzjoni tal-Istati Uniti, m'hemmx wisq biex nifirħu. Imma lkoll nistgħu ngħaddu mingħajr dan l-allarmiżmu kollu. Donnu li bilkemm mhux qegħdin niġu mħeġġa ninħaslu fl-irmied u nilbsu l-ixkejjer. Fuq kollox, iż-żewġ okkażjonijiet jimmarkaw telfiet, fjaski madornali ta' min kien fit-tmexxija u li kellu jara li ma jseħħux. Xejn ma jaqa' mis-sema u l-mewġa donnha globali lejn ideoloġiji Leminin qamet u qiegħda tiġri għax min mexxa s'issa ma ħax ħsieb li dan ma jseħħx. Bħal ħafna drabi – jew bħal dejjem – il- problema abbli tinstab fil-fatt li min imexxi dejjem jieħu ħsieb l-interessi tiegħu, il-miri għall-poter, mingħajr ma jieħu ħsieb iċ-ċittadin komuni, dak li, fl-aħħar mill-aħħar, jista' jtellgħu mas-sema, u jista' jsabbtu mal-art. Cohen U la qegħdin nitkellmu fuq il-mezzi tax-xandir ... ftit sekondi ilu, idoqqli kemm kemm jinstema', iċ-ċellulari, b'messaġġ mill-BBC News: imut Leonard Cohen. Issa, minn hawn u ftit ieħor, jibdew tilgħin il-messaġġi kollha niket, l-obitwarji ta' ġgant ieħor fix-xena tal-mużika. Tassew, għal ħafna l-2016 hija l-annus horribilis. Cohen kien jonqos! Meta ftit ġimgħat ilu l-premju Nobel għal-letteratura mar għand Bob Dylan, uħud minn dawk li ħadu pjaċir kbir b'din id-deċiżjoni kontroversjali, esprimew il-fehma li kellu jkun Cohen, fil-fatt, li jirbaħ dan il-premju prestiġjuż. Fis-snin bikrija tal-karriera artistika tiegħu, Cohen ippubblika r-rumanz The Favourite Game (1963), il-ġabra ta' poeżiji Flowers for Hitler (1964) u r-rumanz Beautiful Losers (1966). Wara l-ħruġ fid-dinja letterarja, Cohen sab xorti ferm akbar bħala kittieb tal-kanzunetti u kantawatur. Xogħlijiet tiegħu bħal Suzanne, Sisters of Mercy u Hallelujah jimmarkaw l-istatura poetika tal- karriera tiegħu. Cohen għex bl-arti miegħu. Proprju ftit tal-ġimgħat ilu jitfaċċa l-aħħar xogħol tiegħu, You Want it Darker, l-aħħar xena qabel ingħalqet il- purtiera. Bħal dak l-attur li wasal għall-aħħar linji qabel jagħlaq il- karriera, Cohen ta x'jifhem li kien konxju mhux biss li You Want it Darker kien se jkun l-aħħar album, imma kien se jimmarka t-tmiem ta' ħajtu wkoll. F'dan is-sens, il-versi "Hineni, Hineni / Jien lest, Mulejja" jieħdu sinifikat akbar. illum | Il-Ħadd 13 ta' Novembru 2016 Opinjoni 20 ANNUS HORRIBILIS IMMANUEL MIFSUD Aktar intrigani l-mod kif il-mezzi tax-xandir taw dawn iż-żewġ aħbarijiet, u pinġew iż- żewġ dati bħala l-jum tal-biki u t-theżżiż tas- snien "Minn Brexit sa Trump. Hawn min qed ibassar li waslet l-aħħar tad-dinja"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 13 November 2016