Illum previous editions

ILLUM 27 November 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/755514

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

illum | Il-Ħadd 27 ta' Novembru 2016 14 Opinjoni W aħda mid-di-lemmi li wħud qegħdin jinħakmu biha bħalissa hija jekk id-dramatiċità li qiegħda tiddomina d-dinja bħalissa hijiex frott tas-sensazjonaliżmu tipiku tal-mezzi tax-xandir jew huwiex għaqli li din tittieħed bis-serjetà għax kollox sejjer ħażin. Ftit aktar minn ħamsa u għoxrin sena ilu, fin-naħat tagħna tad-dinja kien hawn ferment kbir għaliex il-waqgħa tal-Ħajt, il-kollass tar- reġimi komunisti Ewropej u l-ftuq tal-purtiera tal-ħadid ġabu magħhom mewġa qawwija ta' ottimiżmu li għal dawk li kienu għadhom ħerġin mill-adolexxenza tagħhom, kienet esperjenza ġdida fjamanta mingħajr ebda preċedent. Mill-għajta 'No Future' tas-Sex Pistols sal-mużika qabbieża tar-Rifffs li żżeffnek biex tnessi d-dipressjoni tat-tmeninijiet kienet drat dik il-ġenerazzjoni tisma' l-innijiet ta' min kien qata' qalbu. Imbagħad, tfaċċa Novembru 1989 u t-tbissim li deher fuq l-Alexanderplatz u l-Bieb ta' Brandenburg, u l-ħeġġa fi Pjazza Vaclav ġrew bħal imxija, imxija sabiħa. Sakemm ftit taż-żmien – verament ftit – wara kien hemm l-ewwel gwerra tal- Golf u mbagħad il-ħmar il-lejl fil-qalba tal-Ewropa fejn darba perpret l-istilla l-ħamra. Tibda ttella' u tniżżel għandekx terġa' ttektek it-tasti biex terġa' tikteb dwar dak li tkun ktibt biss ftit ġimgħat qabel, jew taħsibx li qiegħed tesaġera, taħsibx li qiegħed tittieħed int ukoll min- namra li l-mezzi tax-xandir għandhom bis-sensazzjoni, bil-kobor. U allura, minflok, tagħżel li tisma' lil sħabek, speċjalment dawk li dan l-aħħar donnhom ikkwitaw ftit aktar mis-soltu. Wara r-referendum biex il-Gran Britannja toħroġ mill-Unjoni Ewropea bdew ħirġin ħafna stejjer: stejjer ta' 'barranin' li bdew jiġu ppersegwitati, anki fiżikament. Wara l-elezzjoni ta' Trump bħala l-president tal-Istati Uniti bdew ħirġin ħafna stejjer: stejjer ta' 'barranin' li bdew jiġu ppersegwitati, anki fiżikament. Hemm ħafna xebh f 'dawn iż-żewġ stejjer, inkluż f 'dak li ġara immedjatament wara. Fiż-żewġ każi kien hemm l-għajta tal-kobor, tar-ritorn lejn il-kobor. Fil-każ tal- eks kolonizzatur tagħna kien hemm l-għajta biex il-Britannja terġa' ssir dak li kienet u mhux tkompli 'titmexxa' minn Brussell. Fil-każ tan-naħa l-oħra tal-Atlantiku l-idea kienet biex l-Amerka terġa' tikseb il-kobor li darba kellha. Make America Great Again. Iżda hemm min qiegħed isostni li l-idea ta' Trump hija Make America White Again. Sadattant Marine Le Pen diġà ddikjarat li mal-mument li tibda tmexxi lil pajjiżha, Franza toħroġ mill- Unjoni Ewropea l-istess kif għamlet il-Gran Britannja u Norbert Hofer, il- kandidat Lemini għall-presidenza tal- Awstrija diġà ddikjara li jekk it-Turkija tersaq lejn sħubija fl-Unjoni l-Awstrija tkun pronta tparpar hija wkoll. Hemm dan ir-riħ ta' diżintegrazzjoni u, oħroġ il-għaġeb, l-istejjer individwali ta' din id-diżintegrazzjoni għandha sors wieħed: il-Lemin, partikolarment dak il-Lemin li jobgħod, dak il-Lemin li jrid ireġġa' l-arloġġi lura lejn perjodu tal-waħx meta d-deni nazzjonalista kien hekk qawwi li ntilfet għal kollox ir-raġuni. Il-Lemin jirraġuna li għandu jżarma biex jarma lilu nnifsu, biex jerġa' jikseb il-glorja li jemen li kellu darba waħda. L-għajta Britannika kontra Brussell hija sejħa għall-kobor, bħal dik li addotta Trump fl-Istati Uniti. Il-Lemin iħares lejh innifsu bħala eroj li wieqaf fuq il-fdalijiet ta' dak li xi darba kien, huwa u jaħlef li jerġa' jibni l-kobor. Issa fuq daqsxejn ta' blata hemm dan il-partit, Lemini wkoll, li qiegħed jgħolli leħnu rqiq irqiq b'għajtiet favur Trump, u li addotta slogans li, meta jittieħdu fil-kuntest ta' blata, jinstemgħu redikoli. Make Malta Great Again, per eżempju, jew li dal-partit 'ibbekkja' lil Trump kontra x-xejra li ħadet id-dinja kollha. Fuq did-daqsxejn ta' blata hemm min qed joħlom b'kobor li dil-farka la qatt kellha u qatt ma seta' jew jista' jkollha, għax imqar id-daqs jimpedixxi kwalunkwe ħjiel ta' kobor. "Il-Verità", l-organu tal-Lemin Malti, imżejjen b'filmati mħalltin li jvarjaw minn indirizzi tal-kap tal-partit jiċċelebra r-rebħa ta' Trump sa indirizzi minn Marine Le Pen u l-patrijarka ortodoss Russu (!) Il-punt huwa li filwaqt li l-Lemin barrani jrid iżarma u jibni fuq il- memorji tal-kobor storiku, dak Malti m'għandu ebda tifkira ta' kobor storiku għax qatt ma kien hawn kobor storiku. L-uniku kobor li nistgħu nitkellmu dwaru huwa dak delużiv li forsi ħolmu bih xi poeti u kittieba mal-mitt sena ilu. Anki l-Lemin Malti ibati bil-marda tal-mibegħda; għandu mibegħda grassa lejn il-bniedem iswed, lejn il- barrani (anki dak li mhuwiex iswed); u m'għandix dubju li għandu mibegħda lejn gruppi meqjusin minoritarji li jibża' minnhom għax kisbu drittijiet li l-kredu Lemini ma jasal qatt jaċċetta li jagħti. Xi mkien, fil-kxaxen, fil-qigħan tagħhom, għad hemm stivati l-kollezzjonijiet ta' dawk id-diski tad-dipressjoni u donnu li qegħdin jippreparaw irwieħhom biex jerġgħu jibdew jindaqqu. Aktarx sħabek, dawk li dan l-aħħar ikkwitaw, bdew idoqquhom diġà, imqar fl-għeluq ta' kamrithom...għalissa. "Anki l-Lemin Malti ibati bil-marda tal- mibegħda; għandu mibegħda grassa lejn il-bniedem iswed, lejn il-barrani (anki dak li mhuwiex iswed); u m'għandix dubju li għandu mibegħda lejn gruppi meqjusin minoritarji li jibża' minnhom għax kisbu drittijiet li l-kredu Lemini ma jasal qatt jaċċetta li jagħti" Diski dipressivi IMMANUEL MIFSUD Hemm dan ir-riħ ta' diżintegrazzjoni u, oħroġ il-għaġeb, l-istejjer individwali ta' din id- diżintegrazzjoni għandha sors wieħed: il-Lemin

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 November 2017