Illum previous editions

ILLUM 27 November 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/755514

Contents of this Issue

Navigation

Page 31 of 35

illum Il-Ħadd 27 ta' Novembru 2016 Sports 32 Tliet plejers ta' San Ġiljan ASC jiksbu suċċess f 'avventura ġdida fis-Serbja minn Cristian Antony Muscat FIL-JIEM li għaddew, il- klabb tal-waterpolo ta' San Ġiljan ASC Salini Resort ħabbar li tliet plejers mill- iskwadra tiegħu, Dino Zammit, Andrea Galea u Ben Plumpton, kienu ngħaqdu mal-klabb Serb ta' Vojvodina li jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni tal- kampjonat Serb kif ukoll fil-kampjonat Adrijatiku li fih jieħdu sehem fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa. Il-klabb ta' San Ġiljan ilu għal xi żmien jaħdem biex plejers tiegħu jkollhom din l-opportunità u jibgħat plejers jitħarrġu u jilagħbu barra l-pajjiż, fejn fost l-oħrajn din tkun esperjenza li minnha jgawdu kemm il-plejers kif ukoll il-klabb. Peress li l-klabb ta' San Ġiljan għandu relazzjonijiet tajbin ħafna mal-klabb Serb, l-istess klabb li minnu ġew il- kowċ Marko Orlovic, il-kowċ tal-juniors ta' dan is-sajf Igor Vukanovic, li flimkien din is- sena rebħu tliet tazzi tal-kbar u il-kampjonati tal-kategoriji ta' taħt is-17 u l-20 sena, u fejn ukoll beda il-karriera tiegħu Boris Vapenski, il- barrani ta' San Ġiljan għal dawn l-aħħar sentejn, din issa setgħet issir realtà u dawn it- tliet plejers se jkunu l-ewwel plejers li jingħaqdu ma' dan il-klabb. Dan sar ukoll permezz tal-intervent tal-kowċ Marko Orlovic li personalment ta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-klabb Serb. San Ġiljan ASC jinsabu ċerti li din l-esperjenza se tiswa kemm lill-plejers kif ukoll lill-klabb biex meta jirritornaw lura għall-Kampjonat tas-sajf, il-klabb ikun iktar b'saħħtu kif ukoll preparat. Din mhux se tkun l-ewwel u l-aħħar inizjattiva li jieħu dan il-klabb u diġà qed isiru arranġamenti biex plejers oħra jkollhom opportunitajiet biex imorru jilagħbu u jitħarrġu barra minn Malta. Intant, din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' wieħed minn dawn it-tliet plejers, Ben Plumpton, fejn tana dawn il-kummenti rigward kif qed jesperjenzaw din l-avventura ġdida tagħhom fis-Serbja ma' Vojvodina. Huwa qal li: "Din l-esperjenza hija sabiħa ħafna kif ukoll diffiċli. Il- livell ta' waterpolo fis-Serbja huwa ħafna ogħla minn dak ta' Malta. Bħala taħriġ ikollna darbtejn kuljum, erba' sigħat filgħodu u sagħtejn oħra filgħaxija. Ħajjitna hawnhekk hi ddedikata biss għall-waterpolo. M'hemmx cans għal iktar. Fil-ħin li jibqgħalna rridu nagħmlu affarijiet personali bħal tisjir, ħasil ta' ħwejjeġ, xiri għall- ikel ta' kuljum, kif ukoll tindif tal- post fejn ngħixu. Dan huwa xogħol li qabel f 'Malta konna nsibuh lest mill-ġenituri tagħna. Għall- bidu din kienet kemxejn diffiċli, kemm għaliex irridu ngħixu waħedna, kif ukoll għaliex ridna naddattaw għall-kultura differenti minn dik ta' Malta. Ħaġa oħra kienet biex nidraw il-klima u l-mod ta' ħajja li rridu ngħixu. Barra minn hekk, konna qed insibu t-tip ta' taħriġ ġdid bi tqila, l-iktar meta tikkonsidra t-tul ta' sigħat tiegħu. Però, ftit ftit darrejna lilna nfusna għad-diffikultajiet kollha kemm fil-ħajja li rridu ngħixu kif ukoll għat-taħriġ. Issa, diġà ilna iktar minn xahar ġewwa s-Serbja u bil-mod il-mod irnexxielna nidraw kif ukoll naddattaw ruħna. L-iktar ħaġa diffiċli għalina kienet li rridu ngħixu 'l bogħod mill-familji tagħna u li qed nagħmlu sagrifiċċji kbar. Mhux faċli li tinqata' mill-familja, kif ukoll tinsa l-ħruġ u l-ħbieb li s-soltu kont tqatta' l-mumenti li tissoċjalizza magħhom. Però, il-fatt li qegħdin erba' plejers Maltin ngħixu flimkien tgħin ħafna għaliex wieħed jgħin lill-ieħor u ngħixu flimkien bħala familja ġdida. Inqassmu x-xogħol tad-dar bejnietna u ngħixu bħall-aħwa biex kollox imur għall-aħjar. Din kienet l-ikbar sfida li lqajnieha lkoll flimkien u qed jirnexxielna lkoll flimkien. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nirrealizzaw il- kapaċitajiet li għandna kemm fit-taħriġ li qed nitħarrġu fih, kif ukoll fil-ħajja ta' kuljum. Inħoss li qed nikbru flimkien. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nitgħallmu u iktar nissodisfaw ruħna. Barra minn hekk, il-klabb hawnhekk laqagħna tajjeb ħafna u għandna ħbieb ġodda. Inħossuna parti minnhom u b'hekk inħossuna nagħmlu iktar kuraġġ biex niksbu riżultati tajbin. Nista' ngħid li apparti ċerti diffikultajiet li sibna sakemm bdejna naddattaw, b'wiċċi minn quddiem nistqarr li din hija esperjenza unika li żgur li mhu ħa ninsa qatt. Verament, għad fadal ħafna u għad irridu naħdmu ħafna iktar. Nispera li din l-esperjenza tagħna sservi biex tixpruna oħrajn bħalna li jagħmlu l-istess esperjenza tagħna fil-futur, waqt li tħajjar klabbs oħra Maltin jitħajru jagħtu l-istess opportunità lil sportivi dedikati bħalna," temm jgħid Ben Plumpton. Ben Plumpton, Andreas Galea u Dino Zammit flimkien ma' sħabhom il-plejers ta' Vojvodna fis-Serbja Kurt Cassar jimpressjona fl-ewwel staġun tiegħu fil-Kampjonat Taljan tal-basketball IL-PLEJER tal-basketball Malti Kurt Cassar, eks Hibernians, illum ma' Stella Azzurra Roma jinsab fit-tielet staġun tiegħu fil-kapitali Taljana. F'dan l-istaġun, iddebutta mat-tim tiegħu Stella Azzurra Roma fil- Kampjonat tas-Serie B fl-Italja. It-tim ta' Stella Azzurra Roma jikkompeti f 'din id-divizjoni b'tim żagħżugħ għall-aħħar fosthom il- plejer Malti Kurt Cassar li għandu 17-il sena. S'issa lagħbu 8 loghbiet, fejn kisbu żewġ rebħiet fuq Vis Nova Roma u fuq it- tim Sqalli Patti u tilfu sitt logħbiet. Stella Azzurra jinsabu fit-12-il post minn 16-il tim. Kurt qalilna dwar kif qed jiżvolġi l-kampjonat tas-Serie B u l-prestazzjoni tiegħu fl-istess kampjonat: "Mit-tmien logħbiet li lgħabna ħadt sehem f 'seba' logħbiet. Ma' kull logħba qed inżid aktar ħin u nikseb aktar esperjenza f 'dan il-livell. Dan hu kampjonat ewlieni fl-Italja għall-plejers Taljani u l-għan tal-kowċ tagħna hu li nitjiebu ma' kull logħba. S'issa rbaħna żewġ logħbiet ġewwa darna u rridu nitjiebu fil-logħob tagħna barra minn darna għax qed insibu timijiet b'saħħithom, ippreparati u b'esperjenza f 'dan il- livell tas-Serie B. Il-fatt li tilgħab kontra plejers professjonisti fis-Serie B jagħtik ħeġġa li tittrenja u tikkonċentra aktar ukoll. Nivvjaġġaw ħafna wkoll, fejn fil-fatt diġà morna Catanzaro u Napli u l-partita li jmissna hija ġewwa Sqallija kontra Cefalu. Ġeneralment dawk il-logħbiet li jkunu l-isfel, immorru bl-ajruplan." Intant Kurt għaddielna kumment dwar it-taħriġ tiegħu ta' matul il-ġimgħa, "Filgħodu naħdmu ħafna fuq is-saħħa u l-fiżika filwaqt li filgħaxija nippreparaw ħafna għal- logħob li jkun ġej. Mhux faċli tittrenja kuljum, l-għejja tidħol ukoll imma nippruvaw nitjiebu ma' kull ġurnata. Hawn trid timpenja ruħek sew u ħadd mhu għażla awtomatika. Naħdmu wkoll fuq taħriġ individwali u l-kowċis jispjegawlna kontinwament." Kurt Cassar jikkompeti wkoll ma' Stella Azzurra Roma fil-Kampjonat ta' taħt it-18-il sena. S'issa lgħabna żewġ logħbiet u rbaħniehom it-tnejn. Dik l-esperjenza li niksbu fis-serie B, imbagħad nużawha fil-kampjonati tal-kategoriji ta' taħt l-20 sena u taħt it-18-il sena. Cassar temm jgħid li: "Il-kompetizzjoni hawn hija kbira, inkomplu nitrenjaw ta' kuljum u ntejbu l-prestazzjonijiet tagħna bħala tim u tiegħi personali. Inselli għalikom minn Ruma!"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 November 2017