Illum previous editions

ILLUM 18 December 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/764307

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 39

F tit ġimgħat oħra u pajjiżna ser jassumi l-presidenza tal- Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Xi tfisser eżatt din il-presidenza? L-UE għandha seba' istituzzjonijiet u skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ħafna drabi għadu jissejjaħ il-Kunsill tal-Ministri huwa t-tielet wieħed minnhom. Dan il-Kunsill huwa differenti mill-Kunsill Ewropew li jagħti direzzjoni politika lill-Unjoni. Dan il-Kunsill Ewropew jiltaqa' normalment darbtejn fis-sena sabiex jiddiskuti l-kwistjonijiet l-aktar pressanti tal-jum u fil- preżent hu ppresjedut mill- eks Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk li mid-dehra qed jagħmel biċċa xogħol tajba. Il-Kunsill tal-UE mill-banda l-oħra għandu essenzjalment funzjoni leġiżlattiva għax huwa t-tieni kamra tal- Parlament Ewropew flimkien mal-Parlament Ewropew li huwa elett direttament mill-poplu. Dan il-kunsill jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-membri stati tal-UE. Fil-maġġorparti tal-każijiet, il-regolamenti u d-direttivi tal-UE, li lkoll jiġu proposti mill-Kummissjoni, iridu jiġu approvati kemm mill- Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill tal-Ministri. Il-presidenza tal-Kunsill tgħaddi minn stat membru għal ieħor kull 6 xhur. Matul dan il-perjodu ta' 6 xhur, il- presidenza tippresiedi laqgħat f 'kull livell tal-Kunsill, u tiggarantixxi l-kontinwità tal-ħidma tal-UE fil-Kunsill. Minn mindu ġie adottat it- Trattat ta' Liżbona fl-2009, l-istati membri li jkollhom il-presidenza, jaħdmu flimkien mill-qrib fi gruppi ta' tlieta, li jissejħu trio. It- trio jistabbilixxi l-għanijiet fit-tul u jħejji aġenda komuni li tiddetermina t-temi u l-kwistjonijiet prinċipali li jkunu ser jiġu indirizzati mill-Kunsill tul il-perjodu ta' 18-il xahar. Abbażi ta' dan il- programm, kull wieħed mit- tliet pajjiżi jħejji l-programm tiegħu stess ta' sitt xhur f 'aktar dettall. It-trio attwali hu magħmul mill-Olanda, is-Slovakkja li l-presidenza tagħha ser tispiċċa fl-aħħar ta' dan ix-xahar u Malta. Il-presidenza għandha żewġ funzjonijiet prinċipali: fl-ewwel lok trid tippjana u tippresiedi l-laqgħat fil- Kunsill tal-UE u l-kumitati kollha tiegħu li jinkludu l-kumitati permanenti bħall- Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) kif ukoll gruppi ta' ħidma u kumitati li jittrattaw suġġetti partikolari. L-unika eċċezzjoni huwa l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin li huwa ppresjedut mir- Rappreżentant Għoli li fil-preżent hija l-eks ministru tal-affarijiet barranin Taljan, Federica Mogherini. Il- presidenza trid tiżgura li r-regoli ta' proċedura tal- Kunsill u l-metodi tal-ħidma jiġu applikati korrettament. Il-laqgħat formali u informali isiru fi Brussell u fil-pajjiż tal- presidenza u għalhekk fis-sitt xhur li ġejjin sejrin isiru tant laqgħat hawn Malta. It-tieni funzjoni prinċipali tal-presidenza tal-UE hija li tirrappreżenta lill- Kunsill fir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, b'mod partikolari mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew. Il- presidenza trid tipprova tilħaq qbil fir-rigward ta' proposti leġiżlattivi f 'laqgħat ta' negozjar informali kif ukoll laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Il- Presidenza tikkordina ukoll fil-qrib mal-President tal-Kunsill Ewropew u mar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Wieħed jista' jimmaġina li s-sitt xhur li ġejjin sejrin ikunu ferm impenjattivi għall-gvern Malti. Il- presidenza tinvolvi ħafna ħidma għal kwalunkwe gvern u speċjalment jekk ikun il-gvern tal-iżgħar pajjiż tal- UE. Wieħed jittama li saru preparamenti adekwati ħalli nilqgħu għal din l-isfida. Fil-passat, kien intqal li ċertu laqgħat ser jiġu ppresjeduti mir-Renju Unit li kienu ser jippresjedu l-Unjoni dritt warajna. Din l-aħbar kienet ġiet miċħuda imma issa fi kwalunkwe każ, żgur li mhux ser isseħħ għaliex ir-Renju Unit mhux ser jippresjedi l-UE f 'Lulju li ġej. Il-programm tat-trio jipprovdi qafas għall- kontinwità bejn it-tliet presidenzi u jiffoka fuq ħames miri partikolari li huma: i) Unjoni li tippromwovi l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività; ii) Unjoni li tippromwovi, issaħħaħ u tipproteġi l-interessi taċ- ċittadini kollha tagħha; iii) Unjoni tal-Enerġija u politika dwar il-klima li tħares 'il quddiem; iv) Unjoni bbażata fuq il-libertà, is- sigurtà u l-ġustizzja, u; v) Unjoni b'saħħitha fil-kuntest globali. Imbagħad, fi ħdan dan il-qafas, kull presidenza tiżviluppa l-prijoritajiet tagħha. Dawk ta' Malta jirrigwardaw ovvjament l-immigrazzjoni fejn Malta ser tibqa' tinsisti fuq l-implimentazzjoni ta' miżuri li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom u tiżgura li l-kwistjoni tibqa' waħda mill- ogħla prijoritajiet tal-aġenda politika. Prijorità oħra se tirrigwarda s-Suq Uniku li jrid jiġi sfruttat bis-sħiħ waqt li jiġi żviluppat is-Suq Uniku Diġitali kif ukoll jitwettaq is- Suq Intern tal-Enerġija. Huwa mistenni li dawn l-iżviluppi fis-Suq Intern iġibu benefiċċji konkreti fl-ekonomija. Anke s-sigurtà ser tiffigura fost il-prioritajiet fid- dawl tat-theddida kostanti tat-terroriżmu anke fuq territorju Ewropew, anke f 'dawn l-aħħar xhur. Il- Presidenza Maltija beħsiebha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jintlaħaq progress konkret dwar proposti li jindirizzaw sfidi reġjonali u globali, waqt li jinżammu ħajjin il-valuri li fuqhom hija msejsa l-eżistenza tal-Unjoni nnifisha. Prijorità oħra identifikata mill-presidenza Maltija hija dik tal-inklużjoni soċjali fejn Malta tħoss li għandha ħafna x'taqsam mal-pajjiżi l-oħra Ewropej. L-għan hu li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli jkunu jistgħu javvanzaw 'il quddiem. Is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa huma marbutin ma' dak tal-viċinat tagħna. Għaldaqstant, priorità oħra hi dik tal-istabbilizzazzjoni tal-viċinat peress li l-pajjiżi li jmissu man-Nofsinhar tal-Mediterran qed jiffaċċjaw sfidi serji, inkluż il-kunflitt armati, it-terroriżmu, l-instabilità politika u r-radikalizzazzjoni. Fl-aħħar nett, il-presidenza Maltija sejra tipprijoritizza l-qasam marittimu li ovvjament huwa ta' importanza kbira kemm għal pajjiżna kif ukoll għall- UE. Ħadd mhu qed jistenna li jseħħu mirakli matul il- presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE. Imma l-progress fi ħdan l-UE huwa kkaraterizzat b'passi żgħar inkrimentali. L-importanti hu li dawn il-passi, żgħar kemm huma żgħar, ikunu fid-direzzjoni t-tajba. Fis-semestru Malti tal-presidenza, mistennija jseħħu żewġ avvenimenti ferm importanti. Qabel l-aħħar ta' Marzu, ir-Renju Unit mistenni jifformalizza x-xewqa tiegħu li joħroġ mill-UE. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ ċar kemm dan hu proċess kumplikat li se jieħu ħafna ħin u enerġija fis-snin li ġejjin, kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE. Madankollu, fis-sitt xhur li għaddew, is-27 pajjiż tal-UE impressjonaw lil kulħadd bl-għaqda tagħhom li ma jinnegozjawx mar- Renju Unit qabel ma jiġi invokat l-famuż artiklu 50 tat-Trattat ta' Lisbona u li ma jikkontemplaw l-ebda kompromess għall-prinċipju ta' libertà tal-moviment fil- kuntest ta' aċċess għas-suq uniku. Fil-laqgħa li saret tal-Kunsill Ewropew din il-ġimgħa, l-iżolament, anke fiżiku, tal-Prim Ministru May kien tassew impressjonanti. L-Ewropej qed igħidu lir-Renju Unit biex ifittex jippakkja u jitlaq 'l hemm kemm jista' jkun malajr. It-tieni avveniment importanti huwa totalment differenti: huwa s-sittin anniversarju tal-iffirmar tat-Trattat ta' Ruma fil- 25 ta' Marzu 1957. Dan l-anniversarju se jkun ikkommemorat b'avveniment speċjali f 'Ruma. L-Unjoni żviluppat ferm minn mindu bdiet bħala l-Komunità Ekonomika Ewropea u eventwalment, evolviet f 'Unjoni Ewropea minkejja li għadha ma saritx stat federali minħabba r-reżistenzi ta' bosta pajjiżi membri. Il-presidenza Maltija tagħmel sew li tenfasizza li ħafna mill-affarijiet li llum huma indiskussi huma frott din il-kollaborazzjoni bla preċedent bejn il-pajjżi Ewropej li kienu qattgħu mijiet ta' snin jiġġieldu li xulxin. Il-libertà tal- moviment, tal-kapital, ta' prodotti u ta' servizzi li fost l-oħrajn taw lok għat-tneħħija tat-tariffi u l-ivvjaġġar bla ostakli bejn pajjiż u ieħor huma lkoll rivoluzzjonijiet mhux żgħar li llum qed naraw l-importanza tagħhom fil-kuntest tal- Brexit. Tagħmel sew ukoll il- presidenza Maltija li tikkuntrasta l-gwerra propagandistika li qiegħda ssir minn stat ostili li qiegħed jagħmel minn kollox biex joħloq id-diżgwid fi ħdan l-UE. Bosta jwaħħlu fl-UE minħabba l-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi meta l-immigrazzjoni hija kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali u l-isforzi kollha tal-Kummissjoni sabiex jinqasam il-piż bejn il-pajjiżi membri sabu resistenza kbira. Dan meta dan l-istess istat ostili tawwal il-gwerra ċivili fis-Sirja bir-riżultat li miljuni kellhom jaħarbu u bosta minnhom spiċċaw fix-xtut tal-Ewropa kif rajna f 'dawn l-aħħar snin. Fl-aħħar nett, il-presidenza Maltija trid taħdem ukoll biex l-UE dejjem tibqa' ta' relevanza għal bniedem komuni. Ħasra li l-UE toffri tant opportunitajiet li mhux dejjem jiġu sfruttati u dan anke fuq livell nazzjonali. Dana narawh fil-mod pjuttost kajman li qed jiġu minfuqin il-fondi li hemm għad-disposizzjoni tagħna. Din il-ġimgħa kellna l-aħbar li l-qasam tal-bejgħ tad-diesel fil-pajjiż ser jiġi nvestigat mid-Direttorat tal-Kompetizzjoni. Hija ħasra li l-gvern baqa' jkaxkar saqajh u ma solviex din il- kwistjoni bir-riżultat li issa se tispiċċa tiġi investigata fi Brussell. Imma min ġab din il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħaqqu prosit għax wera li jaf kif jista' jieħu vantaġġ tal- Ewropa. Fuq kollox, wieħed jawgura li l-presidenza Maltija tkun suċċess li turi lil kulħadd li minkejja li aħna pajjiż verament żgħir, nistgħu nikkontribwixxu għall- progress fil-kontinent tagħna daqs il-pajjiżi l-oħra akbar minnha fi spirtu ta' kollaborazzjoni leali u ħbiberija ġenwina. Joe Ellis huwa kandidat tal- PN fuq it-13-il distrett illum | Il-Ħadd 18 ta' Diċembru 2016 Opinjoni 20 Sitt xhur li jridu jkunu suċċess AĦBARIJIET ONLINE .COM.MT JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 December 2016