Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/768345
D awn il-jiem ħsibt ħafna f 'diversi żgħażagħ u fiż-żgħażagħ in ġenerali. Forsi dan peress li kont f 'kuntatt ma' bosta minnhom fl-aħħar jiem ta' festi u stajt nifhem aħjar l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom. Ħsibt ħafna dwar Giulio Regeni, żagħżugħ Taljan ta' 28 sena, li fit-3 ta' Frar li għadda nstab mejjet fit-triq bejn il-Kajr u Lixandra. Regeni kien mill- Friuli Venezia Gulia, reġjun Taljan fuq il-fruntiera mal- Islovenja. Kien rebaħ borża ta' studju u mar jistudja f 'wieħed mill-United World Colleges fl-Amerika. Ta' sittax-il sena, jiena kont mort nistudja f 'kulleġġ simili fil-Kanada u nimmaġina li Giulio ukoll kellu l-istess espożizzjoni li jiena kelli għal żgħażagħ oħra tamparu ta' kultura u reliġjon differenti. Biss biss, fil-każ tiegħi konna mitejn student minn ħamsin pajjiż differenti, inkluż iċ-Ċina Popolari. Immaġinaw l-impatt ta' tali esperjenza fuq xi ħadd li kien għadu qatt ma ħareġ minn pajjiżu, li lanqas kien jasal waħdu sa Malta, meta jsib ruħu f 'ambjent bħal dan. Kienet esperjenza li tibqa' miegħek ħajtek kollha u li tfassal b'mod li ma jinbidilx kif tħares lejn id- dinja ta' madwarek. Tgħallmek tirrispetta kulturi oħrajn u ma tibqax temmen li dik tiegħek biss hija tajba u superjuri għal tal-oħrajn. Regeni kien kompla l-istudji tiegħu f 'Cambridge u kien qiegħed jagħmel dottorat. Bħala parti mill- istudji tiegħu, mar l-Eġittu fejn kien qiegħed jirriċerka l-qasam tat-trejd unions ħielsa. Dan l-aħħar, wieħed mill-mexxejja trejdunjonisti Eġizzjani stqarr li kien hu li rrappurtah lis-servizzi tas- sigurtà ta' pajjiżu għax kien isaqsi wisq mistoqsijiet. Regeni sparixxa u ftit jiem wara, ġismu nstab mitluq fit-triq nofsu għarwien u wara li sofra torturi indeskrivibbli. Traġedja kbira għalih u għall-familja tiegħu. Madankollu, kif bosta mill-ħbieb tiegħu Eġizzjani stqarrew, tali tmiem traġiku hu d-destin ta' ħafna u ħafna żgħażagħ u mhumiex fl-Eġittu fejn ma tirrenjax is-saltna tad-dritt imma ta' min għandu s-saħħa. Kemm hi tassew ħasra li ma napprezzawx biżżejjed il-libertajiet u d-drittijiet li ngawdu u naħsbu li dawn huma awtomatiċi. Ħsibt ukoll f 'żgħażagħ oħra li b'xi mod kellhom x'jaqsmu mal-aħħar traġedja tat- terroriżmu f 'Berlin. Waħda mit-tnax-il vittma kienet żagħżugħa Taljana ta' 31 sena, Fabrizia Di Lorenzo. Kienet marret Berlin sabiex issib xogħol u kienet meqjusa bħala waħda mill-ġenerazzjoni Erasmus, il-ġenerazzjoni ta' żgħażagħ Ewropej li qed jaqsmu l-fruntieri biex jaħdmu u jgħixu f 'pajjiż Ewropew ieħor, kif qed naraw anke f 'pajjiżna. Fabrizia spiċċat mgħaffġa mit-trakk li nħataf minn żagħżugħ ieħor, li bil- kemm kellu 24 sena, u li użah sabiex iwettaq l-att terroristiku li kellu f 'moħħu. Dan it-trakk kien ta' kumpanija Pollakka u kien misjuq mill-kuġin tal- proprjetarju, żagħżugħ ġolf ta' 6 piedi 2 ta' 37 sena, Lukasz Urban. Urban ntasab mit- Tuneżin Anis Amir u jidher li ġġieled bil-kbir sal-aħħar nifs ta' ħajtu sabiex jevita t-traġedja. Spiċċa b'daqqiet ta' sikkina qabel ma sparalu t-Tuneżin. Traġedja fit-traġedja li wkoll ħalliet ħafna niket fil-Polonja. Imma ma stajtx ma naħsibx ukoll dwar l-aġent ta' dan in- niket kollu, Anis Amir. Ħajja żagħżugħa oħra maħruqa għall-ideal żbaljat. Amir kien wieħed mill-bosta żgħażagħ li telqu mit-Tuneżija wara r-Rebbiegħa Għarbija li bdiet minħabba l-faqar, il-miżerja u n-nuqqas ta' libertà fid- dinja Għarbija. Telaq lejn Lampedusa li hija biss ftit kilometri 'l bogħod mill- kosta Tuneżina. Imma anke fil-kamp tad-detenzjoni, Amir beda jiddistingwi ruħu bil-komportament anti-soċjali tiegħu. Spiċċa jdur minn ħabs għal ieħor fi Sqallija fejn kif qalet l-istess ommu, ġie radikalizzat. Sena u nofs ilu ħareġ mill-ħabs u ġie notifikat b'ordni ta' tkeċċija. Madankollu, it-Tuneżija m'aċċettatux lura għax sostniet li kien hemm problemi dwar l-identità tiegħu. B'xi mod ħarab miċ- ċentru ta' Caltanisetta u spiċċa l-Ġermanja fejn it-talba tiegħu għall-ażil ġiet miċħuda. Kemm l-awtoritajiet Taljani kif ukoll dawk Ġermaniżi kienu jafu li hu perikoluż imma probabbilment ma ħassewx li kien perikoluż daqs bosta mijiet ta' Jiħadisti oħra fl- Ewropa u ħallewh jiċċirkola. Ftit qabel il-ġest qattiel tiegħu, ħalef fedeltà lill-Istat Iżlamiku. Wara li saq bit-trakk fuq il-folla miġmugħa fis-suq tal-Milied f 'Berlin, ħarab lejn Franza u l-Italja fejn temm ħajtu eżatt kif għalaq 24 sena. Kienu żewġ żgħażagħ oħra, pulizija fil-bidu tal-karriera tagħhom li temmewlu ħajtu wara li Amir spara fuqhom meta talbuh jidentifika ruħu. Min jaf kieku Amir flok ma kien daqshekk soċjalment imqareb u rrabjat, sab xogħol u beda ħajja stabbli kif għamlu bosta minn sħabu. Issa Amir miet, ħajtu ġiet mitmuma wara li temm ħafna oħrajn minħabba r-rabja li kellu marsusa ġo fih. Ħajjiet żgħażagħ ilkoll mitfija fid-demm: min kien jistudja, min kien jaħdem u min għall- ideal żbaljat tiegħu. It-tamiet u l-ideali tagħhom ilkoll spiċċaw fid-demm ferm qabel wieħed kien mistenni. Amir mhux l-ewwel żagħżugħ li tilef it-triq u bħala konsegwenza anke ħajtu. Niftakru f 'pajjiżna lil Carmelo Borg Pisani, l-aħħar persuna li ngħatat il-forka li wkoll miet għall-ideal żbaljat tiegħu minkejja li kien hemm min ipprova jiftaħlu għajnejh. Imma dejjem tibqa' traġedja enormi, kemm għall-persuna involuta, kemm għall-vitmi tiegħu kif ukoll għall-qraba tiegħu. Dawn it-traġedji jpoġġu fuqna li aħna ftit aktar maturi fiż-żmien u fit-temperament responsabbiltà kbira. Irridu nagħtu eżempju tajjeb lil dawn iż-żgħażagħ bil-komportament tagħna u bl-azzjonijiet tagħna. Fuq kollox dawn iż-żgħażagħ iridu jżommu 'l bogħod mill- influwenzi qarrieqa li jeżistu f 'kull żmien u f 'kull età. Spiss niltaqa' ma' żgħażagħ li ukoll għandhom sens qawwi ta' rabja minkejja li għandhom xogħol u prospetti tajbin f 'ħajjithom. Saret kważi moda li ċertu żgħażagħ joħduha kontra l-establishment minkejja li verament ma tantx għandhom fuqiex igorru għax materjalment jinsabu tajjeb. Ċertament għandhom jippruvaw itejbu l-ħajja tagħhom u l-mod kif jitmexxa dan il-pajjiż. Imma għandhom jirrealizzaw li mhu ser javvanzaw xejn b'avventuri niħilisti li jispiċċaw biex ifarrku lilhom u ta' madwarhom. Fl- istess ħin, ilkoll kemm aħna rridu noqogħdu lura milli nisfruttaw dawn is-sentimenti li spiss huma normali għal ċerta età u bil-paċenzja, nispjegawlhom kemm tali rabja hija ħażina u kontro- produċenti. Soċjetà timxi 'l quddiem jekk iż-żgħażagħ tagħha jisfruttaw l-enerġiji u l-ideat tagħhom. Dmirna lkoll hu li ngħinuhom f 'din it-triq għax jekk jitilfuha, il-konsegwenzi ma jkunu sbieħ għal ħadd. Is-sena t-tajba lil kulħadd! illum | Is-Sibt 31 ta' Diċembru 2016 "Fabrizia spiċċat mgħaffġa mit-trakk li nħataf minn żagħżugħ ieħor, li bil- kemm kellu 24 sena, u li użah sabiex iwettaq l-att terroristiku li kellu f 'moħħu" Opinjoni 20 It-triq taż-żgħożija JOE ELLIS