Illum previous editions

illum 8 January 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/770370

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

Il-Ħadd 08 ta' Jannar 2017 | illum Opinjoni 17 F 'dawn l-ewwel sitt xhur, pajjiżna se jkun fit-tmun ta' wieħed mill-iktar istituzzjonijiet importanti fl-Ewropa, ċoè l-Kunsill tal-Ministri tal- Unjoni Ewropea. Ħadd m'għandu delużjonijiet ta' grandezza u saqajna se jibqgħu sodi fl-art. Ħadd m'għandu xi idea li se naqilbu l-Ewropa ta' taħt fuq. Biss, wara li ppreparajna u ħejjejna rwieħna, nemmnu li nistgħu nagħmlu xogħol tajjeb li b'mod immedjat jew b'iktar negozjati mal-istituzzjonijiet mill-Presidenzi li jiġu warajna, jagħmel id-differenza fil- ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u l-bqija tal- Ewropa. Hawnhekk għandek sittax-il raġuni għala l-ħidma li se nkunu qed nagħmlu fl-oqsma tal-Ġustizzja u l-Kultura fil- Presidenza huma relevanti fil- ħajja tiegħek. Dawn huma fuq żewġ oqsma biss – Ġustizzja u Kultura - aħseb u ara x-xogħol kollu l-ieħor li qed iwettqu sħabi fid-diversi kompetenzi tagħhom! Iktar sigurtà 1) Se naħdmu biex dik l-għaqda li ġġib flimkien l-Uffiċji tal-Prosekuturi kollha tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Eurojust, ittejjeb il-ħidma tagħha b'mudell aħjar ta' tmexxija. B'hekk inkunu nistgħu niġġieldu aħjar il- kriminalità organizzata; 2) Se ngħinu biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-Baġit Ewropew sabiex nassiguraw li l-flus li ġejjin mit-taxxi taċ-ċittadini Ewropej imorru għal proġetti u ħidma favur iċ-ċittadini Ewropej; 3) Se ngħinu lill- Kummissjoni fit-tfassil ta' sistema aħjar ta' ġbir ta' informazzjoni li tissejjaħ ECRIS dwar kriminali li wettqu reat fi kwalunkwe parti tal-Unjoni Ewropea, inkluż kriminali li jkunu ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. 4) Se mmexxu 'l quddiem proposta biex tissaħħaħ il- ħidma bejn pajjiż membru u ieħor fejn jidħol l-iffriżar u teħid ta' assi, proprjetà u oġġetti li jkunu ġejjin frott il-kriminalità. Dan biex niġġieldu iktar il-kriminalità organizzata: l-għaqda ġġib is-saħħa. 5) Se nimbuttaw għal titjib tal-liġijiet li jolqu l-ħasil tal-flus sabiex inneħħu d-diskrepanzi fil-liġijiet bejn pajjiż u ieħor u hekk tissaħħaħ il-ġlieda kontra dan ir-reat serju. 6) Se mmexxu 'l quddiem il-proposta favur direttiva kontra t-terroriżmu li ssaħħaħ l-għodod tal-forzi tal-ordni kontra t-terroriżmu u sabiex l-Unjoni Ewropea ssir parti mill-aħħar żviluppi tal-Konvenzjoni dwar il- Prevenzjoni tat-Terroriżmu. Dan biex is-sigurtà tiegħek tissaħħaħ. Is-suq komuni 7) Se naħdmu lejl u nhar biex nkissru min-nofs il- barrieri li hemm fil-liġijiet tal-kuntratti tad-diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol ix-xiri online. Il-mira tagħna hi ċara: dik li jkun hemm liġi mal-Ewropa kollha li biha jekk inti tixtri xi ħaġa online li ma tkunx dak li trid inti, ikollok dritt li jew tibdel l-oġġett, jew tieħu flus lura jew tħassar il-kuntratt mingħajr skużi u burokraziji żejda. Dan hu, wara kollox, is-suq komuni. 8) Se naħdmu biex jintlaħaq kemm jista' jkun progress dwar l-immodernizzar ta' direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi biex minn banda l-liġi tkun fl-aħjar pożizzjoni li tilħaq mal- iżviluppi teknoloġiċi u fl-istess waqt inkomplu nipproteġu lill-minuri minn affarijiet li jistgħu jagħmlulhom ħsara u niġġieldu d-diskors li joħloq mibgħeda jew vjolenza (hate speech). Dan hu dritt tiegħek f 'suq wieħed li jagħti kas ir- responsabbiltà soċjali. 9) Se mmexxu 'l quddiem proposta li tgħin kumpaniji li jkollhom attività f 'iktar minn pajjiż wieħed tal- Unjoni Ewropea (eżempju Malta u l-Italja) li f 'każ li sfortunatament isibu ruħhom bla flus (insolventi), ikun hemm sett ta' regoli li japplika kullimkien fl-Ewropa biex jingħataw it-tieni ċans permezz ta' proċeduri legali li jkunu komuni fl-Ewropa mingħajr kumplikazzjonijiet legali bejn pajjiż u ieħor. Dan hu s-suq komuni. L-inklużjoni soċjali 10) Ħidma oħra li nemmnu fiha b'saħħa u konvinzjoni hija d-dritt li jekk inti tikseb divorzju, separazzjoni, annullament jew digrieti dwar kustodja dwar tfal f 'pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, dak iċ-ċertifikat tal-Qorti jkollu saħħa fil-bqija tal- Ewropa mingħajr il-ħtieġa li tiftaħ kawżi ġodda. Din hija l-vera inklużjoni soċjali! 11) Se mmexxu 'l quddiem diskussjoni biex l-Unjoni Ewropea tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem. B'hekk id-drittijiet fundamentali tiegħek se jissaħħu dejjem iktar; 12) Se nkomplu naħdmu biex l-Unjoni Ewropea tidħol hi wkoll fil-Konvenzjoni ta' Istanbul biex insaħħu l-protezzjoni kontra l-vjolenza kontra n-nisa. B'hekk, ċittadini Maltin ikunu jistgħu jgawdu dawn il-protezzjonijiet mhux f 'Malta u fil-pajjiżi firmatarji biss, imma fil- kumplament tal-Unjoni Ewropea. 13) Se naħdmu biex is-sena 2018, li hija l-istess sena li fiha Malta tkun il-Kapitali Kulturali Ewropea, tkun ukoll is-sena Ewropea ddedikata għall-Patrimonju Kulturali. Żgur li din se ssaħħaħ il-valur tal-Belt Valletta fl-2018; 14) Se naħdmu biex fil- kalendarji tal-Bliet Kulturali Ewropej jidħlu wkoll Bliet ta' pajjiżi mill-EFTA u l-EEA sabiex inkabbru r-rabtiet madwar l-Ewropa kollha; 15) Se nagħtu l-appoġġ kollu tagħna fix-xogħol li l-Unjoni Ewropea tagħmel fejn jidħlu viżas ma' pajjiżi mhux Membri tal-UE u pajjiżi barra mill-Ewropa bħall-Kanada għal-faċilitazzjoni ta' kwistjoni relatati ma' viżas li minnhom igawdu persuni li jgħixu Malta u ċittadini Maltin. Politika mal-ġirien 16) Se nagħtu l-appoġġ kollu lir-Rappreżentanta Għolja Federica Mogherini li temmen li l-kultura għandha tkun parti kruċjali mill-politika barranija. Dan se jgħin biex jitkattru iktar rabtiet bejn il-ġnus. Inħares 'il quddiem lejn ħidma iffukata, soda u b'saqajna mal-art. Għal darb'oħra, persważ li pajjiżna se jqum għall-okkażjoni! Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali OWEN BONNICI Ħadd m'għandu xi idea li se naqilbu l-Ewropa ta' taħt fuq, imma nemmnu li nistgħu nagħmlu d-differenza Il-post fejn se jkunu qed iseħħu numru kbir mid-diskussjonijiet l-aktar importanti tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, li qabel kien il-kamra tar-rappreżentanti 16-il raġuni għala l-ħidma matul il-Presidenza fil- qasam tal-Ġustizzja u l-Kultura hija relevanti għalik! Ritratt: Jeremy Wonnacott

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 8 January 2017