Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/770370
F 'dawn il-ġimgħat ta' festi, smajna diversi appelli sabiex titbaxxa t-temperatura politika tal-pajjiż. Kemm il- President Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll l-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia qalu diskors f 'dan is-sens. Fid-diskors tagħha f 'Jum ir-Repubblika li fih messet ma' diversi temi importanti għall-ħajja ta' pajjiżna, il- president Coleiro Preca qalet fost l-oħrajn: "Matul is-sena li għaddiet, l-arja politika kompliet titqal. Ħafna mill-ġid li l-politiċi jwettqu flimkien, permezz ta' diversi laqgħat f 'kumitati u liġijiet ta' fejda għal kulħadd, qiegħed jintradam taħt munzelli ta' akkużi u kontroakkużi, tgħajjir, insinwazzjonijiet, skavar ta' stejjer personali, u tfigħ ta' tajn. Dan kollu jwassal biex in-nies jinsew li l-politika qiegħda hemm biex kuljum ittejjeb il-kwalità tal-ħajja personali u kollettiva, u biex għada jisbaħ jum aħjar għalina lkoll." Imbagħad f 'diskors ieħor li tat fis-27 ta' Diċembru 2016, il-president ġiet irrappurtata li ħeġġet lill- parlamentari sabiex jieħdu nifs qawwi qabel ma jgħaddu kummenti partiġġjani. Bħala eks deputata, hija stqarret li tifhem li xi kultant wieħed jitlef il- kontroll tas-sitwazzjoni. Imma tali 'inċidenti', jgħattu x-xogħol tajjeb li jwetqu l-parlamentari. Min-naħa tiegħu, l-ispeaker Farrugia stqarr li l-parlamentari xi kultant juru żelu żejjed fil- kummenti tagħhom imma huwa jista' biss jinforza l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra li hemm fis- seħħ. Fil-fatt, f 'intervista li ta lil MaltaToday fil-bidu ta' Diċembru, l-ispeaker Farrugia kien ukoll sejjaħ għal riforma kostituzzjonali u ħeġġeġ għal tnaqqis fin- numru ta' parlamentari. Talab ukoll li ssir bidla fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra sabiex l-interventi ta' deputati jiġu limitati għal 20 minuta minflok l-40 minuta li hemm fil-preżent u sabiex ikunu jistgħu jitwaqfu d-deputati, "li jkunu qed igħidu ħwejjeġ ridikoli u assurdi," f 'kelma waħda jkunu qed jgħidu l-ħmerijiet. L-ispeaker Farrugia qed ukoll jenfasizza l-fatt li issa l-Parlament akkwista awtonomija fit-tmexxija tiegħu u m'għadux aktar jiddependi fuq il-gvern. Dan wara li l-Parlament f 'Awwissu li għadda approva unanimament l-Att ta' l-2016 dwar is-Servizzi Parlamentari li jipprovdi għat-twaqqif ta' Servizz Parlamentari, "awtonomu, independenti mill-Eżekuttiv." B'hekk, seħħ żvilupp kostituzzjonali li kien ilu jiġi awspikat għal żmien mhux ħażin. Għalkemm m'għandhiex dubju mill-intenzjonijiet tajbin ta' dawn iż-żewġ personalitajiet istituzzjonali, ma naħsibx li qed jidentifikaw b'mod korrett ir-raġuni tal-malessere li jeżisti fil- pajjiż dwar il-ħajja politika. Ngħiduha kif inhi, mhix xi ħaġa ġdida li t-temperatura tal-ħajja politika fil-pajjiż tkun għolja. Il-fatt li wieħed illum ikopri rwol istituzzjonali u jħoss li għandu jappella għas-serenità fil-ħajja politika ma jfissirx li wieħed jitlef is-sens ta' proporzjon u jinsa ż-żmien li matulu l-istess individwi kienu huma ukoll protagonisti tal-istess ħajja politika. Dan ma jfissierx li partit għandu jgħolli t-temperatura għaliex meta kien fil-gvern, l-oppożizzjoni hekk kienet tagħmel. Imma lanqas ma jfisser li partit illum fil-gvern, jew personalitajiet istituzzjonali li darba kienu parti minnu, jistennew li l-oppożizzjoni tkun kwieta għax l-attiviżmu tagħha qed idejjaq lill-Gvern. Il-pajjiż hu ta' kulħadd u kulħadd għandu jagħti rendikont ta' għemilu. Huwa minnu li akkużi infondati ma jagħmlu ġid lil ħadd u anke jgerrxu lil ħafna mill-politika. Imma allaħares nispiċċaw li minħabba biża' eċċessiv ta' partiġġjaniżmu, ma ssirx kritika mqita u ġusta fejn tkun mistħoqqa. Ngħid jien jekk parlamentari ma jkunux partiġġjani fil-Parlament, fejn allura jridu jkunu partiġjani? U x'fiha ħażin li parlamentari jkunu partiġġjani? U min ser jiddeċiedi jekk parlamentari hux qed jgħid il-ħmerijiet jew le? Dawn huma temi ferm delikati u wieħed irid joqgħod ferm attent qabel ma jintroduċi bidliet li jista' jkollhom riperkussjonijiet mhux mixtieqa. Il-problema mhux jekk parlamentari jkunu partiġġjani imma jekk ikunu diżonesti, żlejali, għażżenin jew mhux ippreparati. Minflok ma noqogħdu nakkużaw il- povri deputati li huma mgħobbija b'responsabbiltà li ftit minnha napprezzaw minkejja l-onorarju miżeru li għandhom, aħjar naraw kemm għandhom l-għodda sabiex jaqdu dmirhom sew fl- aħjar interess tal-pajjiż. Meta għandna parlament ta' part- timers, trid bilfors tikkuntenta bi skrutinju limitat u m'ux komprensiv tal-leġiżlazzjoni li tgħaddi kif ukoll tal-operat tal-Gvern li huma ż-żewġ rwoli prinċipali tal-parlament. Interessanti ferm kif il- qagħda preżenti f 'pajjiżna bil-Gvern iżomm mistura bosta mill-kuntratti li nnegozja f 'isimna hija simili għall-atteġjament tal-gvern tar-Renju Unit. Il-gvern ta' Theresa May ma jridx jinvolvi lill-parlament qabel ma jinvoka l-artiklu 50 tat- Trattat ta' Liżbona sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE. Min ikollu l-poter li tagħtih maġġoranza parlamentari, isibha komda li jinvoka l-prerogattiva Rjali (anke jekk aħna llum Repubblika) sabiex ma jikxifx dak li jkun qed jaħmi. Eżempju ħaj ta' dan kien l-approvazzjoni fl-aħħar jiem tas-sena l-oħra tal-estimi supplementari li permezz tagħhom €16 miljun ngħataw lil Vital Heath Care għat- tmexxija tal-isptar t'Għawdex u Karen Grech minkejja li tali konċessjoni ma ġietx approvata mill-Parlament u minkejja li l-partijiet tal- kuntratt li ġew ippubblikati ma jinfurmawx liċ-ċittadin kif din il-kumpanija qiegħda tiġi rimunerata għas-servizzi li issa qiegħda tagħti. F'kelma waħda, il-parlament kellu jagħti daqqa ta' timbru fuq dan il-ftehim, daqqa li ngħatat bla tqanżiħ ġaladarba l-gvern igawdi minn maġġoranza kbira, minkejja li ma kienx approvah minn qabel. Il-Ministru tal- Finanzi ddefenda tali estimi supplimentari billi qal li dawn ġew approvati minn qabel minn uffiċjali mill-ministeru tiegħu kif dejjem sar. Imma din il-prassi hija sostitut adekwat għal skrutinju parlamentari xieraq? Bir-rispett lejn kulħadd, flok ma noqogħdu ninħlew f 'retorika bla sugu li issa l-Parlament sar awtonomu jew li hu l-istituzzjoni l-aktar importanti tal-pajjiż, irridu nirriflettu fuq iċ-ċentralità u l-importanza tal-Parlament fil-ħajja politika ta' pajjiżna. Sfortunatament, wieħed ma jistax ma jaħrabx mill-idea li f 'pajjiżna, il-Parlament huwa importanti sabiex il-partit bl-akbar numru ta' siġġijiet jifforma l-Gvern imma altrimenti l-Parlament għandu rwol limitat fil-ħajja politika ta' kuljum. Il-fatt li l-Gvern tal-ġurnata jista' jidħol f 'bosta ftehim ta' importanza kbira mingħajr ma jagħti rendikont lill- Parlament hija materja ferm serja li qed timmina l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet demokratiċi b'mod li ma jistax jiġi sottovalutat. L-iskuża li tali ftehim ma jistgħux jiġu żvelati minħabba raġunjiet kummerċjali mhijiex adegwata u r-rappreżentanti tal-poplu għandhom jingħataw aċċess għal tali ftehim għax għalhekk inħatru sabiex jirrappreżentawna. Din hija kwistjoni fundamentali f 'demokrazija parlamentari. Wasal iż-żmien li anke l-Parlament tagħna jibda jsegwi l-proċedura tal- Parlament Ewropew adotta fir-rigward ta' negozjati delikati bħal dawk tat-Trattat ta' Sħubija tal-Kummerċ u Investiment Transatlantiku magħruf komunement bħala TTIP. Il-Parlamentari Ewropej jistgħu jeżaminaw id-dokumentazzjoni kollha fi kmamar speċjali u jieħdu n-noti li jidrilhom b'idejhom imma ma jistgħux jirriproduċu tali dokumenti minħabba l-kunfidenzjalità tagħhom. B'hekk, ikollhom l-informazzjoni meħtieġa sabiex fuqha jibbażaw il- ħidma politika tagħhom mingħajr ma jikkompromettu n-natura delikata tan- negozjati. Il-Parlament tar-Renju Unit ukoll qed jikkunsidra arranġament simili fir- rigward tan-negozjati dwar il- Brexit. Tassew wieħed jistenna li l-mexxejja tal-istituzzjonijiet tagħna jimpenjaw ruħhom sabiex il-Parlament tagħna jsir aktar effettiv fl-iskrutinju tal-ħidma tal-gvern u mhux biss iservi ta' timbru għall- istess ħidma. Tali impenn, wieħed iħoss, ikun aktar f 'loku mis-solitu diskors dwar it-temperatura tal-ħajja politika. Għax biex tinżel tali temperatura, huwa essenzjali li l-iskrutinju tal-operat tal- gvern da parti tal-Parlament tkun effettiva. Min jakkwista l-poter u jifforma l-gvern ma jistax jagħmel li jrid mingħajr ħadd ma jindaħallu. U għaldaqstant hija tant delikata l-kwistjoni tar-rimunerazzjoni tal-Parlamentari u r-riservi kbar li wieħed iħaddan dwar il-prattika anti-kostituzzjonali li permezz tagħha bosta deputati ngħataw karigi fl-eżekuttiv meta mhumiex awtorizzati mil-liġi. Il-mexxejja istituzzjonali tagħna għandhom iħeġġu li jkollna Parlament viġilanti u mhux wieħed imsewwi magħmul minn Parlamentari sottomessi għar-rieda tal- gvern. Wieħed kien ferm jippreferi diskors dwar ir-rwol tal-Parlament u l-istatus tal- parlamentari milli diskors li minkejja l-intenzjonijiet tajbin, ma jwassalx għal tali riżultat. Dejjem u kull ħin irridu nżommu f 'moħħna li d-demokrazija mhix irreversibbli u li trid tiġi indukrata għax bosta huma dawk, fil-poter u mhux, li jagħmlu minn kollox biex jimmanipulawha għall- iskopijiet meskini tagħhom. Joe Ellis huwa opinjonista u kandidat tal-PN fuq it-13-il distrett illum | Il-Ħadd 08 ta' Jannar 2017 Allaħares nispiċċaw li minħabba biża' eċċessiv ta' partiġġjaniżmu, ma ssirx kritika mqita u ġusta fejn tkun mistħoqqa Il-mexxejja istituzzjonali tagħna għandhom iħeġġu li jkollna Parlament viġilanti u mhux wieħed imsewwi Opinjoni 18 Parlament f 'saħħtu, mhux imsewwi JOE ELLIS