Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/770370
illum | Il-Ħadd 08 ta' Jannar 2017 Opinjoni 20 Dak li hu u dak li mhux F ost l-antiteżijiet kbar fid-dinja kif qegħdin nesperjenzawha llum il-ġurnata hemm dak bejn l-insensittività u s-sensazzjonaliżmu. U b'xi mod dawn it-tnejn jiltaqgħu fil-mezzi ta' xandir għall-massa. Dan l-aħħar qegħdin naraw kif portali tal-aħbarijiet diġitali, li forsi sa ftit żmien ilu konna nħarsu lejhom b'ċertu rispett, qegħdin, biex jikkompetu, jaqgħu tant fil-baxx f 'dik li hija kwalità li tibda tasal biex taħseb li dan huwa normali. Billi l-ideat pop wasslu għall-idea li kulħadd jista' jkun kollox, jew, li kulħadd jista' jkun dak li tixtieq qalbu, illum l-idea ta' professjonalità saret titqies bħala anatema, jekk mhux ukoll bħala attitudni awtoritarja li tmur kontra l-ispirtu demokratiku. Kulħadd jista' jkun dak li jixtieq, mingħajr wisq sforz, mingħajr wisq dewmien. Kulħadd jista' jkun fotografu f 'temp ta' ftit ġimgħat; jew pittur; kittieb u x'naf jien. Kulħadd jista' jkun ġurnalist ukoll. Tiskanta xi kultant tara artikli miktubin jew tisma' servizzi jinqraw, u bla ma trid tibda tħokk rasek għax il-lingwa hija batuta jekk mhux ukoll atroċi, l-ideat mhumiex oriġinali, it-traduzzjoni (anki ma jintqalx li hemm traduzzjoni) hija fqira, fjakka u ħażina u l-intenzjoni – jekk hemm – tibqa' sfukata. Jekk ġurnalist għandu problema bil-lingwa, allura kif jista' jitqies b'ġurnalist? Il-ġurnalisti pop mhumiex biss dawk li jittraduċu "rumanz" bħala "romantic novel", jew "traduzzjoni" bħala "traditional book", jew dawk li jgħidulna li kien hemm mara li "inqatgħet minn ġewwa". Il-ġurnalisti pop huma dawk li jissensazzjonalizzaw kull aħbar li tista' titfaċċa. Illum il-ġurnata diversi servizzi ġurnalistiċi jfittxu biss li joħolqu sensazzjoni, li jissentimentalizzaw l-aħbar; li, donnhom, jieħdu gost iqabbżu d-dmugħ minflok isinnu l-imħuħ biex janalizzaw dak li ġara jew qiegħed jiġri. L-aħbar issir kapitlu minn xi rumanz tal-bidu tas-seklu l-ieħor, jew dramm li kien isir f 'xi sala tar-raħal; hekk ħalli l-qarrejja jew l-ispettaturi l-aktar li jistgħu jaslu huwa li jlissnu "miskin" u jieqfu hemm. Imbagħad hemm in-naħa l-oħra: l-insensittività. Għax hemm limitu kemm nistgħu nitqanqlu. Meta dak il-limitu jinqabeż, imbagħad nidraw u nibdew infittxu ħwejjeġ oħrajn biex iqanqluna. U awtomatikament insiru insensittivi. Aktarx li din l-insensitività tintwera l-aktar għall- ħabta ta' Jannar. Tant inkunu ilna nisimgħu bi stejjer ta' ħasra matul il-ġimgħat tal-Milied, u f 'Malta tant nemozzjonaw irwieħna l-għada tal- Milied meta minn għajnejna jaqbżu d-demgħat waqt li f 'ħalqna titmeċlaq il-panettone, li mbagħad, malli nitfu l-bozoz iteptpu u l-istilel u s-sħab griż ta' Jannar ifakkarna fir-realtà, ninsew l-emozzjonijiet, inħalluhom xi mkien warajna, u nerġgħu nsiru dak li konna f 'Novembru. Dik l-emozzjoni kollha fuq ix-xandir, fl-istejjer personali mimlija traġedji u ħasra, attwalment jibdew itarrxu kull sentiment u emozzjoni. Dil-ġimgħa xi ħadd tella' ritratt ta' kolazzjon li persuni tad-demm u l-laħam mill-Mali qed jingħataw huma u jinżammu f 'kamp tad- detenzjoni f 'Ħal Safi. Bezzun, bajda iebsa u mid-dehra kikkra kafè, poġġuti fuq ħoġor ta' tieqa. Il-barax ta' kummenti mimlija mibegħda li kien hemm taħt dan ir-ritratt lejn dawn in-nies mill-Mali jwaħħax lil kull min għad fadallu mqar traċċi ta' emozzjoni. Xi ħadd ieħor tella' ritratt ta' ittra mibgħuta saħansitra lil trabi biex dawn jippreżentaw id- dokumenti tax-xogħol u dokumenti oħrajn tal-kera biex l-istatus ta' protezzjoni li għandhom jiġġedded. Din l-ittra ma kitibhiex Samuel Beckett jew Fernando Arrabal imma l-Kummissarju għar-Refuġjati. U dan ħaqq ġimgħa wara li konna qegħdin niċċelebraw ir-rekord tal-miljuni li ġbarna għall-imsieken; ġimgħa wara li konna qegħdin niddikjaraw fuq it-televixin kemm aħna kburin li aħna Maltin għax il-qalb tagħna mhix tal- laħam imma tad-deheb. Dik hi l-problema: li għandna qalb tad-deheb li tħoss bl-Ewro minflok bl-emozzjoni; li l-emozzjoni u s-sentimentaliżmu ta' ġimgħa, ġimagħtejn ilu kienu biss finta, falsità. Għax hemm ukoll il-fenomenu l-ġdid fid-dinja tax-xandir: l-aħbarijiet il-foloz. Fenomenu ġdid sa ċertu punt għax l-aħbarijiet il-foloz ilhom jeżistu mindu bdew jeżistu l-aħbarijiet. Il- mitoloġija Griega mimlija giddibin li wasslu aħbarijiet foloz. Imma l-falsità, il-gidba, il-finzjoni (li huma tliet affarijiet differenti, veru, imma marbutin flimkien intimament) saru ħwejjeġ normalissimi. Hemm każi, pereżempju r-riklami, li l-falsità tant hija ovvja u sadattant naċċettawha ta' li hi, imma naċċettawha. Persważ li ħadd ma jemmen, ħlief xi eċċezzjoni stramba 'l hawn u 'l hemm, li jekk togħrok snienek bit-tali tooth paste mhux veru li se titfaċċa l-isbaħ mara minn imkien u tiġġennen warajk. Il-biċċa hi li llum il-ġurnata l-falsità, il-mhux veru, sirna ngħallmuhom lit-tfal, nippreżentawhomlhom fil- logħbiet tagħhom. Kont qed nosserva tifel ta' xi disa' snin jilgħab logħba elettronika. Ħin minnhom fuq l-iskin jurini figura ta' raġel jilgħab il-ballun. "Dak jien," qalli t-tifel. Il-figura kienet ta' ġuvni ta' xi ħamsa u għoxrin, ta' karnaġġjon iswed (meta t-tifel huwa abjad), u bi statura differenti ta' raġel adult u mhux ta' tifel. Imma sadattant, waqt li t-tifel jaf li dak mhux hu, jemmen li huwa hu. "Dak jien. Dak ivvintajtu jien u dak huwa jien." Sadattant, l-istess tifel, jieħu ċ-ċellulari ta' missieru u jiġbed stessu. "Dak min hu?" "Dak jien, hux." Hawn fejn ir-realtà u l-finzjoni jitħalltu flimkien; fejn wieħed jista' jinfixel meta jiġi biex jiddistingwi waħda mill-oħra. Aktarx li dan huwa t-taħriġ informali li t-tfal qegħdin jieħdu biex għada pitgħada jaċċettaw il-finzjoni bħala realtà. Miskin hu min għadu jipprova jiskopri x'inhu veru u x'mhuwiex. IMMANUEL MIFSUD Dik hi l-problema: li għandna qalb tad-deheb li tħoss bl-Ewro minflok bl-emozzjoni; li l-emozzjoni u s-sentimentaliżmu ta' ġimgħa, ġimagħtejn ilu kienu biss finta, falsità Illum il-ġurnata, diversi servizzi ġurnalistiċi jieħdu gost iqabbżu d-dmugħ minflok isinnu l-imħuħ biex janalizzaw dak li ġara jew qiegħed jiġri