Illum previous editions

illum 15 January 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/773565

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 15 ta' Jannar 2017 | illum 23 Rakkont HEKK malli xirfet barra mill-bini, ħasset l-arja ta' barra tiblagħha. Għolliet rasha 'l fuq lejn is-sema griża tal-ħarifa u ħasset taqtira xita eżatt fuq moħħha. Semgħet il-bieb ta' warajha jingħalaq. Il-ħoss tal-bieb daħal f 'qalbha. Waqfet hemm bilwieqfa. Ma kinitx taf kif kienet qiegħda tħossha. Ferħana? Bla nifs? Ħelsien? Dwejjaq? Jew kienet diġà qiegħda tħoss in-nuqqas? In-nuqqas ta' Francis. Tat daqqa t'għajn ħafifa 'l fuq lejn il-bini. Il-bini li kienet ilha taħdem fih għal dawn l-aħħar ħames snin. Il-bini li fih kienet bkiet, daħket, ħassitha kreattiva, persuna ta' fiduċja, maħbuba, iżda wisq iżjed importanti minn dan kollu kienet iltaqgħet ma' Francis. Mill-ewwel darba li kienet rifset hawn ġew kienet ħadet grazzja miegħu. Ħames snin. Ħames snin ilu. Francis kien impjegaha mill-ewwel. Taha pożizzjoni importanti. Pożizzjoni li kienet ser tiswielha ż-żwieġ tagħha. Iż-żwieġ tagħha ma' Steve. Kienet qabdet relazzjoni intima ma' Francis meta ż-żwieġ tagħha kienet qiegħda tħossu jaqa' biċċiet. Biċċiet żgħar, żgħar… Iżda wara li kienet qabdet torbot qalbha ma' Francis, Steve kien għamel minn kollox biex jirranġa l-affarijiet. Laura kienet sabet ruħha tgħix żewġ personalitajiet totalment differenti. Bla ma kienet taf kif kienet spiċċat f 'din il-basla, Laura kellha tkompli tigdeb, tgħaffeġ u tiżbalja. Sew kienu jgħidu n-nies. Ladarba titkisser tazza, għalxejn tipprova tirranġaha, għaliex ix-xquq jibqgħu hemm. Jibqgħu f 'qalbek. Kull filgħaxija kienet tibki waħedha, hekk xħin tħares lejn ir-raġel tagħha mimdud fis- sodda, b'dik il-ħarsa innoċenti… Kienet tħoss il-piż tal-ħtija. Ħtija kbira. Fil-bidu lanqas biss kien għadu jimpurtaha minn dak li jgħidu n-nies jekk jaħslu jindunaw bir-relazzjoni li kienet għaddejja l-uffiċċju. Iżda mbagħad bdiet tiftaħ għajnejha… Steve kien iħobbha. U hi kienet tħossha konfuża. Konfuża u muġugħa minn ġewwa. Ħadet nifs twil u telqet tiġri fix-xita. Illum kienet ħadet deċiżjoni iebsa. Illum kienet qaltlu l-verità. Illum. Aħjar tard milli qatt. Kienet lesta li tmur id-dar bħala persuna mibdula. Persuna ġdida. Persuna li kienet lesta li tiddedika l-kumplament ta' ħajjitha għal żewġha. "Aħfirli Steve," qalet b'leħen għoli hi u tiġri lejn id-dar, tħoss xagħarha jixxarrab, wiċċha niedi u l-ħwejjeġ jiksħu fuqha. Imma ma tantx kien jimpurtaha. Illum kienet ser titwieled mill- ġdid. Waqfet zoptu hekk kif waslet quddiem id-dar tagħha. Steve. Illum kienet lesta li tibda mill- ġdid. Kienet taf li kien qiegħed id- dar dal-ħin. Qasmet it-triq mill-ewwel, ħarġet iċ-ċavetta mill-but tal- kowt u daħlet tħaffef ġewwa. Kienet qiegħda tħossha libera. Libera li kienet ħadet id- deċiżjoni. "Steve?" għajtet, hekk kif neżgħet il-kowt imxarrab għasra minn fuqha u dendlitu maġenb il-bieb. Għaddiet idha minn ġo xagħarha u ħasset l-ilma nieżel fuq moħħha. Mesħitu u daħlet ġewwa. Wiċċha kien għadu ruxxan mill- ġirja li kienet għadha kemm ħadet. Steve ma weġibhiex. "Steve?" reġgħet sejħitlu. Baħħ. Ebda risposta. Bdiet tiġri madwar id-dar, tħalli l-passi mxarrbin taż- żarbun, hi u tfittxu. "Steve…" qalet hekk kif daret kantuniera tal-kuritur u ratu mixħut mal-art. Ħasset fawra tielgħa għal rasha, hekk kif marret tħaffef lejh u indunat li Steve kien mitluf minn sensih. Għalkemm Steve kien fih raġel, rat kif għamlet u poġġietu fis-sodda. Waqt li bdiet tibki, bdiet iċċempel lit-tabib tagħhom, li ra kif għamel, ħareġ iħaffef mill-klinika u ġie jara lil Steve ta' malajr. "Sinjura Grech…" qalilha, hekk kif kien barra mill-kamra ta' Steve, wara li kien iċċekkjah sew. Laura għalqet il-bieb tal- kamra għax ħasset li t-tabib kien beda jkemmex moħħu u ried jgħidilha xi ħaġa ħażina. Ma xtaqitx li jkellimha quddiem żewġha li issa kien ġie f 'sensih. "Żewġek mhux jogħġobni… aħjar tieħdu għand professur… imma minn dak li rajt…" It- tabib ħares lejn Laura. Ma kienx jaf kif kellu jaqbad jgħidilha. Mument bħal dak kien wieħed minn dawk il-mumenti li kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien studja u laħaq tabib. Għalkemm kien jiltaqa' ma' ħafna każijiet, Steve u Laura kienu kważi saru ħbieb tal- familja. "Għidli…" qaltlu Laura, tħossha kważi ser taqta' nifisha. It-tabib ħares lejn it-tieqa tal-kuritur, minn fejn kien hemm il-ġnien li kien mad- dar tagħhom. Ra siġra kbira f 'nofs il-ġnien. Peress illi kienet il-ħarifa, is-siġra kienet qiegħda twaqqa' l-weraq u kienet imdawra weraq sofor madwarha fuq il-ħaxix. Maz-zkuk kien fadal nofs il-weraq, u dak il-ftit weraq li kien fadal kien donnu kollu lest biex jaqa' wkoll. "Taf li m'iniex ser noqgħod nomgħodha…" qalilha, ixarrab xufftejh. Għamlitlu iva b'rasha. "Qed taraha dik is-siġra?" staqsieha, jipponta subgħajh għas-siġra fil-ġnien. Reġgħet għamlitlu iva b'rasha. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" Laura ħasset griżmejha jixxuttaw f 'daqqa, qalbha tieqaf u l-kuritur idur biha. Bla ma kompla jgħidilha, it-tabib telaq 'il barra. Semgħet il-bieb tad-dar jinfetaħ u jingħalaq. Ħasset id-dmugħ iġelben minn ma' ħaddejha. Steve! Steve kien ser iħalliha! Ma jistax ikun! Ma jistax ikun! Daret lejn il-bieb ta' kamartu u fetħitu fil-fixla. Steve kien qiegħed wara l-bieb jissemma'! "Int… int kif qomt mis- sodda?" staqsietu tipprova taħbi d-dmugħ. "Xejn… kont ġej ħdejk…" qalilha. Minn dakinhar sal-ġurnata tal-lum, Laura qatt ma telqitu sekonda. Dejjem ma' Steve. Ħaditu għand professuri, tobba oħra, ħadet opinjonijiet, testijiet u ddedikat ħajjitha ħalli tarah ġej għall-aħjar. Iżda Steve donnu ma kienx qed jagħmel progress. Kien sejjer mill-ħażin għall-agħar, kuljum jidher aktar pallidu, kuljum aktar debboli. Kull darba li kienu jgħaddu minn ġol-kuritur, hi u tgħinu jmur lura fis-sodda, kienet tħares lejn is-siġra l-kbira li kellhom fil-ġnien. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" Leħen it-tabib kien dejjem jidwi f 'rasha. Steve wkoll kien iħares lejn is-siġra, bi żlieġa f 'għajnejh, jinnota li s-siġra kienet waqqgħet aktar weraq. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" kien donnu jerġa' jisma' kliem it-tabib minn wara l-bieb. U kien ikollu aptit jibki. Ħares lejn martu u ħassu mdejjaq. Ma riedx imut. Ma riedx jitlaqha. Għalih, Laura kienet id-dinja. Għalkemm fil-passat kellhom il-problemi bejniethom, issa kien jaf li Laura kienet qiegħda tmur lil hemm minn dak li kien qatt basar. Kienet taħslu, tagħmillu l-ikel, titimgħu, tgħinu, tgħidlu l-istejjer, tidħak u tipprova tferrħu. "Laura…" qalilha dakinhar li kien qed iħossu debboli aktar mis-soltu. Qabdilha idha u ħares f 'għajnejha, jipprova jagħmel l-almu tiegħu ħalli jżomm bilwieqfa. Kienu mexjin lejn il-kamra tas-sodda, eżatt fil-kuritur quddiem it-tieqa. "Naf ta." "X'taf?" qaltlu Laura, kważi rrabjata. Riedet tgħajjat. Riedet issabbat rasha mal-ħajt, riedet taqbdu bejn dirgħajha u ma titilqu qatt! Ma setgħetx titilfu! Kemm kienet belha! Kemm kienet belha… kienet tilfet l-isbaħ żmien minn miegħu biex kienet toqgħod tmur tiltaqa' ma' Francis! Issa kienet taf… Issa kienet taf x'kellha… "Għandek ix-xampanja u qiegħda tixrob l-ilma," kienet qaltilha ħabiba tagħha meta kienet fetħet qalbha magħha dwar Francis u Steve. "Naf li meta taqa' l-aħħar werqa… jien…" ma felaħx ikompli. Laura ma weġbitux. Ħaditu fis-sodda, għattietu u telqet 'il barra mill-kamra. Minn dakinhar, Laura nbidlet. Ma baqgħetx tgħaddi ħafna ħin ħdejh u xħin kienet tkun ħdejh kienet tidher imħassba. Sa dakinhar. Dakinhar sema' xi kliem ġej mill-kċina. Qam minn fuq is-sodda bil-mod u mexa lejn il-bieb. It-tieqa tal-kuritur kienet eżatt quddiem il-bieb u seta' jara s-siġra. Kien għad fadal xi tliet werqiet kollox. Ħass qalbu trid tinqasam. Il-paroli li kien ġej mill-kċina kien donnu leħen maskili li kien qed jitkellem minn taħt ma' Laura. Steve ħass id-dmugħ nieżel minn ma' wiċċu u mar lura f 'soddtu. Kien jaf li Laura kienet mara grazzjuża u malajr kienet ser issib ieħor. Raqad. Aħjar jorqod. Fil-ħolm kien ikun jista' jerġa' jkun dak kollu li kien jixtieq. Kien ikun f 'saħħtu u l-uġigħ kien jitilqu għalkollox. Ħaġa tal-għaġeb li wara dakinhar, Laura reġgħet bdiet tgħaddi ħafna ħin ħdejh. Kienet tgħinu, taħslu, tagħmillu kuraġġ u twennsu. Steve kien iqum minn ġos- sodda kuljum u jmur jittawwal lejn is-siġra. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" It-tliet werqiet li kien fadal maz-zokk kienu għadhom hemm. Steve ried jagħmel kuraġġ. Ried jgħix. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa, kellu ċ-ċans li jgħix. Li jirkupra, li ma jmutx. Beda jipprova. Beda jipprova jiekol, jipprova jimxi, jipprova jagħmel l-affarijiet li dan l-aħħar kienu jaqtgħulu qalbu. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" Għaddiet il-ħarifa u waslet ix- xitwa. Kienet il-kesħa. Steve u Laura kienu qegħdin fil-kamra tas-sodda. "Tidher aħjar Steve," qaltlu Laura, hekk kif bdiet tinduna li żewġha ma kienx għadu pallidu daqs qabel. It-terapija tagħha kienet qed tirnexxi! Steve tbissem u ħares lejn is- siġra li kien hemm fil-ġnien, li kien jista' jara minn ġo kamartu. Għalkemm kienet ix-xitwa, it- tliet werqiet li kien fadal kienu baqgħu hemm. Kienu għadhom ma waqgħux. "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" qalilha Steve. Laura tbissmet u ħasset qalbha timtela bil-ferħ. Steve kien donnu ħafna aħjar! "Tidher m'intix ħażin," qallu t-tabib, hekk kif ġie jinviżtah. "Donnu ġara miraklu!" Steve libes il-flokk u tbissem lejn it-tabib. "Dott… ħafna drabi hija r-rieda tagħna, hux." "Meta rajtek qabel, kont kważi qtajt qalbi…" wieġbu t-tabib. "Lil martek kont għedtilha…" dawwar rasu lejn is-siġra li kienet tidher minn ġot-tieqa tal- kuritur. "Dik? Dik kif fadlilha l-weraq? Issa x-xitwa! Ħaġa tal-iskantament." "Sakemm twaqqa' l-aħħar werqa…" It-tabib għamillu iva b'rasu. "Miraklu." "Ħasbitni ma indunajtx," qallu Steve, għajnejh iffissati fuq is-siġra. "X'ma indunajtx?" "Li ġabet lil misserha hawn. Qabbditu jwaħħal l-aħħar tliet werqiet mas-siġra bil-kolla. Biex ma jaqgħu qatt. Biex tagħmilli kuraġġ," Steve tbissem. "Sal- aħħar werqa, Dott." It-tabib fetaħ ħalqu biex iwieġbu iżda ddeċieda li ma jgħid xejn. Minflok, tbissem u ħares lejn Steve u s-siġra. Il-kuraġġ kien kollox. Sharon Calleja Weraq taħt is-siġra

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 January 2017