Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/782196
illum | Il-Ħadd 05 ta' Frar 2017 Opinjoni 20 Tara u tisma' D an l-aħħar tqajjem każ dwar xi ħadd li allegatament abbuża bil-kartuna l-kaħla, dak id-dokument li jagħti permessi speċjali lil nies li għandhom xi forma ta' diżabilità biex jipparkjaw fi spazji riservati. Miniex se niddiskuti dan il-każ partikolari iżda se nagħmel xi ftit osservazzjonijiet bħala wieħed li jsuq bil-kartuna l-kaħla u jġorr il-karta tal-identità speċjali użata minn persuni b'diżabbiltà. Li ħafna nies juru diżrispett totali lejn ir-regolamenti tat-toroq u s-sewqan huwa fatt magħruf ħafna, tant li sar wieħed minn dawk iċ-ċajtiet koroh nazzjonali. Dan id-diżrispett ma jidhirx biss fis-sewqan imma anki fl-organizzazzjoni tat-toroq infushom. Pereżempju tmur toqgħod fi triq ġdida u jkollok tqatta' snin timxi u ssuq fuqha mingħajr asfalt, mingħajr bankina, saħansitra mingħajr dawl, bħal dak li qallu l-asfalt, il-bankini u d-dawl huma xi privileġġ. Jew inkella l-ismijiet tat-toroq: qatt ma jirnexxili nifhem għala triq ma jkollhiex isimha indikat f 'kull kantuniera, għall- benefiċċju ta' min ikun qiegħed idur u jagħqad ifittex id-destinazzjoni tiegħu. Għal nies b'diżabilità, it-toroq u t-trasport joffru sfidi li ħafna drabi jirrealizzawhom biss huma. Ma tridx wisq issib bankina dejqa wisq, jew għolja wisq, jew mingħajr rampa fit- truf tagħha. Lanqas ma trid wisq biex f 'nofs bankina titfaċċa xi qasrija kbira biex 'insebbħu l-ambjent'; jew xi arblu jew antanjol tal-festa. L-ispazji riservati għal dawk li għandhom il-kartuna l-kaħla joffru tentazzjoni kbira. Ejja ngħiduha kif inhi: ħadd ma jieħu gost jiskopri li mkien, imma proprju mkien, m'hemm spazju fejn jitlaq il-karozza. Għax billi aħna magħrufin għal kemm inħobbu nimxu u niċċaqalqu, inkunu rridu bilfors il-karozza pparkjata eżatt quddiem fejn se mmorru – ikun xokk kbir jekk ikollna nimxu kantuniera jew tnejn. U allura jiġri – u din, sfortunatament, mhijiex rarità – li dak il-blu lewn is-sema miżbugħ fl-art ikun tant seduċenti li taqbad u tipprakja fuqu. Jista' jkun ukoll li dawk li jaqgħu għat-tentazzjoni ma jiddejqux jagħtu 'xi ħaġa għall-karità' lanqas. L-istess jiġri ħafna drabi meta dak li jkun ikollu jagħmel qadja ta' malajr: iħalli l-karozza fuq il-post riservat, jinżel malajr, imur jagħmel il-qadja u jiġi lura: "minuta kollox". Hemm grupp ta' nies li d-diżabilità tagħhom toffrilhom sfida differenti minn dik li jaffaċjaw oħrajn. Ħafna minna għandna l-idea li biex bniedem jitqies bi bżonnijiet speċjali jrid ikun xi ħadd fuq siġġu tar-roti, b'bastun f 'idu jew krozzi jew xi apparat ieħor li jgħinu jimxi. Fi kliem ieħor, ħafna drabi rridu naraw ġisem viżibbilment difettuż biex nifhmu li t-tali persuna għandha diżabbiltà. Iżda teżisti lista pjuttost twila ta' diżabbiltajiet imsejħa 'moħbija' jew 'inviżibbli'. Bniedem jista' jidher f 'saħħtu meta fil-fatt ma jkunx. Il-kundizzjonijiet li jwasslu għal diżabbiltà moħbija huma ħafna u varji: bniedem jista' jbati minn kundizzjoni kronika, uġigħ kontinwu, immobilità jew mobilità limitata, jew kundizzjonijiet oħrajn li ma jkunux jidhru. Nies bħal dawn, li wkoll għandhom id-dritt għall-privileġġi riservati għal nies b'diżabilità, jiltaqgħu ma' diffikultajiet diversi. Pereżempju ħafna nies jippruvaw 'isibulhom' id-difett u meta ma jarawhx jibdew jirraġunaw, "imma dik tidher tajba." Drabi oħrajn jiġu akkużati li qegħdin iqarrqu, li qed jisirqu d-drittijiet ta' ħaddieħor, li jgħaġġbuha jew li jivvintaw; jew li huma għażżenin u sabu skuża tajba. Każi bħal dawn ifakkruni fil-kliem Ii kont smajt darba: għandna nagħlqu għajnejna u niftħu widnejna aktar. Knisja konservattiva Spiss naqbadha fuq il-mod kif il-ħsieb Lemini issa mhux biss imkebbes imma b'saħħtu u mxerred sew. Inkwetanti ħafna li anki l-fergħa leminija tal-Knisja qiegħda titħarrek u tħarrek. Il-konservattivi sew fi ħdan il-knisja Maltija qegħdin jiddejqu bid-deċiżjonijiet meħuda mill-isqfijiet Maltin u urtati bil- ftuħ – anki jekk mhux beraħ – li qiegħed jipprofessa l-Vatikan. Dawn l-elementi konservattivi qegħdin jesprimu tħassib li d-direzzjoni li fiha qed imexxi l-knisja tiegħu Franġisku, hija kontradittorja għat-tradizzjoni Kattolika. L-iskantament huwa li fost l-aktar qassisin konservattivi hemm numru sew minnhom li huma żgħażagħ. Issibhom fuq Facebook itellgħu artikli minn ġurnali magħrufin għax-xeħta leminija tagħhom. U bejn ġabra għal xi gandlier tal-fidda u oħra għal xi vara ġdida fuq stil tradizzjonali, jixħtu d-dubju fuq id-dispożizzjoni tal-knisja li ssir aktar ħanina, inqas riġida, u aktar umana. "Żmien t'hekk," issib min jgħidlek. "Ħafna drabi meta dak li jkun ikollu jagħmel qadja ta' malajr: iħalli l-karozza fuq il-post riservat, jinżel malajr, imur jagħmel il-qadja u jiġi lura: 'minuta kollox'" "Ma tridx wisq biex f 'nofs bankina titfaċċa xi qasrija kbira biex 'insebbħu l-ambjent'; jew xi arblu jew antanjol tal-festa" IMMANUEL MIFSUD