Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/782196
Il-Ħadd 05 ta' Frar 2017 | illum 3 Aħbarijiet Proposta biex ir-resits isiru xahrejn wara li tibda l-iskola Inċertezza dwar il-futur ta' dawk li jfallu mill-eżamijiet tal-MATSEC Minn Veronica Lynn Mizzi STUDENTI li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tagħhom wara l-iskola post-sekondarja sabiex jidħlu f 'istituzzjoni terzjarja, jiġifieri l-eżamijiet tal-A Levels u l-Intermediate, kapaċi jaffaċjaw problemi ikbar jekk dawn jeħlu minn xi suġġett. Bil-proposti li qed ikunu, "serjament ikkunsidrati", u li jinsabu fid- dokument imqiegħed għall- konsultazzjoni pubblika dwar l-edukazzjoni post- sekondarja, is-sessjonijiet tal-eżamijiet mistennija jiċċaqalqu, inkluż dawk tar- resits, ġaladarba dawn jiġu fis-seħħ. Minn Settembru, ir-resits huma proposti li jiċċaqalqu għal bejn Novembru/ Diċembru, bir-riżultati joħorġu f 'Jannar minflok f 'Ottubru. Dan iqajjem bosta mistoqsijiet dwar il-futur tal- istudenti li jkollhom xi resit. X'se jiġri minnhom, ġaladarba r-resits huma proposti li jsiru wara li tkun bdiet l-iskola? Fi tweġibiet għal din il-mistoqsija tal-ILLUM, il-'working group' li kien responsabbli mill-kitba tar-rapport, ma offra l-ebda soluzzjoni konkreta, iżda qal biss li hemm "proposti għad- diskussjoni mal-Università u l-MCAST dwar il-kriterji tad-dħul biex studenti jkunu jistgħu jibdew il-kors li jixtiequ f 'Ottubru jew ikun hemm kors għalihom li jippreparahom għal studju fil-livell terzjarju." Ir-rapport ukoll jammetti li l-istess proposta kienet ġiet skartata fl-2010 minħabba 'oġġezzjonijiet qawwija', u 'diffikultajiet amministrattivi'. 'Kors ta' sentejn jispiċċa b'xi 50 ġimgħa biss ta' lezzjonijiet' Ir-rapport li tnieda iktar kmieni din il-ġimgħa, jipproponi 26 proposta, li fost l-oħrajn isemmu kif għandu jkun hemm bidliet fiż- żminijiet tal-eżamijiet sabiex l-istudenti jkollhom iktar ċans sabiex iħejju ruħhom għall- eżamijiet. Fil-preżent, studenti jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f 'Mejju, u jekk ma jgħaddux, ikollhom il-possibbiltà li jagħmlu resit f 'Settembru, biex jidħlu għall-kors li jridu f 'Ottubru jekk jgħaddu. Minkejja dan, bħalissa hemm restrizzjonijiet ta' kemm u liem eżamijiet wieħed jista' jagħmel bħala resit fis-sessjoni ta' Settembru, minħabba restrizzjonjiet fis-suġġetti mill-MATSEC. Student li jagħmel l-eżamijiet tiegħu u ma jgħaddix, ma jistax jagħmel resit tal-eżamijiet kollha, iżda ta' suġġett wieħed fil-livell avvanzat u sa massimu ta' erba' fil-livell intermedju, jekk dawn ma jkunux mill- istess grupp ta' suġġetti per eżempju, xjenzi, jew lingwi. Minkejja dan, proposta partikolari tgħid li l-eżamijiet għandhom jibdew isiru bejn Mejju u Ġunju, bir-riżultati jiġu ppubblikati lejn nofs Awwissu. Dan, tgħid il- proposta, jwassal sabiex ikun hemm iktar żmien li fih, kemm l-istudenti, l-għalliema u l-iskejjel jistgħu jippreparaw għal dawn l-eżamijiet, bit-tieni sena tal-post-sekondarju jitwal b'madwar 4-5 ġimgħat. Fi tweġibiet għall-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta fir-rigward ta' din il-proposta, il-working group inkarigat minn din ir- riforma sostna li bħalissa, "it- tieni 'sena' tas-sixth form fiha biss 20 ġimgħa ta' lezzjonijiet, u b'kollox, kors ta' 'sentejn jispiċċa b'xi 50 ġimgħa ta' lezzjonijiet u ġirja sfrenata biex ikopru s-sillabu." Iżid jgħid kif, "għalhekk, b'din il-proposta, l-istudenti għandhom iċ- ċans ikollhom esperjenza aħjar u iktar formattiva f 'dan iż-żmien ta' preparazzjoni." Isostnu wkoll li minħabba li jkun hemm iktar żmien ta' preparazzjoni, ikun hemm ukoll "inqas bżonn ta' resits." Jekk studenti ma jirnexxilhomx jakkwistaw marki biżżejjed biex jgħaddu minn dawn l-eżamijiet, anke minn wieħed biss, li huwa każ komuni ħafna, dawn ikollhom jerġgħu jagħmlu l-eżamijiet fis-sessjoni tar-resits. Bħalissa, din is-sessjoni ssir kmieni f 'Settembru, bir-riżultati joħorġu iktar tard matul l-istess xahar, u b'hekk tingħata l-possibbiltà li student xorta japplika għall-kors li jixtieq jagħmel fl-Università, jekk din hi x-xewqa tiegħu, u jekk jgħaddi, jista' jibda f 'Ottubru mal-istudenti l-oħra kollha. Il-proposta fir-rapport tindika li dawn is-sessjonijiet jitmexxew minn Settembru għal bejn Novembru u Diċembru, bir-riżultati tagħhom eventwalment joħorġu tard f 'Jannar tas-sena ta' wara, meta fil-fatt il-korsijiet universitarji jkunu bdew u saħansitra spiċċaw l-ewwel semestru minn tnejn. Minkejja li jissemmew bosta diskussjonijiet li jeħtieġ isiru ma' diversi istituzzjonijiet fosthom l-Università u l-MCAST, xejn ma jissemma fil-konkret dwar x'se jkun qed isir minn dawn l-istudenti li se jkollhom ir-riżultati f 'idejhom f 'Jannar. Suġġeriti 'foundation course' jew dħul proviżorju Tul ir-rapport iżda, jissemmew xi għażliet li jista' jkun hemm, fosthom li studenti jidħlu xorta għall- kors Universitarju f 'Ottubru b'mod proviżorju, jagħmlu r-resits f 'Novembru/Diċembru sakemm joħorġu r-riżultati tar-resits f 'Jannar, u jekk jgħaddu jkollhom jagħmlu l-eżamijiet tal-kors tal- Università li jsiru bejn Jannar u Frar. Jekk ma jgħaddux, wieħed ma jafx xi jsir minn dawn l-istudenti. Issemmew ukoll tip ta' foundation course, li jkunu magħmula apposta għal dawn l-istudenti li jidħlu fl-edukazzjoni terzjarja tard, wara li jistennew ir-riżultati tar-resits tagħhom. Fir-risposta tal-working group għal dan, intqal li, "qabel ma jsiru dawn id-diskussjonijiet, ma jistgħux jingħataw tweġibiet speċifiċi għall-kull każ li jista' jinqala'." Bħalissa, jekk student jeħel minn numru ta' eżamijiet jew kombinazzjoni tagħhom li ma jippermettulux li jagħmel ir-resit, ikollu jistenna sas- sena ta' wara jekk jixtieq jerġa' jagħmilhom, jew inkella jiddeċiedi li jaqbad triq differenti. Il-problema tinħoloq meta student ikun weħel minn ftit suġġetti, anke wieħed biss għal ftit marki, għaliex fejn bħalissa jkun jista' jerġa' jagħmlu f 'Settembru, u jekk jgħaddi jkompli bl- edukazzjoni f 'Ottubru, hekk se jkollu jistenna sa Novembru/ Diċembru, u minħabba li ma jkunx daħal fil-kors li jkun xtaq, ikun teknikament tilef sena. Minkejja dan, ir-rapport jinkludi għadd ta' suġġerimenti li għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja tal-istudent fl- istituzzjoni post-sekondarja. Fost l-oħrajn, il-working group magħmul minn iktar minn 20 espert fil-qasam, li dam jiltaqa' għal madwar sentejn, ippropona iktar skejjel post- sekondarji madwar il-pajjiż, kif ukoll jiġi offrut it-tagħlim ta' ħiliet ġodda lill-istudenti, li huma essenzjali fid-dinja tal-lum.