Illum previous editions

illum 5 February 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/782196

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Aħbarijiet 9 Il-Ħadd 05 ta' Frar 2017 | illum 'Rajt irġiel jixorbu l-awrina biex jibqgħu ħajjin' "MA kien hemm imkien minn fejn infittex protezzjoni allura kelli nkompli l-vjaġġ tiegħi fid-deżert. Hemmhekk rajt nies imutu bil-għatx. Kellna nofs litru ilma biss kull 24 siegħa. Kienet sħana kbira u t-temp kien umdu. Meta l-karozza waqfet taħdem dawk li kienu qed isuqu riduna nimbuttaw il-karozza aħna barra mir-ramel. Kienet esperjenza verament orribbli, tant rajt tbatija quddiem għajnejja. L-irġiel kienu qed jixorbu l-awrina tagħhom stess, jiġġieldu bejniethom biex jixorbu l-awrina ta' xulxin biex jibqgħu ħajjin." Din l-esperjenza tal-biża' hija waħda biss mill-ġabra sħiħa ta' esperjenzi miġburin mill-Jesuit Refugee Service dwar nisa u rġiel li jitkellmu dwar dak li jgħaddu minnu qabel jaslu pajjiżna. Dan qabel ma jkunu kkundannati doppjament biex jgħixu fil-faqar jew f 'riskju serju ta' faqar, skont rapport maħruġ din il-ġimgħa. Il-mara, li tirrakkonta kif mill-Etjopja marret għas-Sudan sakemm spiċċat Tripli, tgħid li għexet fil-biża' tal-Pulizija fi Tripli, rat immigranti jiksru saqajhom jiġru biex ma jilħquhomx il-Pulizija u kif għal snin għexet fil-biża' li tinqabad u tispiċċa msakkra l-Libja. Mara oħra mis-Somalja titkellem dwar kif darba waranofsinhar, tlett irġiel stuprawha hekk kif kien hemm battalji bejn il-grupp militanti Al Shabaab u gruppi oħrajn fir-raħal fejn kienet tgħix. "L-aħbar li jien ġejt stuprata malajr ġriet mar-raħal u sfajt ikkundannata għall-mewt, permezz ta' tħaġġir. Kieku ma tlaqtx, ma kontx inkun l-ewwel waħda li nkun ġejt imħaġġra." Fil-ġabra ta' stejjer, mara oħra li tkellmet qalet kif il-Libja, f 'Sabha, kull mara kienet imressqa quddiem raġel partikolari li quddiemu kellu jitressaq kull min ikun qasam il-fruntiera. "Kull min ma jobdihx jispiċċa jinżamm hemmhekk, f 'post fejn hemm it-tortura u s-swat." Minkejja li f 'pajjiżna u fl-Ewropa, l-immigranti jgħixu f 'pajjiżi fejn, tal-anqas fuq il-karta, id-drittijiet tal-bniedem huma mħarsin, huwa ċar issa bil-fatti li wara dawn l-esperjenzi orribbli, ħafna minn dawn in-nies ikunu kkundannati jgħixu ħajja ta' faqar. Fil-fatt, rapport ippubblikat din il-ġimgħa mill-Aditus, il- Malta Communuty Chest Fund u l-Jesuit Refugee Service (JRS) juri li l-maġġoranza tal-popolazzjoni immigratorja qed tgħix f 'dik li tista' titqies bħala klassi ġdida. Il-klassi tal- ifqar, fost il-fqar. Bla xogħol. Bla flus. Bla prospett Ir-rapport juri kif l-akbar problema hija dik li tirrigwarda x-xogħol. Minkejja li numru minn dawn l-immigranti jistgħu jkunu kwalifikati, ħafna drabi jispiċċaw jagħmlu xogħolijiet li jħallsu ftit u li huma miftuħin għal diversi fatturi, fosthom l-istaġjonalità u anke l-abbuż. Ir-rapport juri kif 54% minn dawk li pparteċipaw f 'dan l-eżerċizzju kellhom xi forma ta' impjieg, iżda kienu biss 23.6% li kellhom impjieg matul is-sena kollha (2015). Ir-rapport juri diskrepanza kbira bejn ir-rata ta' impjiegi fix-xhur tax-xitwa u rati ta' impjiegi fis-sajf, li jindika li parti sostanzjali minn dawk li qed isibu xogħol, qed jaħdmu f 'setturi iktar staġjonali. F'Jannar, il-qgħad fost dawk li ngħataw ażil kien wieħed għoli ħafna u laħħaq persentaġġ ta' kważi 58%, filwaqt li f 'Ġunju, dan in-numru niżel għal 40.3%. Jekk jitqabblu ċ-ċifri tal-qgħad fost dan is-settur partikolari li qed jgħix f 'Malta mal-popolazzjoni in ġenerali, wieħed isib diskrepanzi astronomiċi. Fil-fatt, filwaqt li r-rata tal-qgħad f 'pajjiżna hija speċjalment baxxa bħalissa, l-anqas f 'aktar minn 20 sena bi ftit inqas minn 3,000 (madwar 3%), il-qgħad fost dawk li qed ifittxu ażil huwa għoli mmens. Apparti dak li jidher bħala qgħad għoli ħafna, id-dħul ta' dawk li ngħataw ażil f 'pajjiżna huwa baxx ħafna. Il-medja tad-dħul, skont ir-rapport 'Struggling to Survive', hija ta' €4,066 in ġenerali. Filwaqt li għal dawk li qegħdin f 'impjieg full time (23.6%), il-qligħ medju fl-2015 kien ta' ftit inqas minn €10,000 (€9,892). Minn dawk li pparteċipaw, xejn inqas minn 80% jinsabu f 'riskju ta' faqar, ċifra li titla' għal 88.6% fost dawk jibgħatu parti mill-qligħ tagħhom barra mill-pajjiż. Dan ħafna drabi jagħmluh biex imantnu lill-familji tagħhom lura f 'pajjiżhom Dawn il-persuni flimkien, fl-2015, bagħtu €26,685 mill-qligħ tagħhom lejn pajjiżhom, b'medja ta' €1,212 kull persuna/familja. 85.3% ma jistgħux ilaħħqu mal- aktar spejjeż bażiċi Il-faqar fost din is-sezzjoni tal- popolazzjoni huwa preżenti u reali ħafna, ħafna aktar prevalenti mill- popolazzjoni in ġenerali. Fil-fatt, dan l-istħarriġ wera kif 75% ma jifilħux iħallsu biex ikollhom mezz ta' trasport privat (popolazzjoni ġenerali p.ġ – 3.3%), 96% ma jifilħux jieħdu vaganza annwali (p.ġ. 1.9%), 40% m'għandhomx biżżejjed flus biex jieklu laħam, tiġieġ jew ħut darbtejn jew tlieta fil-ġimgħa (p.ġ. 15.5%) u 84% ma jkunux jistgħu jħallsu għal spiża li ma tkunx mistennija u li taqbeż it-€350 (p.ġ 24.7%). Ftit inqas minn 39% ma jistgħux ilaħħqu mal-kontijiet jew mal- prezz tal-kirja (p.ġ – 15%). Minn dawk li pparteċipaw, 46.5% qalu li fejn jgħixu hemm problema serja ta' spazju, probabbilment riflessjoni ċara tal-fatt illi ħafna minn dawn l-immigranti jgħixu f 'appartamenti li jkunu qed jinqasmu ma' diversi nies oħrajn u dan biex b'hekk l-ispiża tkun tista' tinqasam u l-piż ikun eħfef. Fil-fatt, il-ħlas medju għall-kera huwa ta' €250 fix-xahar jew ftit aktar minn €3,000 fis-sena, li meta kkumparat ma' rati bil-wisq ogħla ta' kirjiet privati bħalissa, jindika biċ-ċar li l-proprjetà qed jgħixu fiha numru ta' adulti. Ftit iktar minn tlieta minn kull 10 li rrispondew għal dan l-istħarriġ, qalu li fl-appartament tagħhom qed jesperjenzaw problemi ta' umdità, taqtir ta' ilma minn sistemi differenti u moffa. Kważi 40% stqarrew li qed jgħixu f 'post li m'għandux biżżejjed dawl. Intant, l-akbar numru ta' nies li qed ifittxu ażil qed jgħixu f 'appartamenti fi blokkok żgħar. Kważi 70% qed isofru minn dipressjoni L-istudju jindika b'mod pjuttost ċar ukoll li n-nuqqas ta' mezzi, il- kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom dawn in-nies u anke l-fatt li ħafna m'għandhomx impjieg, qed iwassal għal livell għoli ta' frustrazzjoni u anke dipressjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-inċidenza tad- dipressjoni fost il-popolazzjoni ġenerali hija ta' 6.6%, fost dan is-settur din l-inċidenza titla' għal ftit inqas minn 70% fost dawk li qed ifittxu l-ażil. Intant 88.9% ta' dawk li pparteċipaw urew sens baxx ta' sodisfazzjon fil-ħajja. Mill-eżerċizzju li wassal għal dawn ir-riżultati huwa ċar, jgħid ir-rapport, li hemm rabta b'saħħitha bejn in-nuqqas materjali ta' persuna u n-nuqqas ta' flus. 'L-indikaturi dwar il-faqar jikkorrelataw ma' kemm persuna tkun kuntenta jekk kemm tkun imdejqa. Id- dħul, konsum u kemm persuna tħossha deprivata minn affarijiet bażiċi bħal ħwejjeġ u ikel, kollha jiddeterminaw kemm persuna tħossha tajjeb.' Rakkonti devastanti ta' nies li jaraw infern qabel jaslu Malta... fejn iktar minn 80% jgħixu fi l- faqar u 70% ibatu minn dipressjoni agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham 74.7% 95.8% 40% 31.6% 31.6% X'ma jifilħux iħallsu dawk li qed ifittxu ażil?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 February 2017