Illum previous editions

illum 12 February 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/785760

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Frar 2017 | illum Opinjoni 17 Skont Cacopardo... Bħan-nagħaġ ta' Bendu I l-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista dwar il-politika f 'Malta tipprova tittratta lill-votanti bħan- nagħaġ ta' Bendu. Għax il-ħarsien tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, skont il-PN u s-segwaċi fidili tiegħu, huma assigurati biss permezz tal-Partit Nazzjonalista u għaldaqstant it-taqbida t-tajba tista' ssir biss permezz tiegħu u taħt it- tmexxija tiegħu. Għal uħud, il-pluraliżmu hu tajjeb biss għaċ- ċikkulata u, forsi, ftit għax- xandir! Matul ix-xhur li ġejjin, bħalma jiġri kważi qabel kull elezzjoni ġenerali, bla dubju qed tikber l-għajta tal-Partit Nazzjonalista u ta' dawk li jinċensawh dwar il-ħtieġa ta' koalizzjoni kontra Joseph Muscat u l-Partit Laburista u dak kollu li dawn jirrappreżentaw. Il-politika ta' Simon Busuttil tidher differenti minn dik tal-predeċessur tiegħu. Lawrence Gonzi kien esprima lilu innifsu diversi drabi kontra anke l-idea innifisha ta' koalizzjoni li ġieli ddeskriviha bħala kalċi avvelenat li jippreferi li ma jmissx. Imma fir-realtà, għalkemm Simon Busuttil qed jipprietka ħafna dwar "koalizzjoni kontra l-korruzzjoni", fil-prattika qed imexxi 'l quddiem proċess ta' assimilizzazzjoni ta' kull min jaħseb li jista' jikkompeti lill-Partit Nazzjonalista għall-voti, anke bl-iżjed mod remot. Beda b'Salvu Mallia li llum hu parti mill- Partit Nazzjonalista u preżentement għaddej bil- proċess tal-assimilazzjoni tal-partit ta' Marlene Farrugia. Milli qed jingħad jidher li dan il-proċess wasal fit-tmiem tiegħu. Koalizzjoni ma ssirx billi nimxu bħan-nagħaġ ta' Bendu wara l-Partit Nazzjonalista. Imma ssir bejn partiti politiċi differenti wara li dawn jaqblu fuq programm politiku komuni kif ukoll dwar il-mod kif dan għandu jitwettaq. Għandi dubju kemm il-Partit Nazzjonalista qatt jista' jasal li mhux biss jagħmel xi forma ta' kompromess fuq il-proposti li jrid ipoġġi quddiem l-elettorat, imma iktar minn hekk dwar kemm hu lest li jaċċetta li jikkampanja wkoll favur ideat u ideali ta' partiti politiċi oħra. Għax jekk ser nitkellmu fuq koalizzjoni pre-elettorali jfisser li jrid ikun ifformulat programm politiku aċċettabbli għall- elementi kollha ta' din il- koalizzjoni. Programm politiku ta' koalizzjoni pre-elettorali jinvolvi ferm iktar minn ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tat-tmexxija tajba fl-istrutturi tal-istat. Jinkludi firxa sħiħa ta' oqsma li dwarhom partiti politiċi differenti għandhom fehmiet differenti. Xi drabi differenzi żgħar imma xi minn daqqiet differenzi sostanzjali. Dan ma jgħoddx biss għall-politika ambjentali, imma jgħodd ukoll għall-edukazzjoni, għall-politika soċjali kif ukoll għall-politika fiskali, dik ekonomika u dik kulturali, fost oħajn. Koalizzjoni politika teħtieġ li tkun mibnija fuq dan il-pedament bażiku, jiġifieri ftehim programmatiku, inkella ma jkollhiex direzzjoni jew skop ċar għajr li tiġbor lil kulħadd f 'merħla waħda – l-uniku skop reali li jidher li għandu bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Koalizzjoni li ssir b'xi mod ieħor tkun biss eżerċizzju li jittratta lill-Maltin bħan- nagħaġ ta' Bendu. L-awtur hu Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com, http://carmelcacopardo. wordpress.com Bla dubju qed tikber l-għajta tal-Partit Nazzjonalista u ta' dawk li jinċensawh dwar il- ħtieġa ta' koalizzjoni kontra Joseph Muscat u l-Partit Laburista Koalizzjoni ma ssirx billi nimxu bħan-nagħaġ ta' Bendu wara l-Partit Nazzjonalista. Imma ssir bejn partiti politiċi differenti wara li dawn jaqblu fuq programm politiku CARMEL CACOPARDO

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 February 2017