Illum previous editions

illum 19 February 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/788856

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

illum | Il-Ħadd 19 ta' Frar 2017 Intervista 12 'Gvern Kapitalist, awtoritarju u tas-sarimi' S ekwestri. eddid tal-libertà. Burdelli. Insomma kienu ġimagħtejn impenjattivi ferm. F'intervista speċjali maqsuma tnejn l-ILLUM titkellem ma' żewġ Qriema dwar is- sitwazzjoni politika l-preżent Nibdew b'Clyde Puli. Nistaqsih dwar il-każ ta' Chris Cardona u mill-ewwel nilqgħu bl-istqarrija ta' Rosianne Cutajar li qed tidher fuq il-faċċata l-oħra. Clyde Puli jemmnu lil Cardona meta jgħid li mhux vera mar f 'burdell? "X'naħseb jien mhux relevanti, għalkemm nemmen li l-maġġoranza tan-nies ma jemmnuhx. Jien iktar ninkwieta dwar il-ġurnaliżmu fil-pajjiż u l-libertà," jiftaħ din il-parti tal- intervista d-Deputat Nazzjonalista. Nippreżentalu xenarju ipotetiku. Blogg partikolari, ejja ngħidu ta' Glenn Bedingfield, jakkużah li qed ibigħ id-droga jew inkella li qed jaqlibha lil martu. Hu kif jirreaġixxi? Jiftaħ libell? Jordna li jsir sekwestru fuq l-assi ta' min allega hekk dwaru? "Per prinċipju ma naqbilx mal- attakki personali," jibda Puli, li jisħaq li, "relazzjoni hija xi ħaġa personali, imma akkuża ta' politiku li jieħu jew ibigħ id-drogi mhix. Inti trid li jirrapreżentak xi ħadd li jkun taħt l-effett ta' xi sustanza?" jistaqsi Puli retorikament. 'Gvern li qed juri sinjali totalitarji' Insemmilu l-artiklu li kitbet is- Segretarju Parlamentari Deborah Schembri nhar is-Sibt li għadda, li deher fuq ġurnal lokali. Fih issuġġeriet li għandu jkun hemm xi forma ta' protezzjoni fuq il-ħajja privata tal- politikanti. Puli jgħid li ma jaqbilx ma' Schembri, fis-sens li trid, jew qed talludi li trid, li l-istat jkun hu li jinforza. Puli jemmen li għandha tkun is-soċjetà nnifisha, flimkien mal- ġurnaliżmu li jrażżan dak li jista' jkun ħażin u mhux il-Gvern. "Il-Gvern qed juri ħafna sinjali ta' awtoritarjaniżmu...fosthom bil-liġi tal-ugwaljanza." Filwaqt li jikkritika l-kontenut tal-liġi proposta, Puli jgħid li din hija eżempju ta' kif dan il-Gvern jagħmel l-affarijiet. "Gvern li suppost soċjalista meta fil-fatt lanqas qatt ma kien hawn kapitalista daqsu għax ibigħ kollox. Li timponi kif għandu jaħseb xi ħadd, mhux libertà." Ma tistax torbot ġwenħajn il-ġurnalist Imma allura kulħadd jista' jgħid u jallega u jinsinwa li jrid? Kulħadd jista' jikkalunja mingħajr provi? Dan li jrid Clyde Puli? Id-Deputat Nazzjonalista jiċċara: "Jien naqbel li jkun hemm liġi ta' libell u li min jinstab ħati jħallas ta' għemilu, imma ma tistax torbot ġwenħajn il-midja. Immaġina ġurnalist, ikun għadu jibda l-ħajja, se jixtri post, għandu self u ċċapċaplu mandat kawtelatorju, meta lanqas ikun għadu nstab ħati." Puli jgħid li din l-arma tkun qed tintuża biex tinħoloq il-biża' u tillimita lill-midja. 'Mhux vera li issa qam il-PN' Kritika li ssir fil-konfront tal-PN huwa li issa stenbaħ, għax il-każ jinvolvi lil Caruana Galizia, anke jekk sekwestri saru qabel fosthom wieħed ta' €2 miljuni fuq il-Mediatoday. Għalfejn issa qed jitkellem il-PN? Għalfejn issa qam? Għalfejn qatt ma biddel liġijet hu stess? Filwaqt li jfakkar li s-sekwestru fuq il-Mediatoday ma kienx jinvolvi Ministru fuq ġurnalist, bħal każ ta' Cardona, jirrifjuta bil-qawwa li l-PN stenbaħ issa. "Mhux vera, mhux vera li l-PN illum qam. Għax jekk se nitkellmu dwar il-libertà tal- espressjoni rridu mmoru lura għal meta lanqas stajna niktbu l-kelma 'In- Nazzjon' u għal meta ħarqu t-Times. Kien il-Partit Nazzjonalista li introduċa demokrazija sħiħa bl-Indipendenza u kien fi żmien Eddie Fenech Adami li ġibna demokrazija vera u proprja, permezz tal-pluraliżmu fix-xandir, permezz tad-deċentralizzazzjoni. "Minn dak iż-żmien evolvejna...u issa qamet din il-kwistjoni tas-sekwestru li ħadd, qatt ma uża qabel u rridu nirreaġixxu għaliha." Lura għat-tmeninijiet Il-Partit Nazzjonalista għaddej bil-protesti, bl-għajta tal-libertà u demokrazija mhedda. Qisu qed jipprova jerġa' jirrikostruwixxi s-snin 80, bil-Labour bħala lupu u l-PN l-vittma tat-theddid. Imma llum, mhux is-snin 80. Hawn il-libertà, m'hawnx ġlied fit-toroq għall- grazzja t'Alla, la hawn traġedji bħal ta' Raymond Caruana u lanqas bħal ta' Karin Grech. Illum ħadd ma jaħbi n-Nazzjon u ħadd ma jibża' jikkritika, m'hawnx bombi u balavostri neżlin fuq in-nies... "Jiżbalja min jaħseb," jibda Puli, "li d-demokrazija takkwistaha darba u daqshekk. Trid tiġġilidha kuljum. Meta tara l-prinċipji jitnawru, trid tindirizza l-problema mill-bidu tagħha." Puli jgħid li llum hemm Gvern li kapaċi jimmanipula, u jsemmi fost eżempji oħrajn, dik li jsejjaħ "manipulazzjoni grassa fix-xandir tal-istat" fejn "dak li ma jidħolx kexxun mal-propoganda tal-Gvern, ma jixxandarx." Lanqas hemm paragun bejn il-PN u l-PL Ninterrompih u nfakkru li taħt Gvern Nazzjonalista, li hu kien parti minnu, kellek programmi fuq ix- xandir ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa li kienu prattikament inċensar għall- Gvern Nazzjonalista u vomtu fuq il-Partit Laburista. Ma jħossx li l-passat riċenti huwa tqil wisq fuqu u fuq il-PN f 'dan is-suġġett? "Anke l-mistoqsija tiegħek innifisha hija frott l-impressjoni li qed jipprova jibni dan il-Gvern. Għaliex għal kull ħaġa ħażina u oxxena li jagħmel, jgħidilna 'għax ma tħarsux lejn dak li għamiltu intom'. Lanqas hemm paragun. Mela aħna xi ħadd minna fetaħ xi kont xi mkien?" jistaqsi Puli b'referenza għall-kont ta' Konrad Mizzi fil-Panama. 'Id-Demokrazija qed titnaqqar kuljum' "Id-demokrazija qed titnaqqar kuljum," jgħid Puli u jirreferi għall-bidliet proposti mill-Gvern, proposti mħabbrin din il-ġimgħa. "Qed jgħidulna li website f 'dan il- pajjiż trid tirreġistraha ma' awtorità. Mela aħna ftaħna l-online biex kulħadd jgħid li jrid, u dan il-Gvern qed iġiegħel siti jirreġistraw. Din il-liġi li jrid dan il-gvern suppost liberali. U għalfejn? Biex mingħalih jagħlaq ħalq sit wieħed u fil- proċess se jkisser il-proċess kollu demokratiku." Puli jgħid li kieku George Orwell kellu jerġa' jitwieled illum, "ir-razzett tal-annimali li jerġa' jikteb dwaru, ikun f 'Malta, fil- Malta Tagħna Lkoll." Id-Deputat Nazzjonalista jmur oltrè u jakkuża lill-Gvern preżenti b'sarimi. "Iridu jagħmlu sarima ma' ħalq kulħadd, bdew bil-ġurnalisti u se jkomplu bil- poplu...dan mhux qed ngħiduh aħna biss, qed jgħiduh Michael Briguglio, Carmel Cacopardo u Marlene Farrugia. Hawn għajta sħiħa." 'Klikka li ddominat lill-pajjiż' Resqin lejn it-tmiem. Nistaqsih ipinġi xenarju ta' Gvern Laburista minn hawn u tliet snin oħra jekk il-PL jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. "Jekk dan il-gvern mhux se nieqfulu llum, se jaħseb li jista' jgħaddi romblu minn fuq kulħadd," sostna Puli. "Hawn klikka li ddominat pajjiż, araw x'qal Victor Bonello fil-każ ta' Jimmy Magro, qal li f 'dan il-pajjiż ma tistax tkun onest. Il-gravi tas- snin 80 hekk bdew, għax kien hemm min aċċetta li ridt tħallas Ministru għat-TV bħala normali." "Kull min ma jaqbilx magħhom jaqlagħha, jew jaqla' transfer għax jitkellem fuq il-post tax-xogħol jew inkella jekk ġurnalist, xi sekwestru kawtelatorju. Dawn." b'referenza għall-Gvern preżenti, "huma psewdo-liberali, liberali taċ-ċajt, tad-daħq. Liberali farsa," temm jgħid Puli mal-ILLUM. Albert Gauci Cunningham agcunningham@mediatoday.com.mt Clyde Puli jisħaq li bħalissa 'd-demokrazija qed titnaqqar kuljum'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 February 2017